2010
Il-Ktieb ta’ Mormon bħala Gwida Personali
Settembru 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Settembru 2010

Il-Ktieb ta’ Mormon bħala Gwida Personali

Ilkoll kemm aħna, fl-aħjar mumenti tagħna, tiġina x-xewqa li nerġgħu mmorru lura biex ngħixu m’ Alla. Huwa tana r-rigal ta’ Ibnu l-Għażiż bħala s-Salvatur tagħna sabiex Huwa jħejjilna t-triq u jgħallimna nimxu fiha. Huwa tana l-profeti biex juruna t-triq. Il-Profeta Joseph Smith ġie ispirat sabiex jittraduċi kitbiet ta’ għadd ta’ profeti li issa nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon. Dan hu għalina gwida ċara fi triqitna lura lejn Alla.

Dwar dan il-ktieb prezzjuż Joseph Smith qal hekk, “Jiena għidt lill-aħwa li l-Ktieb ta’ Mormon hu l-aktar ktieb korrett fost il-kotba kollha fid-dinja, u l-ġebla tax-xewka tar-reliġjon tagħna, u li l-bniedem jersaq aktar viċin Alla jekk jobdi l-preċetti li hemm fih, milli kieku jimxi wara xi ktieb ieħor.”1

Il-preċetti tal-Ktieb ta’ Mormon huma dawk il-kmandamenti ta’ Alla li nsibu ġewwa fih. Xi wħud huma kmandamenti diretti mingħand is-Salvatur permezz tal-profeti Tiegħu dwar x’ għandna nagħmlu u x’ nistgħu nsiru. Il-Ktieb ta’ Mormon jagħtina l-eżempju tas-Salvatur sabiex inkabbru l-fidi u d-determinazzjoni tagħna li nobdu l-kmand Tiegħu li nimxu warajh. Il-ktieb huwa mimli bid-duttrina ta’ Kristu biex tiggwidana. Dan huwa eżempju mit-Tieni Ktieb ta’ Nefi:

“[Ġesù] qal lil ulied il-bnedmin: Imxu warajja. Għalhekk, għeżież ħuti, nistgħu verament nimxu wara Ġesù jekk m’ aħniex lesti li nżommu l-kmandamenti tal-Missier?

“U l-Missier qal: Indmu, indmu, u tgħammdu f’ isem Ibni il-Maħbub” (ara 2 Nephi 31:10–11).

Il-ktieb jitkellem b’ mod ċar kif aħna għandna nirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala magħmudija tan-nar biex jgħinna nibqgħu fil-mogħdija stretta u dejqa. Jgħallimna li għandna nitolbu dejjem f’ isem Kristu, bla waqfien, u jekk nagħmlu dan, ikollna din il-wegħda: “Għalhekk, ħarsu ’l quddiem b’ fidi ferma fi Kristu, u b’ dija qawwija ta’ tama u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tħarsu ’l quddiem, tmantnu lilkom iniffiskom permezz ta’ kliem Kristu, u tibqghu sodi sat-tmiem, dan jghid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna” (2 Nephi 31:20).

Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem b’ mod ċar fid-diskors meraviljuż tas-Sultan Benjamin dwar xi jfisser li jkollok imħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Meta n-natura tagħna tinbidel permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa u permezz tal-ubbidjenza fidila tagħna lejn il-kmandamenti, aħna nimtlew bl-imħabba ta’ Alla (ara Mosiah 4:1–12).

Il-Ktieb ta’ Mormon jagħtina wkoll il-kunfidenza illi f’ din il-ħajja tant nistgħu nissaffu li ma tibqgħalniex aktar xewqa li nagħmlu l-ħażen (ara Mosiah 5:2). Din it-tama tagħtina l-kuraġġ u l-faraġ hekk kif Satana jipprova jwaqqagħna fit-tentazzjoni u jiskuraġġina fi triqitna.

Kull darba li naqra xi ftit linji mill-Ktieb ta’ Mormon, inħoss it-testimonjanza tiegħi tissaħħaħ li dan il-ktieb huwa veru, li Ġesù huwa l-Kristu, li nistgħu nimxu warajh fi triqitna lura lejn id-dar, u li nistgħu nieħdu lura d-dar magħna lil dawk li aħna nħobbu. Sar għalija l-ktieb tal-kotba. Hu l-kelma ta’ Alla.

Nitlob li aħna u l-maħbubin tagħna nixorbu minnu kuljum b’ ċerta profondità. Fl-isem ta’ Ġesù Kristu nixhed li huwa gwida vera.

Nota

  1. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 64.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

“Meta aħna nużaw l-iskrittura u kliem il-profeti tal-aħħar jiem bħala s-sors tat-tagħlim tagħna, aħna nistiednu lill-Ispirtu sabiex ikun xhud tagħna. B’ hekk inkunu nistgħu niksbu dak it-tagħlim li ‘bil-qawwa ta’ Alla jikkonvinċi lill-bnedmin’ (ara D&C 11:21)” (Teaching, No Greater Call [1999], 51). Ikkunsidra li taqra xi punti ewlenin mill-messaġġ tal-President Eyring, inkluż id-dikjarazzjoni ta’ Joseph Smith dwar il-Ktieb ta’ Mormon. Stieden lill-membri tal-familja sabiex jaqsmu miegħek kif iħossuhom aktar viċin Alla meta japplikaw f’ ħajjithom it-tagħlim li jinsab fil-Ktieb ta’ Mormon.

“Meta dawk li qed jitgħallmu dan il-Ktieb jiddiskutu ċerti prinċipji mill-iskrittura, huma jiżviluppaw ċerta ħila partikolari li hi neċessarja għall-istudju personali tagħhom tal-iskrittura” (Teaching, No Greater Call, 54). Ikkunsidra li taqra l-iskrittura li hawn referenza għaliha f’ dan il-messaġġ u li tfittex u tiddiskuti l-prinċipji li hija tgħallem.

Ipprintja