2010
Ħidma Kbira ta’ Alla
April 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2010

Ħidma Kbira ta’ Alla

6 ta’ April, 1830

Mija u tmenin sena ilu, Joseph Smith, Oliver Cowdery u ftit oħrajn inġabru flimkien sabiex jorganizzaw il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Skont dak li hemm dokumentat din kienet laqgħa sempliċi iżda spiritwali. Joseph kiteb li wara s-sagrament, “l-Ispirtu s-Santu niżel fuqna b’ qawwa kbira – xi wħud ipprofetizzaw, filwaqt li aħna lkoll faħħarna lill-Mulej, u verament fraħna.”1

Il-ġrajjiet ta’ dan il-jum ma ġewx innutati mid-dinja; l-ebda aħbar ma dehret fuq xi gazzetta. Madankollu, x’ ferħ kien hemm fis-smewwiet u kemm ġie gglorifikat Alla – għax f’ dak il-jum, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu reġgħet ġiet lura fid-dinja!

Solomon Chamberlain

Minn dak inhar sal-lum, kien hemm miljuni ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet li, mimlijin fidi, imxew wara t-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu u daħlu fl-ilma mqaddes tal-magħmudija. Fost dawn insibu lil Solomon Chamberlain.

Solomon kien raġel spiritwali u qatta’ diversi sigħat jitlob, ifittex biex jikseb maħfra għal dnubietu u jitlob lil Missier tas-Smewwiet sabiex iwasslu għall-verità. Kien fis-sena 1816 li Solomon ġie mwiegħed permezz ta’ viżjoni li huwa sa jgħix biex jara l-jum meta l-Knisja ta’ Kristu sa tiġi organizzata wara li l-ordni appostolika tiġi mwaqqfa għal darb’oħra fid-dinja.

Snin wara Solomon kien qed jivvjaġġa lejn il-Kanada meta l-vapur li kien fih waqaf fil-belt żgħira ta’ Palmyra, New York. Hemmhekk huwa ħass forza ġewwa fih tħeġġu sabiex jinżel mill-vapur. Mingħajr ma kien jaf għaliex kien qiegħed hemm, huwa beda jitkellem man-nies tal-belt. Ma damx wisq ma sema’ bil-“Bibbja tad-deheb.” Huwa qal li dawk iż-żewġ kelmiet tefgħu fih “qawwa kważi elettrika [li] ħassha tiġri minn rasu sa ponot subgħajh.”

It-tfittxija tiegħu wasslitu sad-dar tal-familja Smith, fejn hemm tkellem ma’ dawk preżenti dwar l-aħbar meraviljuża tal-evanġelju rrestawrat. Wara li qatta’ jumejn hemmhekk u rċieva testimonjanza tal-verità, Solomon kompla bil-vjaġġ tiegħu lejn il-Kanada, fejn miegħu ħa 64 paġna sfuljata tal-Ktieb ta’ Mormon li kienu għadhom kif ġew stampati. Kull fejn mar, huwa għallem lin-nies, “kemm lil nies sinjuri, kemm le, sinjuri u foqra, … sabiex iħejju għall-ħidma kbira ta’ Alla li kienet waslet biex isseħħ.”2

Ħidma Kbira ta’ Alla

Minn dak il-jum ta’ April 1830, kienu miljuni li skoprew il-verità tal-evanġelju rrestawrat u daħlu fl-ilma tal-magħmudija. Nixhed li din il-“ħidma kbira ta’ Alla” tinsab fid-dinja llum. Nixhed li l-Mulej iħares il-Knisja Tiegħu u jmexxiha permezz tal-profeta Tiegħu, il-President Thomas S. Monson. Mhijiex xi barka ordinarja li tgħix f’ dawn l-aħħar jiem. Dawn huma żminijiet glorjużi, li tkellmu dwarhom il-profeti tal-qedem u li ġew imħarsa minn eżerċti ċelestjali. Il-Mulej huwa konxju tal-Knisja Tiegħu. Huwa konxju wkoll ta’ dawk li, bħal Solomon Chamberlain, mxew wara t-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu u ngħaqdu ma’ ħuthom madwar id-dinja sabiex jgħinu ħalli tiġi fis-seħħ din il-ħidma kbira ta’ Alla.

Noti

  1. Joseph Smith, f’ History of the Church, 1:78.

  2. “A Short Sketch of the Life of Solomon Chamberlain,” typescript, Librerija tal-Istorja tal-Knisja (fuq l-Internet f’ www.boap.org/LDS/Early-Saints/SChamberlain.html); ara wkoll William G. Hartley, “Every Member Was a Missionary,” Ensign, Sett. 1978, 23. Ftit jiem wara l-organizzazzjoni tal-Knisja, Solomon Chamberlain ġie mgħammed minn Joseph Smith fl-ilmijiet ta’ Seneca Lake, New York.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

L-eżempju personali huwa wieħed mill-aktar għodda qawwija li għandna” (Teaching, No Greater Call [1999], 18). Hekk kif inti taqsam l-istorja ta’ Solomon Chamberlain, stieden lill-familja sabiex tfittex dawk il-mumenti li fihom huwa mexa wara t-tnebbiħ tal-Ispirtu. Iddiskuti kif l-eżempju tiegħu seta’ għen lil ħaddieħor. Stieden lill-membri tal-familja sabiex isemmu xi żmien meta l-eżempju tajjeb ta’ xi ħadd kien ta’ għajnuna f’ ħajjithom.

Ipprintja