2010
Kuraġġ Morali
Marzu 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2010

Kuraġġ Morali

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ħajja mortali hu li nagħtu prova lil Alla li aħna kapaċi nobdu l-kmandamenti Tiegħu f’ mumenti kuraġġjużi. Il-prova tagħna fid-dinja tal-ispirti konna għaddejna minnha b’ suċċess. Iżda terz tal-eżerċiti tas-sema rribellaw kontra l-proposta li ġiet magħmula lilhom li huma jiġu ttestjati f’ eżistenza mortali fejn ikun hemm ir-riskju li jistgħu jfallu.

Qabel ma twelidna, aħna konna nafu personalment lil Alla l-Missier u lil Ibnu, Ġesù Kristu. Stajna narawhom u nisimgħuhom waqt li kienu qed jgħallmuna u jinkoraġġuna. Issa tpoġġa velu quddiem moħħna u l-memorji tagħna. Satana, missier il-gideb, għandu vantaġġ għaliex issa aħna nistgħu naraw biss ir-realtà dwar min verament aħna permezz tal-għajnejn tal-fidi, filwaqt li ġisimna jagħmilna suġġett għat-tentazzjoni karnali u d-dgħjufija fiżika.

Iżda ġejna mogħtija għajnuna kbira sabiex niksbu l-kuraġġ li għandna bżonn f’ din il-ħajja. L-akbar għajnuna hija l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Minħabba dak li Huwa għamel, aħna nistgħu ninħaslu minn dnubietna fl-ilmijiet tal-magħmudija. Nistgħu nġeddu dik il-barka meta nieħdu sehem fis-sagrament b’ fidi u b’ qalb niedma.

Id-doni spiritwali huma wkoll ta’ għajnuna għalina. Aħna nirċievu l-Ispirtu ta’ Kristu meta nitwieldu. Dan jagħtina l-qawwa li biha nagħrfu jekk l-għażla li jkollna quddiemna twassalniex jew le lejn il-ħajja eterna. L-iskrittura hija gwida ċerta meta naqrawha fil-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu.

L-Ispirtu s-Santu jagħtina ċ-ċans nesprimu l-gratitudni tagħna u jgħinna nfittxu l-għajnuna permezz tat-talb biċ-ċarezza u l-kunfidenza li darba konna ngawdu ma’ Missierna tas-Smewwiet u li sa jerġa’ jkollna meta nerġgħu lura ħdejh. Din il-komunikazzjoni ma’ Alla tgħinna nneħħu l-biża’ minn ġo qalbna hekk kif nibnu l-fidi u l-imħabba lejn Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Is-saċerdozju mqaddes jagħtina l-kuraġġ f’ dan is-servizz. Fl-ordinanzi tiegħu aħna nirċievu l-qawwa li naqdu l-ulied Alla u li nikkumbattu l-influwenza tal-ħażen. Meta Huwa jsejħilna sabiex inservu, aħna għandna din il-wegħda: “U min jilqa’ lilkom, hemm inkun jien ukoll, għaliex jiena nkun ninsab quddiemkom. Jiena nkun fuq il-lemin tagħkom u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi ikun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom u jgħollukom” (D&C 84:88).

Il-Profeta Joseph Smith fis-servizz tiegħu kellu raġuni li jħoss il-biża’. Iżda Alla tah il-kuraġġ b’ din iċ-ċertezza mill-eżempju tal-Imgħallem:

“U jekk inti tiġi mitfugħ ġewwa fossa, jew tispiċċa f’ idejn il-qattiela, u s-sentenza tal-mewt tingħata lilek; jekk inti tiġi mixħut f’ ħofra mdallma; jekk il-mewġ qalil jeħodha kontra tiegħek; jekk l-irjieħ feroċi jsiru l-għedewwa tiegħek; jekk is-smewwiet jiddallmu, u l-elementi kollha jingħaqdu biex jimblukkawlek triqtek; u fuq kollox, jekk l-istess xedaq tal-infern jiftaħ ħalqu biex jibilgħek, kun af, ibni, li dawn il-ħwejjeġ kollha jagħtuk l-esperjenza, u jkunu għall-aħjar tiegħek.

“Bin il-Bniedem ġie umiljat aktar minn kulħadd. Akbar minnu inti?” (D&C 122:7–8).

Alla tana għajnuna aktar minn biżżejjed biex ineħħielna l-biża’ u jagħtina l-kuraġġ, hu x’ inhu dak li nħabbtu wiċċna miegħu fil-ħajja. Hekk kif infittxu l-għajnuna Tiegħu, Huwa jista’ jgħollina lejn dik il-ħajja eterna li aħna nfittxu.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

Ġesù Kristu, l-Għalliem il-Kbir, ta’ spiss kien jagħmel ċerta mistoqsijiet biex iħeġġeġ lin-nies jixtarru u japplikaw il-prinċipji li Huwa kien jgħallem. … Il-mistoqsijiet Tiegħu kienu jwasslu biex dak li jkun jaħseb, ifittex ġewwa qalbu u jikkommetti ruħu” (Teaching, No Greater Call [1999], 68). Ikkunsidra li toħloq u tistaqsi xi mistoqsijiet li jgħinu lil individwi jifhmu u japplikaw il-veritajiet mgħallma f’ dan il-messaġġ. Per eżempju, tista’ tistaqsi, “X’ għajnuna tak Alla sabiex tneħħi l-biża’ u tikseb il-kuraġġ?” jew “Kif għenek Alla tegħleb il-biża’ tiegħek?” Ħeġġeġ lil individwi sabiex jixtarru l-mistoqsijiet tagħhom qabel iwieġbu.

Ipprintja