Kapitlu 7
Serem jiċħad lil Kristu, jeħodha kontra Ġakobb, jitlob li jrid jara sinjal, u jaqla’ daqqa ta’ ħarta mingħand Alla—Il‑profeti kollha tkellmu dwar Kristu u l‑Espjazzjoni tiegħu—In‑Nefiti għexu ħajjithom jiġġerrew minn post għall‑ieħor, nies imwielda fil‑hemm, u mibgħuda mil‑Lamaniti. Madwar 544–421 Q.K.
1 U issa ġara li wara li għaddew numru ta’ snin, ġie raġel fost il‑poplu ta’ Nefi, li kien jismu Serem.
2 U ġara li hu beda jxandar fost il‑poplu, u jgħarrafhom li m’għandu jkun hemm l‑ebda Kristu. U huwa xandar lin‑nies bosta ħwejjeġ li ma kienu xejn ħlief tifħir żejjed; u hu għamel dan ħalli jkun jista’ jeqred id‑duttrina ta’ Kristu.
3 U huwa ħadem bir‑reqqa biex jipprova jqarraq bi qlub in‑nies, tant li huwa spiċċa biex qarraq b’bosta qlub; u hu, għax kien jaf li jien, Ġakobb, kelli fidi fi Kristu u li huwa għandu jiġi, beda jipprova jsib il‑ħin opportun biex jiġi għandi.
4 U huwa kien bniedem għaref, fejn kellu għarfien perfett ta’ lsien il‑poplu; għalhekk, hu kien kapaċi juża ħafna kliem ħelu, u ħafna diskors li jipperswadi, skont il‑qawwa tax‑xitan.
5 U beda jittama li jħawwadni fil‑fidi tiegħi, minkejja l‑bosta rivelazzjonijiet u l‑bosta ħwejjeġ li jiena rajt relatati ma’ dawn il‑ħwejjeġ; għax jien tassew rajt l‑anġli, u huma daru bija. U minn żmien għall‑ieħor jiena smajt ukoll leħen il‑Mulej ikellimni permezz ta’ kliemu; għalhekk, jien ma stajtx nitħawwad.
6 U ġara li hu ġie għandi, u kellimni b’dan il‑mod, fejn qalli: Ħija Ġakobb, ili nipprova nsib il‑ħin opportun biex forsi niġi nkellmek; għax jiena smajt, u naf ukoll, li inti tiġri minn post għall‑ieħor, ixxandar dak li inti ssejjaħlu l‑evanġelju, jew id‑duttrina ta’ Kristu.
7 U int qarraqt b’ħafna minn dawn in‑nies tant li huma qed jispiċċaw jgħawġu s‑sewwa ta’ Alla, u ma jħarsux il‑liġi ta’ Mosè li hija s‑sewwa; u huma qed jibdlu l‑liġi ta’ Mosè f’qima lejn xi ħadd li inti tgħid li għandu jiġi mijiet ta’ snin oħra. U issa, ara, jiena, Serem, se nistqarr miegħek li din hija dagħwa; għax l‑ebda bniedem ma jaf dwar dawn il‑ħwejjeġ; għax ħadd ma jista’ jitkellem dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu. U b’dan il‑mod Serem beda jeħodha kontrija.
8 Iżda ara, il‑Mulej Alla sawwab l‑Ispirtu tiegħu f’ruħi, tant li jiena rribattejt kull kelma li huwa qalli.
9 U għidtlu: Inti tiċħad lil Kristu li għandu jiġi? U hu qalli: Jekk ikun hawn Kristu, jiena m’iniex se niċħdu; imma jiena naf li m’hawn l‑ebda Kristu, la qatt kien hawn, u lanqas mhu se jkun hawn.
10 U jien għidtlu: Int temminha l‑iskrittura? U hu qalli, Iva.
11 U għidtlu: Mela allura ma tifhimhiex; għax hija tixhed tassew dwar Kristu. Ara, jiena ngħidlek li ħadd mill‑profeti ma kiteb xejn, jew ma ħabbar xejn ħlief kliem li jitkellem dwar dan Kristu.
12 U dan mhux kollox—dan ġie żvelat lili, għax jiena smajt kif ukoll rajt; u dan ġie żvelat lili wkoll bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; għalhekk, jiena naf li jekk l‑ebda espjazzjoni ma tiġi fis‑seħħ, l‑umanità kollha tispiċċa tintilef.
13 U ġara li huwa qalli: Urini sinjal bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, li dwaru inti taf sew.
14 U jien għidtlu: Jien x’jien biex inġarrab ’l Alla biex lilek nurik sinjal f’xi ħaġa li inti taf li hija vera? Imma inti tiċħadha, għax inti max‑xitan. Madankollu, ma tkunx magħmula r‑rieda tiegħi; imma jekk Alla jilħqek, ħudha bħala sinjal li hu għandu l‑qawwa, kemm fis‑sema u kemm fl‑art; kif ukoll, li Kristu għandu jiġi. U tkun magħmula r‑rieda tiegħek, O Mulej, u mhux tiegħi.
15 U ġara li meta jiena, Ġakobb, għidt dan il‑kliem, il‑qawwa tal‑Mulej niżlet fuqu, hekk li waqa’ mal‑art. U ġara li hu ġie mantnut għal perjodu ta’ bosta jiem.
16 U ġara li huwa qal lin‑nies: Għada nġabru flimkien, għax jiena se mmut; għalhekk, qabel immut nixtieq inkellem lin‑nies.
17 U ġara li l‑għada l‑miġemgħa nġabret flimkien; u hu kellimhom ċar u tond u ċaħad il‑ħwejjeġ li kien għallimhom, u huwa stqarr dwar Kristu, u dwar il‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, u l‑qadi tal‑anġli.
18 U hu qalilhom ċar u tond li hu kien ġie mqarraq mill‑qawwa tax‑xitan. U huwa tkellem dwar l‑infern, u dwar l‑eternità, u dwar il‑kastig etern.
19 U qal: Nibża’ li jien għamilt id‑dnub li ma jinħafirx, għaliex gdibt lil Alla; għax jiena ċħadt lil Kristu, u għidt li jien emmint l‑iskrittura; u hi tassew tixhed dwaru. U peress li jiena b’hekk gdibt lil Alla nibża’ tassew li l‑istat tiegħi se jkun wieħed terribbli; imma jien se nistqarr kollox ma’ Alla.
20 U ġara li meta huwa qal dan il‑kliem hu ma setax jitkellem aktar, u radd ruħu.
21 U meta l‑miġemgħa semgħetu jgħid dawn il‑ħwejjeġ ftit qabel ma huwa radd ruħu, huma stagħġbu bil‑kbir; tant li l‑qawwa ta’ Alla niżlet fuqhom, u huma spiċċaw maħkumin minnha tant li waqgħu mal‑art.
22 Issa, jiena, Ġakobb, ħadt pjaċir b’din il‑ħaġa, għax dan kien dak li jiena kont tlabt mingħand Missieri li hu fis‑Smewwiet; għax hu sema’ l‑għajta tiegħi u sema’ talbi.
23 U ġara li s‑sliem u l‑imħabba ta’ Alla ġew irrestawrati mill‑ġdid fost il‑poplu; u huma bdew jiflu sew l‑iskrittura, u ma tawx widen aktar għall‑kliem ta’ dan ir‑raġel ħażin.
24 U ġara li ġew imfassla bosta mezzi kif il‑Lamaniti setgħu jibdlu ħajjithom u jinġiebu lura għall‑għarfien tal‑verità; imma kien kollu ta’ xejn, għax huma kienu jħobbu l‑gwerer u t‑tixrid tad‑demm, u kellhom mibegħda eterna kontrina, kontra l‑istess ħuthom. U kienu jippruvaw il‑ħin kollu jeqirduna bil‑qawwa ta’ dirgħajhom.
25 Għalhekk, in‑nies ta’ Nefi ffortifikaw ruħhom kontrihom; permezz tal‑armamenti tagħhom, u bil‑qawwa kollha tagħhom, u huma wrew il‑fiduċja tagħhom f’dak li huwa l‑Alla u l‑blata tas‑salvazzjoni tagħhom; għalhekk, sa issa, huma ħarġu rebbieħa fuq l‑għedewwa tagħhom.
26 U ġara li jiena, Ġakobb, bdejt nixjieħ; u r‑rakkont ta’ dan il‑poplu qed jinżamm fuq il‑pjanċi l‑oħra ta’ Nefi, għalhekk, jiena se nikkonkludi dan ir‑rakkont, fejn qed niddikjara li jiena ktibt skont l‑għarfien tiegħi, billi ngħid li żmienna għadda, u għaddiet ukoll ħajjitna bħallikieku kienet ħolma, aħna li aħna poplu solitarju u solenni, niġġerrew minn post għall‑ieħor, u li tkeċċejna minn Ġerusalemm, u ġejna mwielda fil‑hemm, f’deżert, u aħna nies mibgħuda minn ħutna, li kkawżaw kemm gwerer u kemm ġlied; għalhekk, aħna għaddejna ħajjitna fin‑niket.
27 U jien, Ġakobb, rajt li dalwaqt se jkolli ninżel f’qabarti; għalhekk, jien għidt lil ibni Enos: Ħu għandek dawn il‑pjanċi. U jien għidtlu bil‑ħwejjeġ li kien ordnali ħija Nefi, u huwa wiegħed li hu kien lest jobdi dawn l‑ordnijiet. U jien se ntemm il‑kitba tiegħi fuq dawn il‑pjanċi, liema kitba kienet waħda żgħira; u lilek li qed taqraha ngħidlek saħħa, u nittama li ħafna minn ħuti jaqraw kliemi. Addiju, ħuti.