Skrittura
4 Nefi 1


Ir‑Raba’ Nefi

Il‑Ktieb ta’ Nefi
Li Huwa Bin Nefi—Wieħed mid‑Dixxipli ta’ Ġesù Kristu

Rakkont tal‑poplu ta’ Nefi, skont l‑istorja tiegħu.

Kapitlu 1

In‑Nefiti u l‑Lamaniti jikkonvertu lkoll għall‑Mulej—Huma għandhom kollox komuni, iwettqu l‑mirakli, u jkollhom ir‑risq f’arthom—Wara żewġ sekli, tfeġġ il‑firda u l‑persekuzzjoni, ifeġġ il‑ħażen u jfeġġu wkoll knejjes foloz—Wara tliet mitt sena, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti jsiru nies ħżiena—Ammaron jaħbi l‑annali sagri. Madwar 35–321 W.K.

1 U ġara li ġiet fi tmiemha s‑sena erbgħa u tletin, kif ukoll ħamsa u tletin, u araw id‑dixxipli ta’ Ġesù ffurmaw knisja ta’ Kristu fl‑artijiet kollha tal‑madwar. U dawk kollha li ġew għandhom, u nidmu tassew minn dnubiethom, ġew mgħammdin f’isem Ġesù; u huma rċevew ukoll l‑Ispirtu s‑Santu.

2 U ġara li fis‑sena sitta u tletin, il‑poplu kollu fuq wiċċ l‑art ikkonverta għall‑Mulej, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti, u ma kien hemm l‑ebda tilwim u diżgwid bejniethom, u kull bnedmin beda jittratta lil bniedem ieħor b’mod xieraq.

3 U huma kellhom kollox komuni bejniethom; għalhekk la kien hemm għonja u lanqas foqra, la lsira u lanqas ħielsa, iżda lkoll kisbu l‑ħelsien, u bdew jibbenefikaw mid‑don divin.

4 U ġara li ġiet fi tmiemha wkoll is‑sena sebgħa u tletin, u fil‑pajjiż kienet għadha qed issaltan il‑paċi.

5 U d‑dixxipli ta’ Ġesù wettqu bosta għemejjel kbar u tal‑għaġeb, hekk li huma fejqu lill‑morda, u qajmu lill‑mejtin, u wasslu biex iz‑zopop jimxu, u l‑għomja jaraw, u t‑torox jisimgħu; u huma wettqu kull xorta ta’ mirakli fost ulied il‑bnedmin; u l‑mirakli kollha li wettqu wettquhom f’isem Ġesù.

6 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u tletin, kif ukoll disgħa u tletin, u erbgħin, u wieħed u erbgħin, u anke tnejn u erbgħin, iva, sewwasew sakemm ġiet fi tmiemha anke s‑sena disgħa u erbgħin, kif ukoll ħamsin, u wieħed u ħamsin, u tnejn u ħamsin; iva, sewwasew sakemm ġiet fi tmiemha wkoll is‑sena disgħa u ħamsin.

7 U l‑Mulej tahom ġid kbir fil‑pajjiż; iva, hekk li huma reġgħu bnew l‑ibliet li kienu nqerdu bin‑nar.

8 Iva, anke l‑belt kbira ta’ Żaraħemla bnew mill‑ġdid.

9 Iżda kien hemm bosta bliet li spiċċaw mgħarrqa, u minflokhom tela’ l‑ilma; għalhekk dawn l‑ibliet ma setgħux jerġgħu jinbnew mill‑ġdid.

10 U issa, araw, ġara li n‑nies ta’ Nefi komplew jissaħħu, u bdew jitkattru b’rata mgħaġġla, u saru nies mill‑aktar sbieħ u dħulin.

11 U huma bdew jiżżewġu u jżewġu, u ġew imbierka skont l‑għadd kbir ta’ wegħdiet li għamel magħhom il‑Mulej.

12 U huma ma baqgħux aktar jimxu skont ir‑riti u l‑ordinanzi tal‑liġi ta’ Mosè; iżda bdew jimxu wara l‑kmandamenti li rċevew mingħand il‑Mulej Alla tagħhom, u huma komplew isumu u jitolbu, u bdew jiltaqgħu flimkien ta’ spiss kemm biex jitolbu kif ukoll biex jisimgħu l‑kelma tal‑Mulej.

13 U ġara li ma kien hemm l‑ebda tilwim fost in‑nies kollha fil‑pajjiż; iżda bdew jitwettqu mirakli tal‑għaġeb fost id‑dixxipli ta’ Ġesù.

14 U ġara li ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u sebgħin, kif ukoll is‑sena tnejn u sebgħin, iva, u fi ftit kliem ġiet fi tmiemha s‑sena disgħa u sebgħin; iva, u b’hekk għaddiet sewwasew mitt sena, u d‑dixxipli ta’ Ġesù, li huwa għażel, marru jgħammru lkoll fil‑ġenna ta’ Alla, ħlief għat‑tlieta li sejrin jibqgħu fuq l‑art; u kien hemm dixxipli oħra li ġew ordnati minflokhom; u ħafna li kienu minn dik il‑ġenerazzjoni mietu wkoll.

15 U ġara li ma kien hemm l‑ebda tilwim fil‑pajjiż, minħabba l‑imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar fi qlub il‑poplu.

16 U ma kien hemm l‑ebda għira, l‑ebda ġlied, l‑ebda tixwix, l‑ebda żína, l‑ebda gideb, l‑ebda qtil, jew xi tip ta’ nuqqas ta’ rażan; u żgur ma setax ikun hemm poplu aktar kuntent minnhom fost il‑popli kollha li ġew maħluqa minn id Alla.

17 La kien hemm briganti, la qattiela, u lanqas Lamaniti, jew xi forma oħra ta’ ‑iti; iżda huma kienu lkoll ħaġa waħda, ulied Kristu, u werrieta tas‑saltna ta’ Alla.

18 O, kemm kienu nies henjin! Għax il‑Mulej berikhom fl‑għemejjel kollha tagħhom; iva, huma komplew jgħixu fil‑barka u r‑risq sakemm ġiet fi tmiemha s‑sena mija u għaxra; u dawk li kienu tal‑ewwel ġenerazzjoni minn wara Kristu mietu lkoll, u fil‑pajjiż kollu ma kien hemm l‑ebda tilwim.

19 U ġara li Nefi, li kiteb dawn l‑aħħar kitbiet, (u hu kitibhom fuq il‑pjanċi ta’ Nefi) miet, u ibnu Għamos kompla jikteb minfloku; u huwa kompla jikteb ukoll fuq il‑pjanċi ta’ Nefi.

20 U huwa kompla jikteb għal erbgħa u tmenin sena, u fuq l‑art kienet għadha qed issaltan il‑paċi, għajr għal parti żgħira mill‑poplu li qamu kontra l‑knisja u bdew isejħu lilhom infushom Lamaniti; għalhekk fil‑pajjiż reġa’ beda jkun hemm il‑Lamaniti.

21 U ġara li Għamos miet ukoll, (u dan seħħ mija u erbgħa u disgħin sena minn wara l‑miġja ta’ Kristu) u ibnu Għamos beda jikteb minfloku; u huwa beda jikteb ukoll fuq il‑pjanċi ta’ Nefi; u dan ġie miktub ukoll fil‑ktieb ta’ Nefi, li huwa dan il‑ktieb.

22 U ġara li għaddew mitejn sena; u dawk li kienu parti mit‑tieni ġenerazzjoni spiċċaw mietu lkoll għajr għal ftit minnhom.

23 U issa jiena, Mormon, irridkom tkunu tafu li n‑nies tkattru tant li huma spiċċaw infirxu ma’ wiċċ l‑art kollha, u huma saru nies mill‑aktar għonja, minħabba l‑ġid kbir li kisbu permezz ta’ Kristu.

24 U issa, f’din is‑sena mitejn u wieħed beda jkun hemm fosthom xi wħud li bdew jitkabbru, u bdew, fost ħwejjeġ oħra, jilbsu lbies jiswa’ l‑flus, u kull xorta ta’ ġawhar fin, u ħwejjeġ fini oħra tad‑dinja.

25 U minn dak iż‑żmien ’il quddiem, ġidhom u dak kollu li kellhom ma baqax aktar komuni bejniethom.

26 U huma bdew jinqasmu skont il‑klassi; u bdew jibnu knejjes biex jagħmlu profitt u jakkwistaw, u bdew jiċħdu l‑veru knisja ta’ Kristu.

27 U ġara li hekk kif għaddew mitejn u għaxar snin fil‑pajjiż kien hemm bosta knejjes; iva, kien hemm bosta knejjes li kienu jistqarru li kienu jafu lil Kristu, u madankollu kienu jiċħdu parti sewwa mill‑evanġelju tiegħu, hekk li huma kienu jittolleraw kull xorta ta’ ħażen, u kienu jagħtu minn dak li huwa kien iqisu bħala sagru lil min ma kellhomx jagħtuh minħabba l‑indenjità tiegħu.

28 U din il‑knisja spiċċat tkattret bil‑kbir minħabba l‑ħażen, u minħabba l‑qawwa ta’ Satana li spiċċa ħakem qalbhom waħda sew.

29 U kien hemm ukoll knisja oħra li kienet tiċħad lil Kristu; u huma kienu jippersegwitaw lill‑membri tal‑knisja vera ta’ Kristu, minħabba l‑umiltà tagħhom u l‑fidi tagħhom fi Kristu; u huma kienu jistmerruhom minħabba l‑għadd ta’ mirakli li ġew imwettqa fosthom.

30 Għalhekk huma bdew jeżerċitaw il‑qawwa u l‑awtorità fuq dawk id‑dixxipli ta’ Ġesù li baqgħu jgħammru fosthom, u tefgħuhom ġewwa ħabs; iżda permezz tal‑qawwa tal‑kelma ta’ Alla, li kienet tinsab fihom, il‑ħabsijiet spiċċaw inqasmu fi tnejn, u huma marru fosthom iwettqu mirakli tal‑għaġeb.

31 Madankollu, u minkejja dawn il‑mirakli kollha, in‑nies webbsu qalbhom, u ppruvaw joqtluhom, l‑istess kif il‑Lhud f’Ġerusalemm ippruvaw joqtlu lil Ġesù, skont kelmtu.

32 U xeħtuhom f’ħuġġieġa nar, u huma ħarġu minnha bla ma ġralhom xejn.

33 U xeħtuhom fl‑għerien mal‑bhejjem selvaġġi, u huma bdew jilagħbu mal‑bhejjem selvaġġi bħalma tifel żgħir jilgħab ma’ ħaruf; u huma ħarġu minn ħdejhom bla ma ġralhom xejn.

34 Madankollu, in‑nies webbsu qalbhom, għax huma kienu mmexxijin minn bosta qassisin u profeti foloz sabiex jibnu bosta knejjes, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen. U huma spiċċaw isawtu lin‑nies ta’ Ġesù; iżda n‑nies ta’ Ġesù ma sawtuhomx lura. U b’hekk minn sena għal sena huma spiċċaw tilfu l‑fidi u bdew jgħixu ħajja ħażina, sewwasew sakemm ġiet fi tmiemha s‑sena mitejn u tletin.

35 U issa ġara li f’din is‑sena, iva, fis‑sena mitejn u wieħed u tletin, kien hemm firda kbira fost il‑poplu.

36 U ġara li f’din is‑sena feġġ grupp ta’ nies li kienu jissejħu n‑Nefiti, u huma kienu jemmnu tassew fi Kristu; u fosthom kien hemm dawk li l‑Lamaniti kienu jsejħulhom—Ġakobbin, u Ġużeppin, u Żoramiti;

37 Għalhekk dawk li kienu jemmnu tassew fi Kristu, u li kienu jqimu tassew lil Kristu, (u fosthom kien hemm it‑tliet dixxipli ta’ Ġesù li se jibqgħu fuq l‑art) kienu jissejħu Nefiti, u Ġakobbin, u Ġużeppin, u Żoramiti.

38 U ġara li dawk in‑nies li ma aċċettawx l‑evanġelju kienu jissejħu Lamaniti, u Lemweliti, u Ismagħelin; u huma ma tilfux il‑fidi, ftit, ftit, iżda minn rajhom ħaduha kontra l‑evanġelju ta’ Kristu; u bdew jgħallmu lil uliedhom li m’għandhomx jemmnu, l‑istess kif missirijiethom, sa mill‑bidu, spiċċaw biex ftit, ftit tilfu l‑fidi.

39 U dan seħħ minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet ta’ missirijiethom, sewwasew kif ġara fl‑ewwel żminijiet. U huma ġew mgħallma jobogħdu lil ulied Alla, l‑istess kif il‑Lamaniti, sa mill‑bidu, ġew mgħallma biex jobogħdu lil ulied Nefi.

40 U ġara li għaddew mitejn u erbgħa u erbgħin sena, u dan hu dak li ġara fost il‑poplu. U l‑aktar nies ħżiena li kien hemm fost il‑poplu komplew jissaħħu, u saru ferm aktar numerużi min‑nies ta’ Alla.

41 U huma komplew jibnu l‑knejjes għall‑profitt, u bdew iżejnuhom b’kull xorta ta’ ħwejjeġ prezzjużi. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena mitejn u ħamsin, kif ukoll is‑sena mitejn u sittin.

42 U ġara li l‑aktar nies ħżiena li kien hemm fost il‑poplu bdew għal darb’oħra jistabbilixxu l‑ġuramenti u l‑alleanzi sigrieti ta’ Gadjantun.

43 U n‑nies li bdew jissejħu n‑nies ta’ Nefi reġgħu bdew jitkabbru f’qalbhom, minħabba l‑għana bla qjies tagħhom, u saru nies fiergħa bħal ħuthom, il‑Lamaniti.

44 U minn dak iż‑żmien id‑dixxipli bdew isewdu qalbhom minħabba d‑dnubiet tad‑dinja.

45 U ġara li meta kienu għaddew tlett mitt sena, kemm in‑nies ta’ Nefi u l‑Lamaniti saru lkoll nies mill‑aktar ħżiena, u ma kien hemm l‑ebda distinzjoni bejniethom.

46 U ġara li l‑briganti ta’ Gadjantun inxterdu ma’ wiċċ l‑art kollha; u ma kien hemm ħadd li kien ġust għajr għad‑dixxipli ta’ Ġesù. U huma warrbu għalihom għadd kbir ta’ deheb u fidda, u bdew jinnegozjaw kull tip ta’ negozju.

47 U ġara li wara li kienu għaddew tliet mija u ħames snin, (u l‑poplu baqa’ fil‑ħażen) Għamos miet; u ħuh, Ammaron, kompla jikteb l‑istorja minfloku.

48 U ġara li meta kienu għaddew tliet mija u għoxrin sena, Ammaron, kif kien mitlub jagħmel mill‑Ispirtu s‑Santu, ħeba l‑annali li kienu sagri—iva, sewwasew l‑annali sagri kollha li kienu ġew mgħoddija minn nisel għal nisel, li kienu sagri—sewwasew sas‑sena tliet mija u għoxrin mill‑miġja ta’ Kristu.

49 U huwa ħbihom għall‑Mulej, biex għal darb’oħra jkunu jistgħu jiġu żvelati lill‑fdal ta’ dar Ġakobb, skont il‑profeziji u l‑wegħdiet tal‑Mulej. U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑istorja ta’ Ammaron.