2010
Ħadd m’hu Perfett
Marzu 2010


Iż-Żgħażagħ

Ħadd m’hu Perfett

Dejjem xtaqt inkun bħal Nefi: ubbidjenti għall-aħħar, estremament fidila u profondament spiritwali. F’ għajnejja Nefi kien l-eżempju suprem tat-tjubija. Ftit huma dawk il-ħwejjeġ li jappellaw għalija aktar mill-ħsieb li nikber u nsir bħalu – jew tal-anqas nibda nippossedi ftit mill-kobor tiegħu.

Darba kont għaddejja minn kriżi żgħira, meta bdejt inħoss nuqqas ta’ ħila. Kelli tant ambizzjonijiet u tant għanijiet. Iżda bħal donni ma stajt nasal imkien. Bid-dmugħ f’ għajnejja, esprimejt is-sentimenti tiegħi ma’ missieri. Minnufih qam bilwieqfa, mexa lejn il-vetrina tal-kotba, u ħa f’ idejh waħda mid-diversi kopji tal-Ktieb ta’ Mormon li kellu. Mingħajr ma lissen kelma, huwa fetaħ il-ktieb f’ 2 Nephi 4 u beda jaqra vers 17.

Ħassejt bard ma’ ġismi kollu, daqslikieku kont ħadt xi xokk elettriku, hekk kif smajt dan il-kliem mimli qawwa: “Ja bniedem miżerabbli li jiena!” Ħsibijieti ġrew bija. Kif jista’ jkun li Nefi, l-eroj u l-eżempju tiegħi, jgħid li kien “miżerabbli”? Jekk huwa kien miżerabbli, allura jiena x’ jiena?

Għal darb’ oħra l-elettriku ġera madwar ġismi kollu hekk kif missieri qara vers 28: “Qum, ja ruħi! Tibqax aktar tgħum fid-dnub.” Ħassejt bħallikieku s-sħab iswed iħalli lil moħħi u floku tfeġġ il-meravilja u l-kobor tas-sema blu u x-xemx tiddi. Impossibbli niddeskrivi l-mod li bih dan il-vers dawwalli moħħi. Ftit huma l-versi fl-iskrittura li mlewni b’ tant tama, ispirazzjoni u ferħ daqs kemm imlieni dan il-vers.

F’ vers 30, Nefi qal eżattament dak li kont qed naħseb jiena, però b’ aktar kliem elokwenti: “Ruħi tifraħ fik, O Alla tiegħi, u blata tas-salvazzjoni tiegħi.” Dan il-vers ġab miegħu sentimenti ta’ paċi u gratitudni għall-ħniena ħelwa u l-imħabba tal-Mulej.

Missieri għalaq il-ktieb u spjega li xi kultant dawn il-versi nsejħulhom is-salm ta’ Nefi. Mbagħad bil-ħlewwa għallimni li lanqas l-akbar nies fid-dinja m’ huma perfetti, u dawn in-nies għandhom jagħrfu l-imperfezzjoni tagħhom għax jekk ma jagħmlux dan, allura jkunu nies mkabbrin, u għalhekk, mhux nies kbar.

Fhimt. Għalkemm kelli d-dgħjufijiet tiegħi ma jfissirx li ma stajtx insir bħal Nefi. Għaliex għaraft id-dgħjufija tiegħi, sirt aktar viċin li nsir tal-kalibru ta’ Nefi. Nefi kien kbir għaliex, minbarra li kien obbidjenti u fidil, huwa kien umli u lest jammetti n-nuqqasijiet tiegħu.

Minn dik l-esperjenza ’l hawn, jiena bqajt ngħożż dan il-kliem ta’ Nefi. Kull darba li qrajtu, jiena esperjenzajt l-istess tqanqil u ispirazzjoni li kont ħassejt l-ewwel darba li rajtu. Il-versi jiddikjarawli li jiena bint Alla, kapaċi ferm aktar milli nista’ nimmaġina jiena. Naf li jekk inkun fidila u nibqa’ soda, hemm jistennewni barkiet bla għadd.

Ipprintja