2010
Inkabbru l-Fidi u Ntejbu Lilna Nfusna
Awwissu 2010


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Awissu 2010

Inkabbru l-Fidi u Ntejbu Lilna Nfusna

Studja dan il-materjal, u kif xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti attiva minn ħajtek.

Immaġni
Relief Society seal

Fidi • Familja • Servizz

Mill-iskrittura

Isaija 2:2–3; D&C 109:22–23; 110:8–10

Ir-Responsabbiltà Tagħna li Nkunu Denji li Nqimu fit-Tempju

“Dawn il-patti li aħna nagħmlu bl-ordinanzi marbutin magħhom li nirċievu ġewwa t-tempju jsiru għalina l-kredenzjali li aħna jkollna bżonn sabiex nidħlu fil-preżenza ta’ Alla. Dawn il-patti jgħolluna lilhinn mill-limitu tal-istess qawwa u perspettiva tagħna. Aħna nagħmlu l-patti biex nuru d-devozzjoni tagħna li nibnu s-saltna. Aħna nsiru nies tal-patt hekk kif inpoġġu lilna nfusna f’ patt ma’ Alla. Il-barkiet imwiegħda kollha jkunu tagħna permezz tal-fedeltà tagħna lejn dawn il-patti. …

“X’ jistgħu jagħmlu n-nisa tal-Knisja biex jiksbu l-barkiet tat-tempju?

“Permezz tal-profeti, il-Mulej jistieden lil dawk li għadhom ma rċevewx il-barkiet tat-tempju sabiex jagħmlu dak kollu li hu neċessarju biex huma jikkwalifikaw ħalli jirċevuhom. Huwa jistieden lil dawk li diġà rċevew dawn il-barkiet sabiex jerġgħu jmorru lura kemm jistgħu ħalli jgawdu għal darb’oħra l-esperjenza, sabiex ikabbru l-viżjoni u l-għarfien tagħhom tal-pjan etern Tiegħu.

“Ejjew inkunu denji li jkollna rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti. Ejjew immorru t-tempju sabiex nissiġillaw il-familji tagħna għall-eternità. Ejjew nerġgħu nżuru t-tempju kull darba li jippermettulna ċ-ċirkustanzi. Ejjew nagħtu lill-antenati mejtin tagħna l-opportunità li huma wkoll jirċievu l-ordinanzi tal-eżaltazzjoni. Ejjew ingawdu l-qawwa spiritwali u r-rivelazzjoni li nirċievu hekk kif nattendu t-tempju regolarment. Ejjew inkunu fidili u nagħmlu u nżommu l-patti tat-tempju sabiex nirċievu l-barkiet sħaħ tal-Att tal-Fidwa.”1

Silvia H. Allred, l-ewwel kunsillier fil-presidenza ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.

Mill-Istorja Tagħna

Il-President Gordon B. Hinckley (1910–2008) għallem li s-Soċjetà tal-Għajnuna nibtet mix-xewqa li l-aħwa nisa kellhom li jaduraw fit-tempju:

“Matul il-bini tat-Tempju ta’ Kirtland in-nisa ġew imsejħin sabiex jitħnu l-porċellana li kellhom f’ biċċiet żgħar sabiex tkun tista’ tiġi mħallta mat-tikħil fuq il-ħitan tat-tempju, biex hi tkun tista’ taqbad id-dawl tax-xemx u l-qamar u b’ hekk tirrifletti dawl li jsebbaħ d-dehra tal-bini.

“F’ dawk iż-żminijiet, meta ma tantx kien hemm flus iżda kien hemm abbundanza ta’ fidi, il-ħaddiema taw saħħithom u r-riżorsi tagħhom għall-bini tad-dar tal-Mulej. In-nisa issupplixxew lill-irġiel bl-ikel, l-aħjar li setgħu iħejju. Edward W. Tullidge irrapporta li waqt li n-nisa kienu qed iħitu l-velijiet tat-tempju, Joseph Smith, waqt li kien qed josservahom, qal, ‘Tajjeb, ħuti, intom dejjem tkunu ta’ għajnuna kbira. L-aħwa nisa dejjem ikunu fuq quddiem nett fil-ħidma ġusta kollha. Marija kienet l-ewwel waħda li kienet hemm fir-reżurezzjoni; u l-aħwa nisa huma l-ewwel li jaħdmu fuq ix-xogħol intern tat-tempju.’ …

“L-istess f’ Nauvoo, meta kien għadu qed jinbena t-tempju, numru ta’ nies ingħaqdu flimkien sabiex iħitu l-qomos għall-ħaddiema rġiel. Kien f’ dawn iċ-ċirkustanzi li għoxrin minn dawn in-nisa nġabru flimkien nhar il-Ħamis, 17 ta’ Marzu 1842, fil-kamra ta’ fuq tal-maħżen tal-Profeta.”2 Hekk bdiet is-Soċjetà tal-Għajnuna.

X’ Nistgħu Nagħmlu?

  1. X’ għajnuna nista’ noffri sabiex ngħin lill-aħwa nisa jħejju biex jattendu t-tempju?

  2. Kif nista’ nuri permezz ta’ eżempju l-wirt tal-ewwel aħwa nisa li ssagrifikaw tant sabiex jirċievu l-barkiet tat-tempju?

  3. Kif nista’ nikseb il-barkiet tat-tempju?

Noti

  1. Silvia H. Allred, “Holy Temples, Sacred Covenants,” Liahona, Nov. 2008, 113, 114.

  2. Gordon B. Hinckley, “Ambitious to Do Good,” Ensign, Mar. 1992, 2.

Ipprintja