2010
Dawk il-Ħwejjeġ l-Aktar Importanti
Novembru 2010


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Novembru 2010

Dawk il-Ħwejjeġ l-Aktar Importanti

Jekk il-ħajja mgħaġġla u l-ħafna stress li ġġib magħha qed jagħmluha diffiċli għalik li tħossok ferħan, forsi mela issa huwa ż-żmien opportun li terġa’ tiffoka fuq dak li hu l-aktar importanti.

Hija meravilja kemm nistgħu nitgħallmu dwar il-ħajja billi nistudjaw in-natura. Per eżempju, ix-xjentisti jistgħu jħarsu lejn iċ-ċrieki tas-siġar u bl-għerf tagħhom jaqtgħu kif kienet il-klima u l-kundizzjonijiet li fihom huma kibru mijiet u saħansitra eluf ta’ snin ilu. Waħda mill-ħwejjeġ li nistgħu nitgħallmu mit-tkabbir tas-siġar hi li tul dawk l-istaġuni meta l-kundizzjonijiet ikunu ideali, is-siġar jikbru b’ rata normali. Madankollu, f’ dawk l-istaġuni meta l-kundizzjonijiet ma jkunux ideali, is-siġar inaqqsu mir-ritmu li bih jikbru u jiddedikaw l-enerġija tagħhom għal dawk l-elementi bażiċi u neċessarji għalihom sabiex jgħixu.

Bħalissa xi wħud minkom jistgħu forsi qed jaħsbu, “Kollox sew, iżda dan x’ għandu x’ jaqsam mat-titjir tal-ajruplani?” Mela, ħa ngħidilkom.

Qatt kontu ġo ajruplan u esperjenzajtu xi taqlib fit-temp? L-aktar ħaġa komuni li tikkawża dan it-taqlib hija l-bidla f’ daqqa fil-moviment tal-arja li twassal sabiex l-ajruplan jibda jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra. Għalkemm l-ajruplani jinbnew sabiex jikumbattu taqlib ferm akbar minn kull ħaġa li tiltaqgħu magħha fuq titjira regolari, dan xorta jista’ jiskunċerta lil xi passiġieri.

X’ taħsbu li jagħmlu l-piloti meta jiltaqgħu ma’ dan it-taqlib? Pilota li jkun għadu student jista’ forsi jaħseb li żjieda fil-veloċità tista’ tkun strateġija tajba biex jirnexxilu jgħaddi minn dan it-taqlib kemm jista’ jkun malajr. Iżda din tista’ tkun deċiżjoni ħażina. Piloti professjonali jifhmu li hemm veloċità partikolari ottima li tippenetra t-taqlib li tnaqqas l-effett negattiv ta’ dan l-istess taqlib. U ħafna drabi dan ikun ifisser li titnaqqas il-veloċità. L-istess prinċipju japplika ukoll għall-ħofor fit-triq.

Għalhekk, huwa parir tajjeb li tnaqqas ftit ir-ritmu, iġġib l-affarijiet taħt kontroll u tiffoka fuq dak li hu essenzjali meta inti tesperjenza kundizzjonijiet mqallba.

Il-Pass tal-Ħajja Moderna

Din hija lezzjoni sempliċi iżda importanti x’ nitgħallmu. Tista’ tinstama’ xi ħaġa loġika meta nirreferu għas-siġar jew għat-taqlib fl-arja, iżda hi ħaġa tal-għaġeb kemm hu faċli li ninjoraw din il-lezzjoni meta niġu sabiex napplikaw dawn l-istess prinċipji fl-istess ħajja tagħna. Meta l-livell tal-istress jogħla, meta nħabbtu wiċċna mal-periklu, meta tfaqqa’ xi traġedja, ta’ spiss nippruvaw nibqgħu għaddejjin bl-istess pass mgħaġġel jew saħansitra nżidu r-ritmu tagħna, għax naħsbu li aktar ma ngħaġġlu l-pass aktar inkunu aħjar.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-ħajja moderna tidher li hi l-pass tant mgħaġġel li mexjin bih, irrilevanti jekk insibux it-taqlib jew xi ostaklu.

Ejjew inkunu onesti; huwa aktar faċli li nżommu lilna nfusna okkupati. Lkoll kemm aħna nistgħu naħsbu dwar lista twila ta’ affarijiet li rridu nagħmlu li tispiċċa tħawwad mhux ftit l-iskeda tal-ħin tagħna. Xi wħud jistgħu jaħsbu wkoll li l-valur tagħhom personali jiddependi fuq kemm hi twila l-lista ta’ dak li għandhom jagħmlu. Jimlew il-ħin liberu tagħhom b’ numru ta’ laqgħat u ħwejjeġ mhux importanti – saħansitra fi żminijiet ta’ stress u għejja. Peress li jikkomplikaw ħajjithom mingħajr bżonn, huma ta’ spiss iħossu ċerta frustrazzjoni żejda, anqas ferħ u ftit li xejn skop għal ħajjithom.

Jingħad li kull virtù meta tapplikah b’ mod estrem jispiċċa vizzju. Li ngħabbu l-ġurnata tagħna aktar milli hu neċessarju huwa eżempju ċar ta’ dan. Naslu f’ punt fejn mumenti importanti f’ ħajjitna u ċerta ambizzjonijiet li jkollna jistgħu isiru għalina bħal dak il-ħaġar li jostakolana.

X’ Inhi s-Soluzzjoni?

L-għorrief jifhmu u japplikaw il-lezzjonijiet taċ-ċrieki tas-siġar u tat-taqlib tal-arja. Huma jirreżistu t-tentazzjoni li jinqabdu fil-ġenn sfrenat tal-ħajja ta’ kuljum. Huma jagħtu kas tal-parir “Hemm ħwejjeġ aktar importanti fil-ħajja milli ngħaġġlu r-ritmu tagħha”1 F’ kelma waħda, huma jiffukaw fuq dawk il-ħwejjeġ l-aktar importanti.

Il-Presbiteru Dallin H. Oaks, f’ konferenza ġenerali reċenti, għallem,“Irridu nħallu fil-ġenb xi affarijiet tajbin li għandna nagħmlu biex flokhom nagħżlu oħrajn aktar importanti minnhom jew inkella dawk li l-aktar iwassluna sabiex niżviluppaw il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u li jgħinuna nsaħħu l-familji tagħna.”2

It-tfittxija għall-aktar ħwejjeġ importanti inevitibilment twassalna għall-prinċipji fundamentali tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu – il-veritajiet sbieħ u sempliċi żvelati lilna minn Missier etern tas-Smewwiet, li jaf kollox u li tant iħobbna. Din id-duttrina u dawn il-prinċipji bażiċi, tant sempliċi li anke t-tfal jifhmuhom, jipprovdulna r-risposti għall-aktar mistoqsijiet kumplessi tal-ħajja.

Fis-sempliċità nsibu s-sbuħija u ċ-ċarezza li xi kultant ma napprezzawx minħabba x-xewqa kbira li jkollna sabiex nsibu soluzzjoni elaborata.

Per eżempju, kien biss ftit ta’ żmien wara li l-astronawti u l-kosmonawti daru mad-dinja li huwa rrealizzaw li l-pinen ballpoint ma jaħdumx fl-ispazju. U għalhekk xi nies bravi ħafna marru jaraw kif jistgħu jsolvu l-problema. Damu eluf ta’ sigħat jaħdmu fuqha u ntefqu miljuni kbar ta’ liri, iżda fl-aħħar huma żviluppaw pinna li tista’ tikteb biha kullimkien, f’ kull temperatura, u kważi fuq kull wiċċ. Iżda sa kemm solvew il-problema x’ għamlu dawn l-astronawti u l-kosmonawti? Sempliċiment użaw lapes.

Leonardo da Vinċi huwa kkwotat li qal li “is-sempliċità hija l-ogħla sofistikazzjoni.”3 Meta aħna nħarsu lejn il-prinċipji fundamentali tal-pjan tal-ferħ, il-pjan tas-salvazzjoni, nistgħu nagħrfu u napprezzaw fis-sempliċità tiegħu l-eleganza u s-sbuħija tal-għerf ta’ Missierna tas-Smewwiet. Mbagħad, il-bidu tal-għerf tagħna jkun meta nagħmlu dak li jridna nagħmlu Hu.

Il-Qawwa ta’ Dak li hu Bażiku

Jingħad li l-kowċ leġġendarju tal-futbol Vince Lombardi kellu ritwal li kien iwettqu dejjem fl-ewwel jum tat-taħriġ. Kien iżomm f’ idejh ballun tal-futbol, jurih lill-atleti li kienu ilhom għal żmien twil jilagħbu dan l-isport, u kien jgħidilhom, “L-aħwa, … dan huwa ballun tal-futbol!” Huwa kien jibda jitkellem fuq id-daqs u l-forma tiegħu, kif tista’ tixxuttjah, iġġorru u tqassmu. Kien jieħu lill-plejers tat-tim barra f’ nofs il-piċċ vojt u jgħidilhom, “dan huwa piċċ tal-futbol.” Kien jeħodhom dawra mal-piċċ, jiddeskrivilhom il-qisien, il-forma, ir-regoli u kif tintlagħab il-logħba.4

Dan il-kowċ kien jaf li anke dawn il-plejers ta’ esperjenza, u filfatt it-tim kollu, setgħu biss isiru kbar jekk huma jipperfezzjonaw il-kapaċitajiet tagħhom f’ dak li hu fundamentali. Setgħu jgħaddu ħinhom jippruvaw ċerti tattiċi komplikati, iżda kien biss meta huma jipperfezzjonaw il-kapaċitajiet tagħhom f’ dak li kien fundamentali fil-logħba tagħhom li huma setgħu jsiru tim li jirbaħ l-unuri.

Naħseb li ħafna minna intuwittivament nifhmu kemm hu importanti dak li hu fundamentali. Li jiġri huwa li xi kultant nintilfu f’ ħafna ħwejjeġ anqas importanti li jispiċċaw iħajruna aktar.

Materjal stampat, sorsi diversi tal-medja, għodda elettronika u gadgets oħra – kollha kemm huma jistgħu jgħinuna jekk nużawhom kif xieraq – jistgħu jiżvijawna b’tali mod li nispiċċaw inwarrbu lin-nies ta’ madwarna minħabba fihom.

Madankollu f’ nofs dawn il-ħafna vuċijiet u għażliet, ir-Raġel umli tal-Galilija jinsab wieqaf b’ dirgħajh miftuħin, jistennina. Il-messaġġ Tiegħu huwa wieħed sempliċi: “Ejjew, imxu warajja.”5 U Huwa ma jkellimniex b’ xi megafonu jgħajjat iżda permezz tal-vuċi siekta u baxxa.6 Huwa faċli li l-messaġġ bażiku tal-evanġelju jintilef f’ nofs id-dulluvju ta’ informazzjoni indirizzata lilna minn kull naħa.

L-iskrittura mqaddsa u l-kelma mlissna mill-profeti ħajjin jenfasizzaw il-prinċipji u d-duttrina fundamentali tal-evanġelju. Ir-raġuni għaliex nibqgħu mmorru lura għal dawn il-prinċipji fundamentali, għad-duttrina pura, huwa għaliex huma t-triq li twassalna għall-verità li permezz tagħha jkollna għarfien profond. Huma l-bieb li jwassalna biex niksbu esperjenza ta’ importanza sublimi li bl-ebda mod ieħor ma nistgħu niksbuha. Dawn il-prinċipji sempliċi u bażiċi huma l-muftieħ li għandna bżonn biex ngħixu ħajja f’ armonija ma’ Alla u mal-bniedem. Huma l-imfietaħ li jiftħu bwieb is-sema. Iwassluna għal dik il-paċi u għal dak il-ferħ u għarfien li Missierna tas-Smewwiet wiegħed lil dawk uliedu li jisimgħuh u jobduh.

Għeżież ħuti, nagħmlu tajjeb jekk innaqqsu ftit mir-ritmu tal-ħajja, nibqgħu għaddejjin ‘il quddiem b’ pass ottimu għaċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom, niffukaw fuq dak li hu sinjifikanti u verament naraw dawk il-ħwejjeġ l-aktar importanti. Ejjew nagħtu kas tal-preċetti fundamentali li Missierna tas-Smewwiet ta lil uliedu sabiex permezz tagħhom iwaqqaf dak kollu li hu bażiku biex ikollna ħajja mortali rikka u mimlija frott bil-wegħda ta’ ferħ etern. Dawn jgħallmuna sabiex nagħmlu “dan kollu … bil-għaqal u l-ordni; għaliex mhux mitlub li għandna niġru aktar milli [għandna] saħħa. [Iżda] huwa xieraq li nkunu diliġenti, [u] b’ hekk … nirbħu l-premju.”7

Ħuti, jekk b’ diliġenza nagħmlu dak kollu li hu l-aktar importanti aħna nersqu aktar viċin tas-Salvatur tad-dinja. Għalhekk aħna “nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fi Kristu, nippridkaw fuq Kristu, nipprofetizzaw dwar Kristu, … sabiex nkunu nafu lejn x’hiex għandna nħarsu għall-maħfra ta’ dnubietna.”8 Fil-kumplessità, il-konfużjoni u l-għaġla tal-ħajja moderna, dawn huma “l-ogħla doni.”9

Allura x’ Inhuma dawn il-Ħwejjeġ Bażiċi?

Hekk kif induru lejn Missierna tas-Smewwiet u nfittxu l-għerf Tiegħu dwar dawk il-ħwejjeġ l-aktar importanti, kull darba li nagħmlu dan aħna nitgħallmu l-importanza ta’ erba’ relazzjonijiet ewlenin: ma’ Alla tagħna, mal-familji tagħna, ma’ għajrna u magħna nfusna. Hekk kif nevalwaw il-ħajja tagħna b’ moħħ lest għar-rieda tal-Mulej, aħna nkunu nistgħu naraw minfejn żvijajna f’ ħajjitna lilhinn mill-ogħla doni. L-għajnejn tal-għarfien tagħna jinfetħu u aħna nagħrfu x’ għandna nagħmlu sabiex nippurifikaw qalbna u nerġgħu nagħtu direzzjoni lil ħajjitna.

L-ewwel, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla hija l-aktar sagra u neċessarja. Aħna l-ulied spirti Tiegħu. Huwa Missierna. Huwa jixtiqilna l-ferħ. Hekk kif infittxuh, hekk kif nitgħallmu dwar Ibnu, Ġesù Kristu, hekk kif niftħu qlubna għall-influwenza tal-Ispirtu s-Santu, ħajjitna ssir aktar stabbli u sikura. Nesperjenzaw paċi, ferħ u sodisfazzjon akbar hekk kif nagħmlu l-almu tagħna sabiex ngħixu skont il-pjan etern ta’ Alla u nżommu l-kmandamenti Tiegħu.

Aħna ntejbu r-relazzjoni tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet billi nitgħallmu fuqu, billi nitkellmu miegħu, billi nindmu minn dnubietna u billi bl-għemejjel tagħna nimxu wara Ġesù Kristu, għaliex “ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz [ta’ Kristu].”10 Biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, għandna bżonn xi ftit ħin importanti weħidna miegħu. Fil-kwiet niffukaw fuq it-talb personali tagħna ta’ kuljum u l-istudju kuljum tal-iskrittura, dejjem nippruvaw nkunu denji li jkollna rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti – dan kollu jkun investiment għaqli tal-ħin tagħna u l-isforzi tagħna biex nersqu viċin Missierna tas-Smewwiet. Ejjew nagħtu kas tal-istedina li hemm fis-Salmi: “Biżżejjed, u kunu afu li jien Alla.”11

It-tieni relazzjoni ewlenija tagħna hija mal-familji tagħna. Peress li “l-ebda suċċess ma jikkompensa għall-falliment”12 fid-dar, għandna nagħtu priorità għolja lill-familji tagħna. Aħna nistgħu nibnu relazzjonijiet sodi u kollha mħabba fil-familja billi nagħmlu flimkien ħwejjeġ sempliċi, bħal li nieklu flimkien bħala familja, billi nagħmlu lejla tal-familja d-dar u billi sempliċiment nieħdu gost flimkien. Fir-relazzjonijiet tal-familja l-imħabba tispelli ruħha ħ-i-n, ħin. Li niddedikaw ħin għal xulxin hija ċ-ċavetta tal-armonija fid-dar. Nitkellmu flimkien aktar milli nitkellmu dwar xulxin. Nitgħallmu minn xulxin u napprezzaw id-differenzi tagħna kif ukoll dak li hu komuni bejnietna. Nwaqqfu rabta divina ma’ xulxin hekk kif mmorru quddiem Alla flimkien permezz tat-talb tal-familja, l-istudju tal-evanġelju u l-qima tal-Ħadd.

It-tielet relazzjoni ewlenija li għandna hi ma’ għajrna. Aħna nibnu din ir-relazzjoni, persuna wara oħra, – billi nkunu sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn, naqdu lil ħaddieħor u niddedikaw mill-ħin u t-talenti tagħna. Verament impressjonajt ruħi b’ waħda oħt li kienet qed tħossha mtaqqla bl-isfidi li jġibu magħhom l-età u l-mard, iżda li ddeċidiet li għalkemm ma setgħatx tagħmel wisq, però setgħat tisma’. Għalhekk kull ġimgħa kienet tara ssibx xi persuna li kienet tidher inkwetata jew b’ qalbha maqtugħa u kienet tqatta’ xi ftit ħin tismagħha. X’ barka kienet f’ ħajjet bosta nies.

Ir-raba’ relazzjoni ewlenija hija magħna nfusna. Tista’ tinstama’ xi ħaġa stramba li jkollna relazzjoni magħna nfusna, iżda hekk għandu jkun. Xi nies ma jafux kif jgħixu magħhom infushom. Jgħaddu l-jum kollu jikkritikaw u jċċekknu lilhom infushom sakemm jibdew jobogħdu lilhom infushom. Nissuġġerixxilek sabiex tikkalma ftit u tiddedika ftit ħin biex issir taf lilek iniffsek aħjar. Mur mixja fin-natura, ħu gost bi tlugħ ix-xemx, gawdi l-ħolqien ta’ Alla, xtarr il-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat u sib dan kollu xi jfisser għalik personalment. Tgħallem ara lilek iniffsek kif jarak Missierek tas-Smewwiet – bħala l-bint jew l-iben prezzjużi Tiegħu b’ potenzjal divin.

Nifirħu fl-Evanġelju Pur

Ħuti, ejjew inkunu għaqlin. Ejjew induru lejn l-ilma tad-duttrina pura tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Ejjew b’ ferħ nieħdu sehem minnu fis-sempliċità kollha tiegħu. Is-smewwjiet reġgħu nfetħu. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu reġa’ qiegħed fid-dinja, u l-veritajiet sempliċi tiegħu huma sors enormi ta’ ferħ.

Ħuti, verament għandna għalfejn nifirħu. Jekk il-ħajja mgħaġġla u l-ħafna stress li ġġib magħha qed tagħmilha diffiċli għalik li tħossok ferħan, mela forsi issa huwa ż-żmien tajjeb li terġa’ tiffoka fuq dak li hu l-aktar importanti.

Il-qawwa ma niksbuhiex permezz tar-ritmu mgħaġġel tal-ħajja iżda billi nieqfu fuq sisien sodi ta’ verità u dawl. Niksbuha jekk niffukaw l-attenzjoni u l-isforzi tagħna fuq dak li hu bażiku fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Niksbuha jekk noqogħdu attenti għall-ħwejjeġ divini li huma l-aktar importanti.

Ejjew nissimplifikaw ftit ħajjitna. Ejjew nagħmlu t-tibdil neċessarju sabiex nibnu ħajjitna fuq is-sbuħija sublimi tat-triq sempliċi u umli li hi meħtieġa minn dawk li jridu jimxu wara Kristu – it-triq li twassal dejjem lejn ħajja mimlija tifsira, ferħ u paċi. Għal dan jiena nitlob, hekk kif nagħtikom il-barka tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mahatma Gandhi, f’ Larry Chang, Wisdom for the Soul (2006), 356.

  2. Dallin H. Oaks, “Good, Better, Best,” Liahona, Nov. 2007, 107.

  3. Leonardo da Vinci, f’ John Cook, miġb., The Book of Positive Quotations, 2 ed. (1993), 262.

  4. Vince Lombardi, f’ Donald T. Phillips, Run to Win: Vince Lombardi on Coaching and Leadership (2001), 92.

  5. Luqa 18:22.

  6. Ara 1 Slaten 19:12.

  7. Mosiah 4:27.

  8. 2 Nephi 25:26.

  9. 1 Korintin12:31; Ether 12:11.

  10. Ġw. 14:6.

  11. Salm 46:10.

  12. J. E. McCulloch, Home: The Savior of Civilization (1924), 42; ara wkoll Conference Report, Apr. 1935, 116.

Ipprintja