2010
Ir-Responsabbiltà Tagħna li Nrawwmu l-Ġenerazzjoni li Għadha Tiela’
Settembru 2010


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Settembru 2010

Ir-Responsabbiltà Tagħna li Nrawwmu l-Ġenerazzjoni li Għadha Tielgħa

Studja dan il-materjal, u kif xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.

Immaġni
Relief Society seal

Fidi • Familja • Għajnuna

Mill-iskrittura

Proverbji 22:6; Efesin 6:4; Enos 1:1; Alma 53:20–21; 56:47; 57:27

Jekk aħna ma nrawwmux lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, hi tispiċċa fil-periklu li ssir bħal dik li hemm deskritta f’ Mosiah 26. Ħafna kienu ż-żgħażagħ li ma emmnux fit-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom u, fejn tidħol il-fidi tagħhom, saru poplu separat u baqgħu hekk għal dejjem. Iż-żgħażagħ f’ din il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa bħalissa wkoll jistgħu jintilfu jekk huma ma jifhmux x’ inhu sehemhom fil-pjan tal-Missier tas-Smewwiet.

Għalhekk x’ inhu dak li jissalvagwardja lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa? Fil-Knisja, aħna ngħallmu prinċipji li jwasslu għas-salvazzjoni, u dawk il-prinċipji huma prinċipji tal-familja, il-prinċipji li jgħinu liż-żgħażagħ ta’ din il-ġenerazzjoni sabiex jiffurmaw familja, jgħallmu lil dik il-familja, u jħejju lil dik l-istess familja għall-ordinanzi u l-patti — u mbagħad il-ġenerazzjoni ta’ wara ikun imiss lilha li tgħallem lil ta’ warajha u nibqgħu sejrin hekk.

Bħala ġenituri, mexxejja, u membri tal-Knisja, aħna qed inħejju lil din il-ġenerazzjoni għall-barkiet ta’ Abram, għat-tempju. Għandna r-responsabbiltà li nkunu ċari ħafna fuq dawk il-punti ewlenin tad-duttrina li nsibu fil-proklamazzjoni tal-familja. Li tkun omm u li tkun missier huma rwoli u responsabbiltajiet eterni. Ilkoll kemm aħna nġorru r-responsabbiltà tas-sehem maskili jew femminili tal-pjan.

Nistgħu ngħallmu din id-duttrina kull fejn inkunu. Għandna nitkellmu b’ rispett dwar iż-żwieġ u l-familja. U permezz tal-eżempju tagħna, il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa tkun tista’ tikseb tama kbira u għarfien kbir —mhux biss permezz tal-kliem li aħna nlissnu iżda wkoll mill-mod li nħossu u ngħixu l-ispirtu ta’ familja.

Julie B. Beck, president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna.

Mill-Istorja Tagħna

Meta kien qed ikellem lill-aħwa nisa fil-laqgħa ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna fit-23 ta’ Settembru, 1995, il-President Gordon B. Hinckley qal: “Id-dinja li qed ngħixu fiha hija dinja mqallba, fejn il-valuri jinbidlu skont in-neċessità. Ħafna huma l-vuċijiet li bit-twerżiq tagħhom iħajruna niċħdu dawk il-valuri li diġà għaddew mill-passatur taż-żmien.”1 Il-President Hinckley mbagħad kompla biex introduċa lill-aħwa, lill-Knisja u ultimament lill-bnedmin kollha ma’ kullimkien “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.”

Fi snin li ġew wara dan id-dokument profetiku ġie tradott f’ bosta lingwi u tqassam lil diversi mexxejja tad-dinja. Isejjaħ liċ-ċittadini u lill-mexxejja tal-gvern “sabiex jippromwovu dawk il-miżuri maħsuba sabiex isostnu u jsaħħu lill-familja bħala l-istruttura fundamentali tas-soċjetà.”2

Il-proklamazzjoni saret is-sisien tat-twemmin tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem dwar il-familja, dikjarazzjoni li nistgħu nistrieħu fuqha u li dwarha nafu li jekk ngħixu skont il-preċetti tagħha, aħna nkunu qed insaħħu l-familji u d-djar tagħna.

Noti

  1. Gordon B. Hinckley, “Stand Strong against the Wiles of the World,” Ensign, Nov. 1995, 99.

  2. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Ott. 2004, 49.

X’ Nista’ Nagħmel?

  1. Kif nista’ ngħin lil ħuti jużaw “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” biex tgħinhom irawmu lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa? Forsi tista’ tagħti kopja tal-proklamazzjoni lill-aħwa li inti żżur u tgħinhom jidentifikaw u jimmarkaw dawk il-passaġġi li jgħallmu bl-aħjar mod id-duttrina ewlenija.

  2. Kif Nista’ Nrawwem lill-Ġenerazzjoni li Għadha Tielgħa? Tista’ tikkunsidra li tilħaq lill-membri tal-qasam jew tal-fergħa tiegħek, jew lill-membri tal-familja tiegħek jew tal-komunità li jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-attenzjoni u l-imħabba tiegħek.

Ipprintja