2010
Nistgħu Naraw lill-Kristu?
Diċembru 2010


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2010

Nistgħu Naraw lill-Kristu?

Lejla waħda, wieħed raġel kien qed jaqra storja lin-neputija tiegħu, tifla ta’ erba’ snin, meta hi ħarset ‘l fuq u qaltlu, “Nannu, ħares lejn il-kwiekeb!” Ir-raġel anzjan tbissem bil-ħlewwa u qal, “Qegħdin ġewwa, sabiħa. Hawnhekk m’ hawnx kwiekeb.” Iżda t-tifla insistiet, “Iva ghandek kwiekeb fil-kamra tiegħek! Ħares!”

In-nannu ħares ’il fuq u, sorpriż, innota li s-saqaf kien mimli glitter ileqq. Fil-parti l-kbira tal-ħin kien ikun inviżibbli, iżda meta d-dawl jolqot lil dan il-glitter b’ tali mod, verament kien qisu xi sema kwiekeb. Kellhom ikunu għajnejn ta’ tifla biex tarahom, iżda hemmhekk kienu. U minn dak il-mument ’il quddiem, kull meta n-nannu kien jidħol fil-kamra u jħares ’il fuq, kien jara dak li ma kienx kapaċi jara qabel.

Ninsabu fil-bidu ta’ staġun sabiħ ieħor tal-Milied mimli mużika u dwal, riċevimenti u rigali. Iżda minn fost in-nies kollha, aħna bħala membri tal-knisja li ġġib l-isem tas-Salvatur irridu nħarsu lilhinn mill-ħwejjeġ li jidhru li huma marbutin ma’ dan l-istaġun u naraw il-verità sublimi u s-sbuħija ta’ dan iż-żmien tas-sena.

Tgħid kemm kien hemm nies f’ Betlehem li kienu jafu li daqshekk viċin tagħhom kien twieled is-Salvatur? Iben Alla, il-Messija mwiegħed li kien ilu mistenni—Hu kien jinsab f’ nofshom!

Tiftakru x’ kien qal l-anġlu lir-rgħajja? “Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.” U huma bdew jgħidu lil xulxin, “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ ġara” (Luqa 2:11, 15).

Bħar-ragħajja tal-qedem, għandna bżonn ngħidu f’ qalbna, “Ejjew naraw dak li ġara.” Irridu nuru xewqa f’ qalbna. Ejjew naraw il-Qaddis il-Kbir ta’ Iżrael fil-maxtura, fit-tempju, fuq il-muntanja, u fuq is-salib. Bħar-ragħajja, ejjew nigglorifikaw u nfaħħru lil Alla għal din l-aħbar ta’ ferħ kbir!

Xi kultant l-aktar ħwejjeġ li diffiċli li naraw huma dawk li jkunu jinsabu dejjem quddiem għajnejna. Bħal dak in-nannu li naqas milli jara l-kwiekeb mas-saqaf, kultant ma nkunux nistgħu naraw dak li jkun quddiemna.

Aħna li smajna l-messaġġ glorjuż tal-miġja ta’ Iben Alla, aħna li ħadna fuqna ismu u li għamilna patt li nimxu fit-triq Tiegħu bħala d-dixxipli Tiegħu—m’ għandniex nibqgħu lura milli niftħu qlubna u moħħna u narawh verament.

L-istaġun tal-Milied huwa wieħed meraviljuż għal ħafna raġunijiet. Huwa staġun ta’ atti karitattivi kollha tjubija u mħabba ta’ bejn l-aħwa. Huwa staġun li fih nirriflettu aktar dwar ħajjitna u dwar il-ħafna barkiet li għandna. Huwa staġun li fih naħfru u ninħafru. Huwa staġun li fih ingawdu l-mużika u d-dwal, ir-riċevimenti u r-rigali. Iżda t-tlellix tal-istaġun m’ għandux jgħammxilna għajnejna u jżommna milli naraw verament lill-Prinċep tal-Paċi fil-majestà kollha Tiegħu.

Ejjew nagħmlu minn dan l-istaġun tal-Milied żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, żmien meta fih nagħrfu l-miraklu li Alla tagħna s-Setgħan bagħat lill-Iben il-Waħdieni Mnissel Tiegħu, Ġesù Kristu, sabiex jifdi d-dinja!

Ideat għat-Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

  1. “Attivitajiet li jiġbdu l-attenzjoni jistgħu jintużaw sabiex toħloq interess u tgħin lil dawk li qed tgħallem sabiex jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq is-suġġett tal-lezzjoni. … L-użu tal-istampi jista’ jkun għodda importanti biex issaħħaħ l-idea ewlenija tal-lezzjoni u biex tgħin lil dawk li qed tgħallem jibqgħu attenti” (Teaching, No Greater Call [1999],160, 176). Hekk kif tibda taqsam dan il-messaġġ, ikkunsidra li tagħmel xi attività li tiġbed l-attenzjoni bħal per eżempju turi xi stampa jew taqsam xi biċċa skrittura u wara titlob lill-membri tal-familja sabiex jaħsbu kif din tapplika għall-messaġġ.

  2. “Wieħed mill-akbar għanijiet tiegħek għandu jkun li tgħin lill-oħrajn japplikaw il-prinċipji tal-evanġelju fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. … Għin lil dawk li tgħallem jiskopru l-barkiet li jaslu meta ngħixu l-evanġelju” (Teaching, No Greater Call, 159). Wara li taqsam dan il-messaġġ, ikkunsidra li tistieden lill-membri tal-familja sabiex jaqsmu xi esperjenzi li seta’ kellhom hekk kif huma tefgħu ħarsithom lejn is-Salvatur matul dan l-istaġun tal-Milied.

Ipprintja