Kapitlu 3
Dawk li huma safja f’qalbhom jirċievu l‑kelma ħelwa ta’ Alla—It‑tjieba tal‑Lamaniti tiżboq lil dik tan‑Nefiti—Ġakobb iwiddeb kontra ż‑żína, in‑nuqqas ta’ rażan, u kull dnub. Madwar 544–421 Q.K.
1 Iżda araw, jiena, Ġakobb, se nkellem lilkom ta’ qalbkom safja. Duru lejn Alla b’moħħ determinat, u itolbuh b’fidi qawwija, u huwa jfarraġkom f’hemmkom, u huwa jiddefendi l‑kawża tagħkom, u jikkastiga lil dawk li jippruvaw jeqirdukom.
2 O intom kollha li intom safja f’qalbkom, erfgħu raskom ’il fuq u rċievu l‑kelma ħelwa ta’ Alla, u mantnu lilkom infuskom permezz ta’ mħabbtu; u jekk għandkom moħħkom determinat, tistgħu tagħmlu dan għal dejjem.
3 Iżda ħażin ikun għalikom intom li m’intomx ta’ qalbkom safja, li llum tinsabu maħmuġin quddiem Alla; għax jekk ma tindmux, misħuta tkun l‑art minħabba fikom; u l‑Lamaniti, li mhumiex maħmuġin bħalkom, li madankollu huma misħutin b’saħta kbira, se jkunu għalikom pjaga li twassalkom għall‑qerda.
4 U ma jdumx ma jasal iż‑żmien, li jekk intom ma tindmux, huma sejrin jirtu l‑art ta’ wirtkom, u l‑Mulej Alla joħroġ lill‑ġusti minn ġo nofskom.
5 Araw, ħutkom il‑Lamaniti, li lilhom intom tobgħodu minħabba ħmieġhom u minħabba s‑saħta li niżlet fuq ġildhom, huma aktar twajbin minnkom; għax huma ma nsewx il‑kmandament tal‑Mulej, li ġie mogħti lil missierna—li huma għandu jkollhom biss mara waħda, u li m’għandu jkollhom l‑ebda konkubini, u li ħadd minnhom m’għandu jaqa’ fiż‑żína.
6 U issa, huma jaraw li jħarsu dan il‑kmandament; għalhekk, minħabba li huma jaraw li jħarsu dan il‑kmandament, il‑Mulej Alla mhuwiex se jeqridhom, imma huwa se jkun ħanin magħhom; u xi darba huma se jsiru poplu mbierek.
7 Araw, żwieġhom iħobbu lil marthom, u marthom iħobbu lil żwieġhom; u żwieġhom u marthom iħobbu lil uliedhom; u n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom u l‑mibegħda tagħhom lejkom huma minħabba l‑ħażen ta’ missirijiethom; għalhekk, intom kemm intom aħjar minnhom f’għajnejn il‑Ħallieq il‑kbir tagħkom?
8 O ħuti, nibża’ li jekk intom ma tindmux minn dnubietkom ġildhom se tkun abjad minn tagħkom, meta intom tittieħdu flimkien magħhom quddiem it‑tron ta’ Alla.
9 Għalhekk, jiena se nagħtikom kmandament, li huwa l‑kelma ta’ Alla, li lilhom m’għandkomx tinsulentawhom aktar minħabba l‑ġilda skura tagħhom; lanqas m’għandkom tinsulentawhom minħabba ħmieġhom; imma jeħtieġ li intom tiftakru fi ħmieġkom, u tiftakru li ħmieġhom ġie minħabba missirijiethom.
10 Għalhekk, intom għandkom tiftakru f’uliedkom, u kemm sewwidtulhom qalbhom minħabba l‑eżempju li tajtuhom; u ftakru wkoll li minħabba ħmieġkom, intom tistgħu twasslu lil uliedkom għall‑qerda, u dnubiethom fuq raskom sejrin jingħaddu fl‑aħħar jum.
11 U ħuti, agħtu widen għal kliemi; qanqlu l‑fakultajiet ta’ ruħkom; triegħdu ħalli tkunu tistgħu tqumu min‑nagħsa tal‑mewt; u araw li tinħallu mill‑uġigħ tal‑infern sabiex ma ssirux anġli tax‑xitan, u tinxteħtu f’dik il‑belliegħa tan‑nar u kubrit li hija t‑tieni mewt.
12 U issa jiena, Ġakobb, għidt ħafna aktar affarijiet lill‑poplu ta’ Nefi, fejn jiena widdibthom kontra ż‑żína u n‑nuqqas ta’ rażan, u kontra kull tip ta’ dnub, u kellimthom dwar il‑konsegwenzi terribbli tagħhom.
13 U lanqas wieħed fil‑mija tal‑għemejjel ta’ dan il‑poplu, li issa beda jsir wieħed numeruż, ma jistgħu jinkitbu fuq dawn il‑pjanċi; imma ħafna mill‑għemejjel tagħhom jinsabu miktubin fuq il‑pjanċi l‑kbar, flimkien mal‑gwerer u t‑tilwim tagħhom, u s‑saltniet tas‑slaten tagħhom.
14 Dawn il‑pjanċi jissejħu l‑pjanċi ta’ Ġakobb, u nħadmu permezz ta’ id Nefi. U jiena se nieqaf ngħid dan il‑kliem.