2010
Barkiet tat-Tempju
Awwissu 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Awissu 2010

Barkiet tat-Tempju

Għadni niftakar meta l-ġenituri tiegħi ħaduna fit-Tempju Svizzeru li kien għadu kif inbena, l-ewwel wieħed fl-Ewropa, sabiex insiru familja eterna. Dak iż-żmien jiena kelli 16-il sena u kont l-iżgħar fost erba’ aħwa. Inżilna għarkobbtejna flimkien quddiem l-artal biex niġu ssiġillati f’ din id-dinja bil-qawwa tas-saċerdozju, b’ wegħda meraviljuża li nistgħu niġu ssiġillati għall-eternità. Qatt ma nista’ ninsa dan il-mument manjifiku.

Ta’ ġuvni li kont, impressjonajt ruħi mhux ftit li konna saħansitra qsamna l-fruntieri tal-pajjiż sabiex niġu ssiġillati bħala familja. Għalija dan jissimbolizza l-mod kif il-ħidma tat-tempju tmur lilhinn mill-fruntieri tad-dinja sabiex twassal barkiet eterni lill-abitanti kollha tad-dinja. It-tempji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jinbnew verament għall-benefiċċju tad-dinja kollha, hi x’ inhi n-nazzjonalità, il-kultura jew l-orjentazzjoni politika.

It-tempji huma xhieda ċara li fl-aħħar mill-aħħar is-sewwa jirbaħ. Il-President George Q. Cannon (1827–1901), l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, darba qal, ‘Kull darba li titqiegħed l-ewwel ġebla ta’ Tempju, u kull darba li jitlesta Tempju … il-qawwa ta’ Satana tidgħajjef fid-dinja, u l-qawwa ta’ Alla u tas-sewwa jikbru.”1

Filwaqt li kull tempju jkabbar l-influwenza tas-sewwa fid-dinja, l-akbar barka, mingħajr dubju, tasal fuq dawk li filfatt jattendu t-tempju. Hemmhekk nirċievu aktar dawl u għarfien u nagħmlu patti solenni li, jekk nimxu warajhom, jgħinuna nimxu wara Kristu. Fil-qosor, it-tempju jgħallimna dwar l-għan sagru tal-ħajja u jgħinna nsibu d-direzzjoni, kemm fiżika kif ukoll spiritwali.

Madankollu aħna ma nattendux biss it-tempju għalina nfusna. Kull darba li nidħlu f’ dan il-bini sagru, aħna nkunu qed ngħinu fil-ħidma qaddisa ta’ fidwa, tas-salvazzjoni, li hi disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla bħala riżultat tal-Att tal-Fidwa tal-Iben Imnissel Waħdieni tal-Missier. Dan huwa servizz altruwista u qaddis li jagħti lilna, bnedmin mortali, iċ-ċans li nipparteċipaw fil-ħidma glorjuża li nsiru salvaturi fuq l-Għolja Sijon.

Lil dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jattendu t-tempju għalissa, inħeġġiġkom sabiex tagħmlu dak kollu li tistgħu sabiex ikollkom rakkomandazzjoni kurrenti tat-tempju. Ir-rakkomandazzjoni tat-tempju hija simbolu tal-fedeltà u d-determinazzjoni tagħna li nservu lill-Mulej. Hija simbolu tal-imħabba tagħna lejn il-Mulej, għaliex kif għallem Ġesù, “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni: min iħobb lili, iħobb ukoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġwanni 14:21).

Hekk kif ix-xenarju tad-dinja jkompli jisbieħ b’ dan il-bini sagru kkonsagrat lill-Mulej, hija t-talba tiegħi li aħna nagħmlu l-parti tagħna sabiex inressqu s-smewwiet aktar viċin l-art billi nkunu denji li nħaddnu rakkomandazzjoni tat-tempju u nagħmlu użu minnha. Hekk kif nagħmlu dan, is-sewwa żgur li jikber mhux biss f’ ħajjitna u fi djarna iżda wkoll fil-komunitajiet tagħna u madwar id-dinja kollha.

Nota

  1. George Q. Cannon, f’ “The Logan Temple,” Millennial Star, Nov. 12, 1877, 743.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Ħafna nies jitgħallmu aħjar u jiftakru aktar meta tippreżentalhom għajnuniet viżwali minflok sempliċement tkellimhom (ara Teaching, No Greater Call [1999], 182). Matul il-lezzjoni, ikkunsidra li turi stampa ta’ tempju. Wara li taqra l-artiklu, iddiskuti għaliex it-tempju huwa importanti għall-President Uchtdorf. Stieden lit-tfal iż-żgħar fil-familja sabiex ipinġu stampa tal-familja tagħhom fit-tempju.

Teaching, No Greater Call jiddikjara, “Ħeġġeġ lil dawk li inti tgħallem sabiex jiddeterminaw xi għan li jista’ jgħinhom jgħixu l-prinċipji li inti għallimt” (159). Ikkunsidra li taqra l-messaġġ tal-President Utchtdorf flimkien mal-familja u stieden lill-membri tal-familja sabiex jiktbu fuq biċċa karta xi għan personali li jgħinhom jibqgħu denji li jħaddnu u jużaw ir-rakkomandazzjoni tat-tempju.

Ipprintja