2010
Il-Veduta mill-Għoli
Awwissu 2010


Iż-Żgħażagħ

Il-Veduta mill-Għoli

Bħala żagħżugħ kelli diversi opportunitajiet biex inwettaq il-magħmudijiet għall-mejtin fit-Tempju ta’ San Diego, California. Għalkemm dejjem kienet esperjenza tajba, kien hemm żjara waħda partikolari li baqgħetli f’ moħħi.

Kelli 16-il sena, u oħti ż-żgħira kienet għadha kif għalqet 12-il sena u kienet qed tagħmel l-ewwel żjara tagħha biex titgħammed għall-mejtin. Peress li din kienet l-ewwel darba tagħha, iddeċidejna li wara li nlestu, noħorġu barra u nimxu ftit madwar it-tempju.

Naħa waħda tat-tempju fiha ħafna postijiet minn fejn wieħed jista’ jammira l-veduta tal-madwar, u għalhekk imxejna ‘l hemmhekk. Peress li t-Tempju ta’ San Diego jinsab ħdejn triq prinċipali ferm traffikuża, meta tħares minn hemm fuq, fil-fatt iġġib it-triq taħtek.

Wieqaf fuq l-art tat-tempju f’ dak l-għoli f’ dak il-jum partikolari kien għeni sabiex nikseb perspettiva ġdida dwar il-ħajja. Kont qed inħares lejn id-dinja bil-karozzi jiġru taħti, biċ-ċentri tan-negozju kollha nies u tabelli tat-toroq mimlijin graffiti.

Kien hemmhekk li ġieni ħsieb ġo moħħi: “Ma tridx tkun parti minn dak li hemm taħtek; l-iskop tal-ħajja mhux dan.” Jiena dejjem ġejt mgħallem li l-għan tal-ħajja hu li nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna tas-Smewwiet u biex insiru bħalu. Kont naf li ma kellix bżonn il-ħwejjeġ tad-dinja biex nikseb dan l-għan.

Dort u ħarsit lejn it-tempju sabiħ, u kont grat għall-għarfien tal-evanġelju u l-perspettiva li tani. Kont naf li f’ nofs dinja kaotika u qarrieqa, jiena sibt għolja biex nieqaf fuqha.

Dak inhar ġewwa t-tempju jiena wegħedt lill-Missieri tas-Smewwiet li kont lest biex dejjem nieqaf fuq in-naħa Tiegħu u mhux fuq in-naħa tad-dinja. Titfa’ x’ titfa’ d-dinja fuqna, aħna nistgħu negħlbu kollox billi nżommu l-patti li għamilna u billi nieqfu f’ postijiet qaddisa (ara D&C 87:8).

Ipprintja