Skrittura
Ġakobb 1


Il‑Ktieb ta’ Ġakobb
Ħu Nefi

Il‑kliem li huwa xandar lil ħutu. Hu ħalla bla kliem lil raġel li pprova jeqred id‑duttrina ta’ Kristu. Ftit kliem dwar l‑istorja tal‑poplu ta’ Nefi.

Kapitlu 1

Ġakobb u Ġużeppi jippruvaw jipperswadu lin‑nies biex jemmnu fi Kristu u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu—Nefi jmut—Il‑ħażen jiddomina fost in‑Nefiti. Madwar 544–421 Q.K.

1 Għax araw, ġara li għaddew ħamsa u ħamsin sena minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm; għalhekk, Nefi ta lili, Ġakobb, kmandament li jikkonċerna l‑pjanċi ż‑żgħar, li fuqhom jinsabu mnaqqxa dawn il‑ħwejjeġ.

2 U ta lili, Ġakobb, kmandament biex nikteb fuq dawn il‑pjanċi ftit mill‑ħwejjeġ li jiena nqishom bħala ħwejjeġ mill‑aktar siewja; u li m’għandix nikteb, ħlief xi ħaġa żgħira, dwar l‑istorja ta’ dan il‑poplu li jissejjaħ il‑poplu ta’ Nefi.

3 Għax huwa qal li l‑istorja tal‑poplu tiegħu għandha tiġi mnaqqxa fuq il‑pjanċi l‑oħra tiegħu, u li jien għandi nħares dawn il‑pjanċi u ngħaddihom lil nisli, minn nisel għal nisel.

4 U jekk huma kienu qed ixandru xi ħaġa sagra, jew xi rivelazzjoni kbira, jew xi profezija, jien għandi nnaqqax il‑punti ewlenin tagħha fuq dawn il‑pjanċi, u nikteb kemm jista’ jkun dwarha, f’ġieħ Kristu, u għall‑ġid tal‑poplu tagħna.

5 Għax minħabba l‑fidi u t‑tħassib kbir tagħna, aħna tabilħaqq ġejna mgħarrfin dwar niesna, u minn xiex għandhom jgħaddu.

6 U aħna ngħatajna wkoll bosta rivelazzjonijiet, u abbundanza tal‑ispirtu tal‑profezija; għalhekk, konna nafu dwar Kristu u s‑saltna tiegħu, li għandha tiġi.

7 Għalhekk aħna ħdimna bil‑ħrara fost niesna, biex forsi nipperswaduhom ħalli jersqu lejn Kristu, u jgawdu mit‑tjubija ta’ Alla, ħalli huma jkunu jistgħu jiksbu l‑mistrieħ tiegħu, li ma jmurx b’xi mod, fl‑għadab tiegħu, jaħlef li m’għandhomx jidħlu, bħalma ġara minħabba l‑provokazzjoni fil‑jiem tat‑tiġrib meta wlied Iżrael kienu jinsabu fid‑deżert.

8 Għalhekk, nixtiequ li Alla jgħinna nipperswadu lill‑bnedmin kollha biex ma jeħduhiex kontra Alla, u jinkurlawh, imma nixtiequ li l‑bnedmin kollha jemmnu fi Kristu, u jħarsu lejn il‑mewt tiegħu, u jġorru s‑salib tiegħu u joqogħdu għat‑tagħjir tad‑dinja; għalhekk, jiena, Ġakobb, se nara li nwettaq il‑kmandament ta’ ħija Nefi.

9 Issa Nefi beda jixjieħ, u hu ra li dalwaqt kien se jmut; għalhekk, huwa dilek raġel biex ikun sultan u mexxej tal‑poplu tiegħu, skont is‑saltniet tas‑slaten.

10 In‑nies li lil Nefi kienu ħabbew bil‑kbir, hu li kien protettur kbir tagħhom, li żamm fuqu x‑xabla ta’ Laban biex jiddefendihom, u li ħadem ħajtu kollha għall‑ġid tagħhom—

11 B’hekk, in‑nies kellhom xewqa kbira li huma jibqgħu jiftakru ismu. U dawk li kellhom isaltnu minfloku ġew imsejħa min‑nies, it‑tieni Nefi, it‑tielet Nefi, u komplew sejrin hekk, skont is‑saltniet tas‑slaten; u b’dal‑mod huma ġew imsejħa min‑nies, irrispettivament x’kien ikun jisimhom.

12 U ġara li Nefi miet.

13 Issa n‑nies li ma kinux Lamaniti kienu Nefiti; madankollu, huma kienu jissejħu Nefiti, Ġakobbin, Ġużeppin, Żoramiti, Lamaniti, Lemweliti, u Ismagħelin.

14 Iżda jien, Ġakobb, minn issa ’l quddiem m’iniex se niddistingwihom b’dawn l‑ismijiet, imma jien se nsejjaħ Lamaniti lil dawk li jippruvaw jeqirdu lill‑poplu ta’ Nefi, u lil dawk li juru ħbiberija ma’ Nefi jien se nsejħilhom Nefiti, jew il‑poplu ta’ Nefi, skont is‑saltniet tas‑slaten.

15 U issa ġara li n‑nies ta’ Nefi, fi żmien is‑saltna tat‑tieni sultan, bdew iwebbsu qalbhom, u b’xi mod bdew jipparteċipaw f’drawwiet ħżiena, bl‑istess mod kif David tal‑qedem beda jixtieq ħafna nisa u konkubini, u l‑istess ibnu Salamun.

16 Iva, u huma bdew ukoll ifittxu ħafna deheb u fidda, u bdew jitkabbru bihom infushom.

17 Għalhekk jiena, Ġakobb, xandartilhom dan il‑kliem kif għallimtu fit‑tempju, wara li ġejt imsejjaħ nagħmel dan mill‑Mulej.

18 Għax jiena, Ġakobb, u ħija Ġużeppi ġejna kkonsagrati bħala qassisin u għalliema ta’ dan il‑poplu, permezz ta’ id Nefi.

19 U aħna onorajna l‑kariga tagħna f’ġieħ il‑Mulej, u ħadna fuqna r‑responsabbiltà, li aħna konna lesti nġorru l‑ħtija għad‑dnubiet tal‑poplu jekk aħna ma ngħallmuhomx il‑kelma ta’ Alla bir‑reqqa kollha; għalhekk, jekk aħna naħdmu bil‑qawwa tagħna kollha, ħwejjiġna ma jispiċċawx imċappsa b’demmhom; altrimenti demmhom jispiċċa fuq ħwejjiġna u aħna ma ninstabux bla tebgħa fl‑aħħar jum.