2011
Il-Barkiet tal-Ħlas tad-Dieċmi
Ġunju 2011


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2011

Il-Barkiet tal-Ħlas tad-Dieċmi

L-iskop għaliex Alla jagħtina l-kmandamenti huwa sabiex iberikna. Huwa jrid jagħtina l-ħajja eterna, l-akbar rigal fost ir-rigali kollha Tiegħu (ara D&C 14:7). Sabiex nirċievu r-rigal li ngħixu miegħu għal dejjem flimkien mal-familji tagħna fis-saltna ċelestjali, aħna rridu nkunu lesti ngħixu l-liġijiet ta’ dik is-saltna (ara D&C 88:22).

F’ din il-ħajja Huwa tana l-kmandamenti sabiex jgħinna niżviluppaw dik il-kapaċità. Il-liġi tal-ħlas tad-dieċmi hija wieħed minn dawk il-kmandamenti preparatorji. Il-liġi hi li nagħtu lill-Mulej wieħed minn kull għaxra tad-dħul tagħna. Tant hi sempliċi li anke tifel jasal biex jifhimha. Rajt tfal jagħtu lill-isqof envelop tal-ħlas tad-dieċmi li ġo fih kien hemm għaxra fil-mija tal-ftit flus li kienu qalgħu.

Waħda mill-barkiet li niksbu meta nħallsu dieċmi sħiħa hi li niżviluppaw fidi li ngħixu saħansitra liġi ogħla. Sabiex ngħixu fis-saltna ċelestjali, irridu ngħixu l-liġi tal-konsagrazzjoni. Hemmhekk irridu nkunu kapaċi nħossu li dak kollu li aħna u li għandna huwa ta’ Alla.

Hemm tal-anqas tliet modi kif il-ħlas tad-dieċmi f’ din il-ħajja jħejjina sabiex inħossu dak li għandna bżonn inħossu ħalli nirċievu r-rigal tal-ħajja eterna.

L-ewwel, meta nħallsu d-dieċmi tagħna lill-Knisja, Missierna tas-Smewwiet iroxx barkietu fuqna. Kull min dejjem ħallas dieċmi sħiħa jaf li dan huwa minnu. Xi kultant il-barkiet ikunu spiritwali u kultant temporali. Jingħataw fil-ħin tal-Mulej u skont dak li Huwa jaf li hu l-aħjar għalina.

Hekk kif jaslulna dawn il-barkiet, tikber il-fidi tagħna li Alla huwa s-sors ta’ dak kollu li huwa tajjeb f’ ħajjitna. Isir aktar faċli naraw kif il-konsagrazzjoni sempliċement tagħraf il-verità li l-ħolqien kollu ta’ Alla huwa kollu kemm hu Tiegħu. Naslu sabiex inħossuna grati li Huwa jitlobna biss 10 fil-mija ta’ dak li Huwa diġà tana. B’ hekk inkunu mħejjija aħjar sabiex ngħixu l-liġi tal-konsagrazzjoni meta din tiġi mitluba minna.

It-tieni, aħna lkoll li nkunu ħallasna dieċmi sħiħa b’ mod konsistenti nħossuna aktar kunfidenti li nitolbu lil Alla għal dak li jkollna bżonn kemm għalina kif ukoll għall-familji tagħna. Huwa wegħidna barkiet aktar milli kapaċi nirċievu meta aħna nkunu fidili għall-patt tagħna u nħallsu d-dieċmi tagħna (ara Malakija 3:10). Għalhekk waħda mill-akbar barkiet tal-ħlas tad-dieċmi hija li nkunu kunfidenti għal dak li hemm lest għalina fil-futur. Ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħna, dak li jseħħ ikun għall-aħjar tagħna. Kif aħna nżommu l-wegħdiet tagħna, Huwa jżomm Tiegħu. Waħda mill-akbar barkiet li niksbu meta nħallsu dieċmi sħiħa hija s-sentiment ta’ paċi li jkollna. Dawk li żammew il-kmandament tal-ħlas tad-dieċmi jistgħu jixhdu li l-barka tal-paċi hija reali u prezzjuża.

It-tielet, dawk li jħallsu d-dieċmi jħossu imħabba akbar lejn Alla u lejn ulied Alla kollha. L-imħabba tagħhom tikber meta huma jifhmu kif il-Missier juża d-dieċmi li aħna noffru sabiex ibierek lin-nies kemm f’ din id-dinja kif ukoll fl-eternità.

Permezz tal-qaddejja awtorizzati Tiegħu, Huwa jagħmel użu minn dawn id-dieċmi b’ għaqal kbir. Dak li jħallas id-dieċmi jkun qed jgħin lill-Mulej jibni t-tempji, fejn il-familji jistgħu jiġu ssiġillati flimkien għal dejjem. Dak li jħallas id-dieċmi jgħinu jxerred l-evanġelju man-nies tad-dinja kollha. Dak li jħallas id-dieċmi jgħinu jtaffi l-ġuħ u s-sofferenza kif jaħseb li hu l-aħjar Hu permezz tal-qaddejja Tiegħu. Kull wieħed u waħda minn dawk il-qaddejja jistgħu jgħidulek kemm l-imħabba tagħhom kibret għaliex il-ħlas tad-dieċmi tagħhom ġie wżat sabiex jitbierku n-nies. U l-istess jiġi mbierek dak li b’ fidi jħallas id-dieċmi.

Il-ħlas tad-dieċmi huwa investiment għall-futur. Nitlob sabiex inti u l-familja tiegħek tibdew minn issa tippjanaw u tħejju sabiex tikkwalifikaw għall-barkiet li Alla jroxx fuq dawk kollha li jistgħu jiddikjaraw miegħu li huma jħallsu dieċmi sħiħa.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

  • Xu kultant l-aħjar mod kif tgħallem xi prinċipju hu billi turih b’ mod viżwali (ara Teaching, No Greater Call [1999], 164). Ikkunsidra li titlob lil xi membru tal-familja sabiex jurik x’ jirrappreżenta wieħed minn kull għaxra. Huwa jista’ juri dan billi jissepara ħaġa waħda minn grupp ta’ għaxar affarijiet. Biex tikkonkludi, ikkunsidra li tistieden lill-membru tal-familja sabiex juri kif jimla l-karta tal-ħlas tad-dieċmi.

  • “Dawk li inti tgħallem jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni ta’ xulxin” (Teaching, No Greater Call, 63). Stieden lill-membri tal-familja sabiex jgħidu x’ jaħsbu li ried ifisser il-President Eyring bid-dikjarazzjoni “inħossu dak li għandna nħossu sabiex nirċievu r-rigal tal-ħajja eterna.” Ikkunsidra li tiddiskuti t-tliet modi kif il-ħlas tad-dieċmi jħejjina nħossu dak li għandna bżonn inħossu sabiex nirċievu l-barkiet ta’ Alla.

Ipprintja