Messaġġ tal-Ewwel Presidenza Jannar 2011
Il-Mulej Għandu Bżonn il-Missjunarji
Ottubru li għadda fil-konferenza ġenerali jiena għamilt talba għal aktar missjunarji. Kull raġel żagħżugħ den u kapaċi, għandu jħejji sabiex iservi missjoni. Dan is-servizz huwa d-dmir tas-saċerdozju—obbligu li l-Mulej jistenna minna li rċevejna tant. Lilkom il-ġuvintur nitlobkom sabiex tħejju biex tmorru sservu bħala missjunarji. Żommu lilkom infuskom nodfa, puri u denji li tirrapreżentaw lill-Mulej. Ħudu ħsieb ta’ saħħitkom. Studjaw l-iskrittura. Fejn huma disponibbli għalikom, ħudu sehem fis-seminarju u fl-istitut. Iffamiljarizzaw ruħkom sew mal-manwal tal-missjunarji Preach My Gospel.
Ħuti t-tfajliet, għalkemm intom m’ għandkomx l-istess responsabbiltà tas-saċerdozju li għandhom il-ġuvintur bħala missjunarji full-time, intom ukoll tagħtu kontribut imprezzabbli bħala missjunarji, u aħna nilqgħu s-servizz tagħkom.
U intom ħuti ta’ din il-Knisja ftit aktar maturi, infakkarkom li l-Mulej għandu bżonn ħafna u ħafna aktar minnkom sabiex iservu bħala missjunarji full-time. Jekk intom għad m’ għandkomx l-età li sservu missjoni bħala koppja, nitlobkom sabiex tħejju minn issa għal dak iż-żmien meta, dejjem jekk iċ-ċirkustanzi tagħkom jippermettu, intom, bħala koppja miżżewġa, tkunu tistgħu tagħmlu dan. Ftit ikun hemm żmien f’ ħajjitkom li fih tistgħu tgawdu l-ispirtu tant ħelu u s-sodisfazzjoni tant kbir daqs meta tagħtu servizz full-time fil-ħidma tal-Mulej.
Issa, uħud minnkom jista’ jkun li forsi intom ftit mistħijin min-natura tagħkom jew tikkunsidraw lilkom infuskom inadegwati li twieġbu fl-affermattiv għas-sejħa sabiex isservu. Ftakru li din hija l-ħidma tal-Mulej, u meta nkunu fuq in-naħa tal-Mulej aħna nkunu intitolati għall-għajnuna tal-Mulej. Il-Mulej isib mod kif itaffi l-piż ta’ dak kollu li jkun qed itaqqalkom.
Oħrajn, għalkemm huma denji li jservu, jistgħu jħossu li għandhom aktar prijoritajiet importanti f’ ħajjithom. Nfakkarkom fil-wegħda tal-Mulej: “Nweġġaħ lil min iweġġaħni” (1 Samwel 2:30). Ħadd minna ma jista’ jonora lil Missierna tas-Smewwiet u lis-Salvatur aktar minn meta jkun qed iservi bħala missjunarju b’ devozzjoni u kompassjoni.
Eżempju tat-tip ta’ servizz li qed insemmi hija l-esperjenza missjunarja li kellhom Juliusz u Dorothy Fussek, li ġew imsejħa sabiex iservu missjoni fil-Polonja. Brother Fussek kien twieled fil-Polonja. Huwa kien jitkellem il-lingwa. Huwa kien iħobb lin-nies. Sister Fussek kienet twieldet l-Ingilterra u ftit li xejn kienet taf dwar il-Polonja u n-nies tagħha. B’ fidi fil-Mulej, huma telqu fuq il-ħidma tagħhom. Ma tantx kien sa jkollhom għajnuna tistennihom u l-ħidma kienet enormi. Dak iż-żmien kienet għadha lanqas biss twaqqfet missjoni fil-Polonja. L-essajnment mogħti lill-koppja Fussek kien li huma jħejju t-triq sabiex tkun tista’ titwaqqaf missjoni.
Allura tħawwdu l-Presbiteru u Sister Fussek minħabba l-enormità tal-ħidma tagħhom? Lanqas xejn. Huma kienu jafu li s-sejħa tagħhom kienet ġejja minn Alla. Huma talbu għall-għajnuna divina Tiegħu, u ddedikaw ruħhom kompletament għall-ħidma tagħhom.
Wara ftit taż-żmien il-Presbiteru Russell M. Nelson tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu; il-Presbiteru Hans B. Ringger, li dak iż-żmien kien tas-Sebgħin; u jiena, akkumpanjati mill-Presbiteru Fussek, iltqajna mal-ministru tal-affarijiet reliġjużi, Adam Wopatka, tal-gvern Pollakk. Smajnieh jgħid, “Nilqgħu l-knisja tagħkom fostna. Tistgħu tibnu l-bini tagħkom; tistgħu tibagħtu l-missjunarji tagħkom.” U filwaqt li ppunta sebgħu lejn Juliusz Fussek qal, “Dan ir-raġel serva lill-knisja tagħkom tajjeb ħafna. Għandkom tkunu grati għall-eżempju tiegħu u l-ħidma tiegħu.”
Bħall-koppja Fussek, ejjew nagħmlu dak li għandna nagħmlu fil-ħidma tal-Mulej. Mbagħad inkunu nistgħu ntennu, flimkien ma’ Juliusz u Dorothy Fussek, l-eku tas-Salm:
“L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.
“… ma jongħosx dak li jħarsek.
“Ara, la jongħos u lanqas jorqod dak li jħares lil Iżrael” (Salm 121:2–4).
© 2011 mill- Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/10. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/10. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, January 2011. Maltese. 09761 159