Skrittura
Ġakobb 4


Kapitlu 4

Il‑profeti kollha taw qima lill‑Missier f’isem Kristu—L‑offerta ta’ Iżakk minn Abraham kienet similitudni ta’ Alla u Ibnu l‑Waħdieni—Il‑bnedmin għandhom jirrekonċiljaw irwieħhom ma’ Alla permezz tal‑Espjazzjoni—Il‑Lhud sejrin iwarrbu l‑ġebla tal‑pedament. Madwar 544–421 Q.K.

1 Issa araw, ġara li jiena, Ġakobb, għal żmien twil qdejt lill‑poplu tiegħi permezz tal‑kelma, (u ma nistax nikteb ħlief ftit minn kliemi, minħabba d‑diffikultà biex innaqqxu kliemna fuq il‑pjanċi) u aħna nafu li l‑ħwejjeġ li niktbu fuq il‑pjanċi jeħtieġ li jibqgħu;

2 Iżda kull ħaġa li aħna niktbu fuq kwalunkwe ħaġa li mhijiex pjanċi tispiċċa tinqered u tgħib; imma fuq il‑pjanċi aħna nistgħu niktbu ftit kliem, li jwassal lil uliedna, kif ukoll lill‑għeżież ħutna, daqsxejn ta’ għarfien dwarna, jew dwar missirijiethom—

3 Issa minħabba f’hekk aħna nifirħu; u aħna naħdmu bil‑ħrara biex innaqqxu dan il‑kliem fuq il‑pjanċi, bit‑tama li l‑għeżież ħutna u wliedna jilqgħuh b’qalb mimlija gratitudni, u jifluh bir‑reqqa ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu b’ferħ, u mhux b’niket jew disprezz, dwar l‑ewwel ġenituri tagħhom.

4 Għax dan kien l‑għan għalfejn aħna ktibna dawn il‑ħwejjeġ, biex huma jkunu jafu li aħna konna nafu dwar Kristu, u li konna nittamaw fil‑glorja tiegħu mijiet u mijiet ta’ snin qabel il‑miġja tiegħu; u mhux aħna biss li konna nittamaw fil‑glorja tiegħu, imma anke l‑profeti qaddisa kollha li ġew qabilna.

5 Araw, huma emmnu fi Kristu u taw qima lill‑Missier f’ismu, u aħna wkoll nagħtu qima lill‑Missier f’ismu. U għal dan il‑għan aħna nħarsu l‑liġi ta’ Mosè, għax hija lejh tmexxi ruħna; u għalhekk huwa xieraq li aħna nagħmlu dan, hekk kif Abraham ġie mitlub jagħmel fid‑deżert biex huwa jkun ubbidjenti lejn il‑kmand ta’ Alla meta huwa ġie mitlub joffri lil ibnu Iżakk, bħala similitudni ta’ Alla u tal‑Iben il‑Waħdieni tiegħu.

6 Għalhekk, aħna niflu sew kliem il‑profeti, u aħna għandna bosta rivelazzjonijiet u l‑ispirtu tal‑profezija; u għax għandna dawn ix‑xhieda kollha aħna niksbu tama, u l‑fidi tagħna ssir waħda soda, hekk li aħna tassew nistgħu nordnaw f’isem Ġesù u anke s‑siġar jobduna, jew il‑muntanji, jew il‑mewġ tal‑baħar.

7 Madankollu, il‑Mulej Alla jurina dgħufitna biex inkunu nafu li huwa permezz tal‑grazzja tiegħu, u l‑kondixxendenza kbira tiegħu lejn ulied il‑bnedmin, li aħna għandna l‑qawwa li nagħmlu dawn il‑ħwejjeġ.

8 Araw, kbar u tal‑għaġeb huma l‑għemejjel tal‑Mulej. Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il‑kobor tal‑misteri tiegħu; u hu impossibbli li l‑bniedem isir jaf l‑għemejjel kollha tiegħu. U l‑ebda bniedem ma jaf triqatu sakemm dawn ma jiġux żvelati lilu; għalhekk, l‑aħwa, tistmerrux ir‑rivelazzjonijiet ta’ Alla.

9 Għax araw, bil‑qawwa ta’ kelmtu l‑bniedem ġie fuq wiċċ l‑art, liema art ġiet maħluqa bil‑qawwa ta’ kelmtu. Għalhekk, jekk Alla kien kapaċi jitkellem u d‑dinja ġiet fis‑seħħ, mela, għalfejn huwa ma jistax jikkmanda l‑art, jew l‑għemejjel li ħoloq b’idejh fuq wiċċ l‑art, skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu?

10 Għalhekk, ħuti, tippruvawx tagħtu parir lill‑Mulej, imma araw li tieħdu parir mingħandu. Għax araw, intom stess tafu li l‑parir tiegħu jagħtih b’għerf, u b’ġustizzja, u bi ħniena kbira, fuq l‑għemejjel tiegħu kollha.

11 Għalhekk, għeżież ħuti, araw li tirrekonċiljaw irwieħkom miegħu permezz tal‑espjazzjoni ta’ Kristu, l‑Iben il‑Waħdieni tiegħu, u intom tkunu tistgħu tiksbu qawmien mill‑imwiet, skont il‑qawwa tal‑qawmien mill‑imwiet li tinsab fi Kristu, u intom tiġu ppreżentati lil Alla bħala l‑ewwel frott ta’ Kristu, għaliex intom għandkom il‑fidi, u ksibtu tama tajba ta’ glorja fih qabel ma huwa juri lilu nnifsu fil‑ġisem.

12 U issa, għeżież tiegħi, tistagħġbux li jien qed ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ; għax għalfejn jien m’għandix nitkellem dwar l‑espjazzjoni ta’ Kristu, u nipprova nikseb għarfien perfett tiegħu, u nipprova nikseb l‑għarfien tal‑qawmien mill‑imwiet u tal‑ħajja li jmiss?

13 Araw, ħuti, lil dak li jħabbar, ħalluh iħabbar skont il‑fehma tal‑bnedmin; għax l‑Ispirtu jgħid il‑verità u ma jgħidx kelma b’oħra. Għalhekk, huwa jitkellem dwar ħwejjeġ kif fil‑fatt huma, u dwar ħwejjeġ kif fil‑fatt se jkunu; għalhekk, dawn il‑ħwejjeġ qed jiġu murija lilna b’mod ċar, għas‑salvazzjoni ta’ ruħna. Għax araw, aħna m’aħniex l‑uniċi xhieda fejn jidħlu dawn il‑ħwejjeġ; għax Alla tkellem dwarhom ukoll mal‑profeti tal‑qedem.

14 Iżda araw, il‑Lhud kienu nies ta’ ras iebsa; u huma kienu jistmerru l‑kliem sempliċi, u qatlu lill‑profeti, u huma fittxew ħwejjeġ li ma setgħux jifhmuhom. Għalhekk, minħabba l‑għama tagħhom, liema għama waslet għaliex ħarsu lil hinn mill‑marka, jeħtieġ li huma jaqgħu; għax Alla ħa minn fosthom dak li hu sempliċi, u tahom bosta ħwejjeġ li huma ma setgħux jifhmu, għax huma hekk xtaqu. U peress li xtaqu hekk Alla għamel dan, biex huma jkunu jistgħu jogħtru.

15 U issa l‑Ispirtu qed jispira lili, Ġakobb, biex inħabbar; għax jiena nista’ nagħraf, skont kif qed imexxini l‑Ispirtu li jinsab fija, li minħabba l‑waqgħa tal‑Lhud huma sejrin iwarrbu l‑ġebla li fuqha huma jistgħu jibnu u jkollhom pedament sigur.

16 Iżda araw, skont l‑iskrittura, din il‑ġebla sejra tkun il‑pedament il‑kbir u finali, u l‑uniku wieħed imsejjes sewwa, li fuqu l‑Lhud jistgħu jibnu.

17 U issa, għeżież tiegħi, kif jista’ qatt ikun possibbli, wara li huma warrbu l‑pedament imsejjes sewwa, li huma jibnu fuqu, u huwa jsir il‑ġebla tax‑xewka tagħhom?

18 Araw, għeżież ħuti, jiena se niżvelalkom dan il‑misteru; jekk ma nagħmilx dan, b’xi mod jiena niġi mqanqal mill‑fermezza tiegħi fl‑Ispirtu, u nispiċċa nogħtor daqskemm qed ninkwieta għalikom.