Skrittura
Ġakobb 2


Kapitlu 2

Ġakobb jiddenunzja l‑imħabba lejn il‑ġid materjali, il‑kburija, u n‑nuqqas ta’ kastità—Il‑bnedmin jistgħu jfittxu l‑ġid materjali biex jgħinu lil għajrhom—Il‑Mulej jordna li l‑ebda raġel fost in‑Nefiti m’għandu jkollu aktar minn mara waħda—Il‑Mulej jieħu gost bil‑kastità tan‑nisa. Madwar 544–421 Q.K.

1 Il‑kliem li Ġakobb, ħu Nefi, qal lill‑poplu ta’ Nefi, wara l‑mewt ta’ Nefi:

2 Issa, għeżież ħuti, jiena, Ġakobb, skont ir‑responsabbiltà li jiena għandi lejn Alla, sabiex nonora l‑kariga tiegħi b’għaqal, u biex inkun nista’ neħles ilbiesi minn dnubietkom, jiena llum se nitla’ ġewwa t‑tempju ħalli nkun nista’ nxandrilkom il‑kelma ta’ Alla.

3 U intom stess tafu li s’issa jiena dejjem kont diliġenti fil‑kariga li ġejt imsejjaħ għaliha; imma llum qed inħoss fija xewqa u anzjetà akbar għall‑ġid ta’ ruħkom, milli jien qatt ħassejt qabel.

4 Għax araw, sa issa, intom kontu ubbidjenti lejn il‑kelma tal‑Mulej, li jiena tajtkom.

5 Iżda araw, isimgħuni, u kunu afu li bl‑għajnuna tal‑Ħallieq mill‑aktar setgħan tas‑sema u l‑art jiena nista’ nkellimkom dwar ħsibijietkom, dwar kif intom qed tibdew tgħixu ħajja ta’ dnub, liema dnub jidher mill‑aktar mistkerrah f’għajnejja, iva, u mistkerrah f’għajnejn Alla.

6 Iva, dan inikkitli ruħi u jwassalni biex b’sens ta’ ħtija jiena ninġibed lura minn quddiem il‑Ħallieq tiegħi, u jien se jkolli nixhdilkom dwar il‑ħżunija ta’ qalbkom.

7 U nħossni nitnikket ukoll li se jkolli nuża kliem tassew iebes dwarkom, quddiem martkom u wliedkom, li ħafna minnhom iġorru fihom sentimenti mill‑aktar teneri, safja u sensittivi quddiem Alla, liema ħaġa togħġob lil Alla;

8 U jien naħseb li huma ġew hawn fuq biex jisimgħu l‑kelma ħelwa ta’ Alla, iva, il‑kelma li tfejjaq ir‑ruħ imġarrba.

9 Għalhekk, jiena nħoss ruħi mtaqqla li se jkolli nagħmel dan, minħabba l‑kmandament strett li jiena rċevejt mingħand Alla, biex lilkom jiena nwiddeb dwar ħżunitkom, u li jien se jkolli nkabbar il‑ġrieħi ta’ dawk li diġà jinsabu miġruħa, minflok ma nkun għalihom ta’ faraġ u nfejqilhom il‑ġrieħi tagħhom; u dawk li ma sfawx miġruħa, minflok ma jiena se nmantnihom bil‑kelma ħelwa ta’ Alla, jiena se nnifdilhom ruħhom bl‑istaletti u se nweġġa’ l‑moħħ sensittiv tagħhom.

10 Iżda, minkejja din il‑ħaġa daqstant diffiċli, jeħtieġ li jien naġixxi skont l‑ordni stretta ta’ Alla, u jiena nkellimkom dwar il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħkom, quddiem dawk li għandhom qalbhom safja u maqsuma, u taħt il‑ħarsa tal‑għajn penetranti ta’ Alla li Jista’ Kollox.

11 Għalhekk, jeħtieġ li jiena ngħidilkom il‑verità skont is‑sempliċità tal‑kelma ta’ Alla. Għax araw, wara li jiena staqsejt lill‑Mulej, dan hu dak li Huwa qalli: Ġakobb, għada itla’ ġewwa t‑tempju, u lil dan il‑poplu xandarlu l‑kelma li jiena se nagħtik.

12 U issa araw, ħuti, din hija l‑kelma li jiena se nxandrilkom, li ħafna minnkom bdejtu tfittxu għad‑deheb, u għall‑fidda, u għal kull xorta ta’ metall prezzjuż, li f’din l‑art, li hija art imwiegħda għalikom u għal nisilkom, jinsabu bil‑kotra.

13 U l‑id tal‑providenza tbissmitilkom bi ħlewwa kbira, u intom ksibtu bosta ġid materjali; u peress li xi wħud minnkom ksibtu b’abbundanza akbar milli kisbu ħutkom intom spiċċajtu nies imkabbra f’qalbkom, u ta’ ras iebsa u arroganti minħabba l‑lussu ta’ lbieskom, u intom tippersegwitaw lil ħutkom għax taħsbu li intom aħjar minnhom.

14 U issa, ħuti, taħsbu li Alla jista’ qatt jiġġustifika li intom tagħmlu dan? Araw, jiena ngħidilkom, Le. Iżda huwa jikkundannakom, u jekk intom se tibqgħu għaddejjin b’dawn il‑ħwejjeġ il‑ħaqq tiegħu ma jdumx ma jinżel fuqkom.

15 O li kien li huwa jurikom li jista’ jniffidkom, u b’ħarsa waħda ta’ għajnejh jista’ jixħetkom mal‑art!

16 O li kien li huwa jeħliskom minn dan il‑ħażen u minn din il‑ħaġa mistkerrha. U, O li kien li intom tisimgħu l‑kelma tal‑ordni tiegħu, u ma tħallux din il‑kburija ta’ qalbkom teqridilkom ruħkom!

17 Araw li tqisu lil ħutkom bħalkom infuskom, u li turu l‑id tal‑ħbiberija ma’ kulħadd u taqsmu magħhom il‑ġid tagħkom, biex huma jkunu għonja bħalkom.

18 Iżda qabel ma tfittxu l‑ġid materjali, araw li tfittxu s‑saltna ta’ Alla.

19 U wara li tkunu ksibtu tama fi Kristu intom tiksbu l‑ġid materjali, jekk tfittxuh; u araw li tfittxuh bl‑intenzjoni li tagħmlu t‑tajjeb—li tlibbsu lill‑għeri, u titimgħu lill‑imġewwaħ, u teħilsu lil min hu fil‑jasar, u tagħtu l‑għajnuna lill‑marid u lill‑imsejken.

20 U issa, ħuti, jiena kellimtkom dwar il‑kburija; u dawk fostkom li għakkistu lil għajrkom, u ppersegwitajtuh minħabba l‑kburija f’qalbkom, permezz tal‑ħwejjeġ li takom Alla, xi tgħidu dwar dan?

21 Ma taħsbux li ħwejjeġ bħal dawn huma mistkerrha minn dak li ħoloq lil kull bniedem? U li bniedem hu prezzjuż f’għajnejh daqs bniedem ieħor. U li l‑bnedmin kollha huma ġejjin mit‑trab; u għal għan wieħed huwa ħalaqhom, biex iħarsu l‑kmandamenti tiegħu u jagħtuh glorja għal dejjem.

22 U issa jiena mhux se nkompli nkellimkom aktar dwar din il‑kburija. U li kieku mhux għax se jkolli nkellimkom dwar għemil ferm aktar serju, qalbi kienet tithenna bil‑kbir minħabba fikom.

23 Iżda l‑kelma ta’ Alla nħossha ttaqqalni minħabba l‑għemejjel aktar serji li wettaqtu. Għax araw, jgħid il‑Mulej: Dan il‑poplu qed jibda jikber fi ħżunitu; huma ma jifhmux l‑iskrittura, għax huma jippruvaw isibu skuża għalfejn jaqgħu fiż‑żína, minħabba l‑ħwejjeġ li ġew miktubin dwar David, u ibnu Salamun.

24 Araw, hu tassew li David u Salamun kellhom bosta nisa u konkubini, liema ħaġa kienet mistkerrha f’għajnejja, jgħid il‑Mulej.

25 Għalhekk, dan jgħid il‑Mulej, jiena mexxejt lil dan il‑poplu ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, bil‑qawwa ta’ driegħi, ħalli jiena nkun nista’ nqajjem għalija fergħa ġusta mill‑frott ta’ ġenbejn Ġużeppi.

26 Għalhekk, jien, il‑Mulej Alla, ma nħallix lil dan il‑poplu jagħmel bħal dawk tal‑qedem.

27 Għalhekk, ħuti, isimgħuni, u iftħu widnejkom sew għall‑kelma tal‑Mulej: Għax l‑ebda raġel fostkom m’għandu jkollu aktar minn mara waħda; u huwa m’għandu jkollu l‑ebda konkubini;

28 Għax jien, il‑Mulej Alla, nitgħaxxaq bil‑kastità tan‑nisa. U ż‑żína jien nistmerr; dan jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

29 Għalhekk, dan il‑poplu għandu jħares il‑kmandamenti tiegħi, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, jew misħuta tkun l‑art minħabba fih.

30 Għax jekk jiena nqajjem nisel għalija, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, jiena nikkmanda lill‑poplu tiegħi; altrimenti huma għandhom jagħtu widen għal dawn il‑ħwejjeġ.

31 Għax araw, jien, il‑Mulej, rajt in‑niket, u smajt il‑biki tal‑bniet tal‑poplu tiegħi fl‑art ta’ Ġerusalemm, iva, u fl‑artijiet kollha tal‑poplu tiegħi, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha ta’ żwieġhom.

32 U jiena mhux se nħalli, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, li jasal għandi l‑biki tal‑bniet mill‑aktar sbieħ ta’ dan il‑poplu kontra l‑irġiel tal‑poplu tiegħi, liema poplu jiena mexxejt ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

33 Għax huma mhux se jieħdu fil‑jasar lill‑bniet tal‑poplu tiegħi minħabba l‑ħlewwa tagħhom, għax inkella lilhom jiena nżur b’saħta kbira, li twassal għall‑qerda tagħhom; għax huma m’għandhomx jaqgħu fiż‑żína, bħal dawk tal‑qedem, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

34 U issa araw, ħuti, intom tafu li dawn il‑kmandamenti ġew mogħtija lil missierna, Leħi; għalhekk, intom kontu tafuhom minn qabel; u intom ġibtu fuqkom kundanna kbira; għax għamiltu dawn il‑ħwejjeġ li ma kellkomx tagħmlu.

35 Araw, il‑ħażen li intom wettaqtu huwa akbar minn ta’ ħutna l‑Lamaniti. Intom qsamtu qalb in‑nisa ħelwin tagħkom, u tliftu l‑fiduċja ta’ wliedkom, minħabba l‑eżempji ħżiena tagħkom quddiemhom, u t‑tnewwiħ ta’ qalbhom jitla’ ’l fuq lejn Alla kontrikom. U minħabba l‑kelma stretta ta’ Alla, li tinżel fuqkom biex tidrobkom, kienu bosta l‑qlub li mietu, mifnija b’ġrieħi mill‑aktar fondi.