2010
Id-Don Divin tal-Gratitudni
Novembru 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Novembru 2010

Id-Don Divin tal-Gratitudni

Qalb grata … niksbuha meta nesprimu l-gratitudni tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet għall-barkiet Tiegħu u ma’ dawk ta’ madwarna għal dak kollu li huma jikkontribwixxu f’ ħajjitna.

Din kienet verament sezzjoni meraviljuża. Meta jiena ġejt maħtur President tal-Knisja, jiena għidt, “Sa nagħti essajnment lili nnifsi. Sa nkun il-konsulent tal-Kor tat-Tabernaklu.” Jiena kburi ħafna bil-kor tiegħi!

Ommi darbi qaltli dan il-kliem, “Tommy, jiena kburija ħafna għal dak kollu li inti għamilt. Iżda nixtieq ngħaddilek kumment. Messek bqajt tistudja l-pjanu.”

Għalhekk jiena mort fuq il-pjanu u daqqejt xi ħaġa għaliha: “Imxu mmorru [imxu mmorru] għal festa ta’ għeluq sninek.”1 Mbagħad tajtha bewsa fuq moħħha, u hi għannqitni.

Naħseb spiss fuqha. Naħseb ukoll fuq missieri. Naħseb fuq dawk l-Awtoritajiet Ġenerali kollha li lili influwenzawni, u naħseb f’oħrajn, fosthom ir-romol li jiena żort – il-85 armla – ġieli b’ xi tiġieġa f’ idi biex isajruha, u ġieli b’ xi ħaġa żgħira tal-flus għalihom.

Darba waħda mort inżur waħda minnhom tard bil-lejl. Kien nofs il-lejl, u jiena mort fid-dar tal-anzjani, u r-receptionist qaltli, “Jiena ninsab ċerta li hi rieqda, iżda qaltli biex inkun żgur li nqajjimha, għax qaltli, ‘Naf li jiġi.’”

Jiena żammejtilha idha; hija lissnet ismi. Kienet imqajma sew. Hija għafset idi ma’ xufftejha u qaltli, “Kont naf li sa tiġi.” Kif stajt ma mmurx?

Il-mużika sabiħa tħallili l-istess effett.

Għeżież ħuti, smajna messaġġi ispirati ta’ verità, ta’ tama, u ta’ mħabba. Ħsibijietna daru lejn Dak li patta għal dnubietna, li wriena kif għandna ngħixu u nitolbu, u li wriena b’ għemilu l-barkiet tas-servizz – l-istess Mulej tagħna u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Fil-ktieb ta’ Luqa, kapitlu 17, naqraw hekk dwaru:

“Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalem, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija.

“Kif kien dieħel f’ raħal, ltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ‘l bogħod minnu:

“Għollew leħinhom u qalulu, Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna.

“Kif rahom, qalilhom, Morru uru rwieħkom lill-qassisin. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.

“Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla,

“Nxteħet wiċċu fl-art f’ riġlejn Ġesù u raddlu ħajr: Issa dan kien Samaritan.

“U Ġesù qabad u qal, M’hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra?

“Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.

“Mbagħad qallu, Qum, mur: il-fidi tiegħek salvatek.”2

Permezz ta’ intervent divin dawk li kienu lebbrużi ġew salvati minn mewt krudili li toqtlok ftit ftit u ġew mogħtija ċans ġdid fuq ħajjithom. Il-gratitudni espressa minn wieħed minnhom wasslet għall-barka tal-Imgħallem; l-ingratitudni murija mid-disgħa l-oħra, għad-diżappunt Tiegħu.

Ħuti, niftakru aħna sabiex ngħidu grazzi għall-barkiet li nirċievu? Jekk b’ sinċerità ngħidu grazzi mhux biss dan jgħinna sabiex nagħrfu l-barkiet tagħna, iżda permezz tal-gratitudni tagħna jistgħu jinfetħu għalina bwieb is-sema u verament naslu biex nħossu l-imħabba ta’ Alla.

L-għażiż ħabib tiegħi l-President Gordon B. Hinckley qal, “Meta timxi bil-gratitudni, inti ma timxix bl-arroganza, bil-vanità u bl-egoiżmu, inti timxi bl-ispirtu ta’ ringrazzjament għal dak li inti rċevejt u li qed iberiklek ħajtek.”3

Fil-ktieb ta’ Mattew fil-Bibbja, għandna rakkont ieħor ta’ gratitudni, din id-darba bħala espressjoni mis-Salvatur. Hekk kif Huwa vvjaġġa għal tlitt ijiem fid-deżert, aktar minn 4 000 ruħ imxew warajh u vvjaġġaw miegħu. Huwa tħassarhom, għaliex kienu għaddew tlitt ijiem mingħajr ikel. Id-dixxipli Tiegħu, madankollu, staqsewh, “F’ deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxabbgħu kotra hekk kbira?” Bħal ħafna minna, id-dixxipli raw biss dak li hu nieqes.

“Xi kemm għandkom ħobż? Staqsihom Ġesù. U [d-dixxipli] qalulu, Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir.

“Mbgħad [Ġesù] qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art.

“U ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies.”

Innutaw li s-Salvatur radd il-ħajr għal dak li huma kellhom – u wara seħħ il-miraklu: “U kulħadd kiel u xaba’: u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija.”4

Lkoll kemm aħna għaddejna minn żminijiet meta konna qed niffukaw ferm aktar fuq dak li m’ għandniex milli fuq il-barkiet tagħna. Il-filosofu Griek Epiktetu qal, “Għaqli dak ir-raġel li ma jibkix għal dak li m’ għandux, iżda jifraħ għal dak li għandu.”5

Il-gratitudni hija prinċipju divin. Il-Mulej iddikjara permezz ta’ rivelazzjoni mogħtija lill-Profeta Joseph Smith:

“Inti għandek tirringrazzja lill-Mulej Alla tiegħek f’ kollox. …

“U f’ xejn il-bniedem ma offenda lil Alla, jew kontra ħadd mhu sa juri l-għadab tiegħu, ħlief lejn dawk li ma jagħrfux idejh f’ kollox.”6

Fil-Ktieb ta’ Mormon naqraw li għandna “[n]għixu fil-gratitudni kuljum, għall-ħniena kbira u l-barkiet kbar li [Alla] tefa’ [fuqna.]”7

Huma x’ inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, lkoll kemm aħna għandna ħafna għalfejn inkunu grati jekk sempliċement nieqfu ftit u nikkontemplaw il-barkiet tagħna.

Dan huwa żmien mill-isbaħ li nkunu fid-dinja. Għalkemm illum hawn ħafna ħażin fid-dinja, hawn ukoll ħafna ħwejjeġ sewwa u tajbin. Hawn żwiġijiet li jirnexxu, ġenituri li jħobbu lil uliedhom u li jissagrifikaw ħafna għalihom, ħbieb li jimpurtahom minna u jgħinuna, għalliema li jgħallmu. Ħajjitna huma mberkin b’ diversi modi.

Nistgħu nelevaw lilna nfusna kif ukoll lil ħaddieħor meta aħna nirrifjutaw li ninħakmu minn ħsibijiet negattivi u nikkultivaw ġewwa qalbna attitudni ta’ gratitudni. Jekk l-ingratitudni tiġi kkunsidrata fost l-aktar dnubiet serji, allura l-gratitudni tieħu postha fost l-aktar virtujiet nobbli. Xi ħadd qal li “l-gratitudni m’hijiex biss l-akbar fost il-virtujiet, iżda l-omm tal-oħrajn kollha.”8

Kif nistgħu nikkultivaw f’ qalbna attitudni ta’ gratitudni? Il-President Joseph F. Smith, is-sitt President tal-Knisja, ipprovda t-tweġiba. Huwa qal: “Il-bniedem grat jara ħafna ħwejjeġ fid-dinja li għalihom huwa jħossu grat, u għalih it-tajjeb jegħleb lill-ħażen. L-imħabba ssir qawwa fuq l-għira, u d-dawl ikeċċi d-dalma minn ħajtu.” Huwa kompla: “Il-kburija teqred il-gratitudni tagħna u minflok tiżra flokha l-egoiżmu. Kemm inkunu aktar ferħanin meta ġo fina tgħammar il-gratitudni u l-imħabba, u kemm għandna noqogħdu attenti li nikkultivaw, permezz ta’ ħajja mmexxija mit-talb, attitudni ta’ ringrazzjament lejn Alla u lejn il-bniedem!”9

Il-President Smith qed jgħidilna li ħajja mmexxija mit-talb hija l-muftieħ li jwassalna biex nippossiedu l-gratitudni.

Il-ħwejjeġ materjali veru jagħmluna ferħanin u grati? Forsi għal dak il-mument. Madankollu, dawk il-ħwejjeġ li jwasslulna l-hena u l-gratitudni vera u dejjiema huma dawk il-ħwejjeġ li ma tistax tixtrihom bil-flus: il-familji tagħna, l-evanġelju, ħbieb vera, saħħitna, il-ħiliet tagħna u l-imħabba li nirċievu minn dawk ta’ madwarna. Sfortunatament, dawn huma wħud mill-ħwejjeġ li ta’ spiss neħduhom for granted.

L-awtur Ingliż Aldous Huxley kiteb, “Il-maġġoranza tan-nies għandhom kapaċità kważi infinita li jieħdu l-affarijiet for granted.”10

Aħna ta’ spiss nieħdu for granted l-aktar nies li l-aktar jistħoqqilhom il-gratitudni tagħna. Ejjew ma nistennewx sakemm ikun tard wisq sabiex nesprimu l-gratitudni tagħna. Meta kien qed jitkellem fuq il-maħbubin li huwa kien tilef, wieħed raġel iddikjara d-dispjaċir tiegħu b’ dan il-mod: “Niftakar f’ dawk iż-żminijiet ta’ ferħ, u ta’ spiss nixtieq li nkun nista’ nlissen f’ widnejn il-mejtin il-kliem ta’ gratitudni li kien ħaqqhom jisimgħu f’ ħajjithom u li jiena rari raddejtilhom.”11

It-telfien tal-maħbubin tagħna inevitibilment dejjem iġib xi ftit tad-dispjaċir f’ qalbna. Ejjew bħala umani nnaqqsu dawn is-sentimenti kemm jista’ jkun possibbli billi spiss nesprimu spiss l-imħabba u l-gratitudni tagħna lejhom. Aħna ma nafux kemm hu viċin iż-żmien li jkun tard wisq.

Qalb grata niksbuha meta nesprimu l-gratitudni tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet għall-barkiet Tiegħu u ma’ dawk ta’ madwarna għal dak kollu li huma jikkontribwixxu f’ ħajjitna. Dan jeħtieġ minna sforz fuqna nnifisna – għallinqas sakemm verament nitgħallmu u nibdew nikkultivaw attitudni ta’ gratitudni. Ta’ spiss aħna nħossuna grati u tiġina l-intenzjoni li nesprimu r-ringrazzjament tagħna iżda ninsew nagħmlu dan jew nispiċċaw qatt ma nagħmlu dan. Xi ħadd qal li “jekk inħossu l-gratitudni u ma nesprimuhiex ikun bħal meta ngeżwru rigal u nibqgħu ma nagħtuhx.”12

Meta nħabbtu wiċċna mal-isfidi u l-problemi li niltaqgħu magħhom f’ ħajjitna, ikun ħafna drabi diffiċli għalina li niffukaw fuq il-barkiet tagħna. Madankollu, jekk infittxu fil-fond biżżejjed, nkunu kapaċi nħossu u nagħrfu kemm fil-verità aħna ġejna mberkin.

Sa naqsam magħkom rakkont ta’ familja li rnexxielha tagħraf il-barkiet tagħha fi żmien ta’ sfida kbira. Dan huwa rakkont li jiena qrajt ħafna snin ilu u żammejtu minħabba l-messaġġ li fih. Ġie miktub minn Gordon Green u deher f’ rivista Amerikana ‘l fuq minn 50 sena ilu.

Gordon jikteb dwar kif huwa trabba f’ razzett fil-Kanada, fejn hu u ħutu kien ikollhom jiġru lejn id-dar filwaqt li sħabhom l-oħra kienu joqogħdu jilagħbu l-ballun u jmorru jgħumu. Missierhom, madankollu, kien kapaċi jgħinhom jifhmu li ħidmiethom kienet finalment issarraf f’ xi ħaġa. Dan kien speċjalment minnu wara żmien il-ħsad meta l-familja kienet tiċċelebra flimkien Jum ir-Ringrazzjament, għax f’ dak il-jum missierhom kien jagħtihom rigal mill-isbaħ. Huwa kien jagħmel inventarju ta’ dak kollu li huma kellhom.

Fl-għodwa ta’ jum ir-Ringrazzjament huwa kien jeħodhom fil-kantina mimlija btieti bit-tuffieħ, bramel bil-pitravi, karrotti ppakkjati fir-ramel u muntanji ta’ xkejjer tal-patata kif ukoll piżelli, qamħirrun, fażola tixxeblek, jelly, frawli u affarijiet oħra ppreservati li kienu jimlew l-ixkaffi tagħhom. Huwa kien iqabbad lit-tfal sabiex jgħoddu kollox bir-reqqa. Mbagħad kienu jmorru fl-istalla u jaraw kemm -il tunnellata silla kien ikollhom u kemm il-buxel qamħ kien ikun hemm ġewwa l-fossa. Kienu jgħoddu wkoll il-baqar, il-qżieqeż, it-tiġieġ, id-dundjani u l-papri. Missierhom kien jgħid li dan kien isir sabiex ikun jaf kemm kien ikun għad baqa’, iżda huma kienu jafu li fil-verità huwa riedhom jintebħu f’ dak il-jum ta’ festa b’ liema abbundanza kien iberikom Alla u li kien jitbissmilhom għas-sigħat twal ta’ ħidma tagħhom. Finalment, meta kienu jpoġġu biex jieklu l-ikla li kienet tkun ħejjiet ommhom, il-barkiet kienu jkunu xi ħaġa li huma kienu verament iħossu.

Gordon qal, madankollu, li l-aktar Jum ir-Ringrazzjament li baqa’ jiftakar bl-akbar gratitudni kien f’ sena li fiha kważi deher li ma kellhom xejn biex ikunu grati għalih.

Is-sena kienet bdiet fuq nota tajba: kien għad baqgħalhom is-silla, ħafna żerriegħa, erba’ boton qżieqeż, u missierhom kellu wkoll xi ftit flus imwarrbin ħalli xi darba kien ikollu biex jixtri magna li tgħabbi s-silla – magna meraviljuża li bosta bdiewa kienu joħolmu li jkollhom. Kienet ukoll is-sena li ġie introdott għall-ewwel darba d-dawl elettriku fil-belt – għalkemm huma ma kellhomx għax ma kinux jaffordjawh.

Lejla waħda meta omm Gordon kienet qed tagħmel il-ħasla l-kbira tagħha, daħal fil-kamra missieru u resaq lejn il-banju tal-ħasil u talab lil martu sabiex tieqaf ftit milli kienet qed tagħmel u tmur tgħaddi ftit ħin tħit is-suf. Huwa qalilha, “Inti tgħaddi aktar ħin taħsel milli torqod. Ma taħsibx li għandna niddeċiedu li ndaħħlu l-elettriku?” Għalkemm għoġbitha ferm l-idea, hija qabżitilha xi demgħa jew tnejn hekk kif ftakret fil-magna li tgħabbi s-silla li kienet se tispiċċa ma tinxtarax.

Għalhekk dik is-sena l-linja tad-dawl waslet fit-triq tagħhom. Għalkemm ma marrux għal xi waħda lussuża, huma xtraw washing machine li kienet tagħmel ġurnata sħiħa taħdem waħedha, u dendlu bozoz mas-saqaf ta’ kull kamra. Issa daqshekk kellhom għalfejn jimlew il-lampi bil-pitrolju, ma kellhomx għalfejn jaqtgħu aktar ftejjel jew jaħslu aktar ċmieni mġiddmin. Il-lampi spiċċaw fil-maħżen.

L-introduzzjoni tal-elettriku fir-razzett tagħhom kienet kważi l-aħħar ħaġa tajba li kienu esperjenzaw dik is-sena. Hekk kif l-uċuħ tar-raba bdew juru l-ewwel sinjali ta’ dak li kienu żergħu, bdiet nieżla x-xita. Meta finalment l-ilma waqaf ma kienx għad baqa’ pjanta waħda imkien. Huma reġgħu żergħu, iżda aktar xita spiċċat biex qatlitilhom kollox. Il-patata tagħhom inqerdet mal-ħamrija. Huma bigħu numru ta’ baqar u l-qżieqeż kollha u l-annimali l-oħra li kienu sa jżommu, fejn kellhom ineħħuhom bi ftit flus peress li kulħadd kellu jagħmel l-istess ħaġa. L-uniku ħsad tagħhom dik is-sena kienet roqgħa pjanti tal-ġenus li b’ xi mod ħelsitha mill-maltemp.

Mbagħad reġa’ wasal Jum ir-Ringrazzjament. Ommhom qaltilhom, “Naħseb aħjar ninsew kollox din is-sena. Lanqas papra waħda ma baqgħalna.”

Madankollu, fl-għodwa ta’ Jum ir-Ringrazzjament, missier Gordon mar id-dar b’ fenek selvaġġ u talab lil martu sabiex issajru. Kontra qalbha hija bdiet issajru, iżda qaltilhom li kien sa jieħu ħin mhux ħażin biex isir daqs kemm kien xieref. Meta finalment spiċċa fuq il-mejda flimkien ma’ ftit ġenus li kien baqa’ tajjeb, it-tfal ma ridux jikluh. Omm Gordon bdiet tibki, u mbagħad missieru għamel xi ħaġa daqxejn stramba. Huwa mar fil-maħżen, ġab lampa tal-pitrolju, reġa’ poġġieha f’postha fuq il-mejda u xegħelha. Huwa talab lit-tfal sabiex jitfu l-bozoz tal-elettriku. Meta kull ma kien għad baqa’ kien biss il-lampa, bilkemm setgħu jemmnu li qabel kienu jkunu daqshekk fid-dlam. Stagħġbu kif qabel kienu jaraw mingħajr id-dawl qawwi li kien possibbli biss permezz tal-elettriku.

Bierku l-ikel u kulħadd kiel. Wara l-ikel, baqgħu bilqiegħda hemm fil-kwiet. Gordon kiteb hekk:

“Fid-dawl baxx tal-lampa l-qadima erġajna bdejna naraw b’ mod ċar. …

“Kienet ikla vera tajba. Il-fenek selvaġġ kellu togħma ta’ dundjan u l-ġenus kien mill-aktar ħelu. …

“… Id-dar [tagħna] … , bin-nuqqasijiet kollha li kellna, kienet għalina waħda sinjura.”13

Ħuti, li nesprimu l-gratitudni hija xi ħaġa grazzjuża u onorabbli, li naġixxu b’ sens ta’ gratitudni hija xi ħaġa ġeneruża u nobbli, iżda li ngħixu bil-gratitudni dejjem f’ qalbna hi bħal meta mmissu s-smewwiet.

Hekk kif nagħlaq din l-għodwa, hija t-talba tiegħi li flimkien ma’ dak kollu li għandna nkunu grati għalih, j’Alla nirriflettu dejjem il-gratitudni tagħna għall-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. L-evanġelju glorjuż Tiegħu jipprovdi t-tweġibiet għall-akbar mistoqsijiet tal-ħajja: Aħna minn fejn ġejna? X’ qegħdin nagħmlu hawn? Fejn jispiċċaw l-ispirti tagħna meta aħna mmutu? Dan l-evanġelju jwassal lil dawk li jinsabu jgħixu fid-dlam id-dawl tal-verità divina.

Huwa għallimna kif nitolbu. Huwa għallimna kif ngħixu. Huwa għallimna kif immutu. Ħajtu hija wirt ta’ mħabba. Huwa fejjaq lill-morda; għolla lill-batuti; salva lill-midneb.

Ultimament, Huwa spiċċa waħdu. Xi Appostli ddubitaw; wieħed ittradieh. Is-suldati Rumani nifdulu ġenbu. Marmalja kollha rabja neħħietlu ħajtu. Għadu jidwi mill-għolja tal-Golgota l-kliem kollu kompassjoni tiegħu: “Missier aħfrilhom, għax ma jafux x’ inhuma jagħmlu.”14

Min kien dan il-“bniedem li bata … li tgħabba bin-niket’”?15 “Min hu dan is-Sultan tal-glorja”16 dan Sid is-sidien? Huwa l-Imgħallem tagħna. Huwa s-Salvatur tagħna. Huwa Iben Alla. Huwa l-Awtur tas-Salvazzjoni Tagħna. Huwa sejħilna, “Imxu warajja.”17 Huwa għallimna, “Morru, u għamlu l-istess.”18 Huwa talabna, “Żommu l-kmandamenti tiegħi.”19

Ejjew nimxu warajh. Ejjew nimxu wara l-eżempju Tiegħu. Ejjew nobdu kliemu. Meta nagħmlu dan, nkunu qed noffrulu d-don divin tal-gratitudni.

It-talba sinċiera u mill-qalb tiegħi hi li j’Alla fil-ħajja individwali tagħna nirriflettu l-virtù meraviljuża tal-gratitudni. J’Alla din il-gratitudni tinfed ruħna, issa u dejjem. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, amen.

Noti

  1. John Thompson, “Birthday Party,” Teaching Little Fingers to Play (1936), 8.

  2. Luqa 17:11–19.

  3. Teachings of Gordon B. Hinckley (1997), 250.

  4. Ara Mattew 15:32–38; enfasi miżjuda.

  5. The Discourses of Epictetus; with the Encheiridion and Fragments, trad. George Long (1888), 429.

  6. Doctrine and Covenants 59:7, 21.

  7. Alma 34:38.

  8. Cicero, f’ A New Dictionary of Quotations on Historical Principles, sel. H. L. Mencken (1942), 491.

  9. Joseph F. Smith, Gospel Doctrine, 5 ed. (1939), 263.

  10. Aldous Huxley, Themes and Variations (1954), 66.

  11. William H. Davies, The Autobiography of a Super-Tramp (1908), 4.

  12. William Arthur Ward, in Allen Klein, miġ., Change Your Life! (2010), 15.

  13. Adattat minn H. Gordon Green, “The Thanksgiving I Don’t Forget,” Reader’s Digest, Nov. 1956, 69–71.

  14. Luqa 23:34.

  15. Isaija 53:3.

  16. Salm 24:8.

  17. Mattew 4:19.

  18. Luqa 10:37.

  19. Ġwanni 14:15.

Ipprintja