2011
IEqfu f’ Postijiet Imqaddsa
Novembru 2011


IEqfu f’ Postijiet Imqaddsa

Il-komunikazzjoni ma’ Missierna tas-Smewwiet – li tinkludi t-talb tagħna lilu u l-ispirazzjoni Tiegħu għalina – hija neċessarja sabiex aħna nkunu nistgħu nikkalmaw it-tempesti u l-isfidi tal-ħajja.

Għeżież ħuti, dalgħodu smajna bosta messaġġi sbieħ, u ngħid prosit lil kull min ħa sehem. Qed nieħdu gost speċjalment li fostna reġa’ għandna lill-Presbiteru Robert D. Hales u li qed iħossu aħjar. Inħobbuk, Bert.

Hekk kif kont qed nixtarr fuq dak li nixtieq inkellimkom dwaru dalgħodu, ħassejt il-bżonn li naqsam magħkom ċerti ħsibijiet u sentimenti li nħoss li huma rilevanti u attwali. Nitlob li niġi ggwidat f’ dak li sa ngħid.

Issa ili ngħix fuq din id-dinja għal 84 sena. Biex niftiehmu aħjar, twelidt fl-istess sena li fiha Charles Lindbergh għamel l-ewwel titjira waħdu bla waqfien minn NewYork sa Pariġi f’ monoplan b’ magna waħda u seat wieħed. Bosta kienu l-ħwejjeġ li nbidlu minn 84 sena ilu ’l hawn. Minn dak iż-żmien il-bniedem niżel fuq il-qamar. Fil-fatt, il-fantaxjenza tal-bieraħ saret ir-realtà tal-lum. U dik ir-realtà, grazzi għat-teknoloġija ta’ żmienna, tant qed tinbidel malajr li bilkemm nistgħu nlaħħqu magħha – jekk se jirnexxilna infatti. Għal dawk fostna li jiftakru t-telefons bir-rota li ddur u t-tajprajters, it-teknoloġija tal-lum hija verament tal-għaġeb.

Bl-istess rata mgħaġġla qed jevolvi wkoll il-kumpass morali tas-soċjetà. Ċerta mġiba li qabel kienet ikkunsidrata mhux xierqa u immorali illum mhux biss hija ttollerata iżda ħafna jħarsu lejha bħala aċċettata.

Riċentiment qrajt fil-Wall Street Journal artiklu minn Jonathan Sacks, ir-rabbi ewlieni fir-Renju Unit. Fost ħwejjeġ oħra, huwa kiteb: “Fis-snin sittin, virtwalment f’ kull soċjetà tal-Punent kien hemm rivoluzzjoni morali, fejn twarrbet l-etika tradizzjonali kollha li wieħed irażżan lilu nnifsu. Kull ma trid, kantaw il-Beatles, hija l-imħabba. Il-kodiċi morali Ġudeo-Kristjana spiċċat abbandunata. Postha ttieħed mill-[kliem]: [Agħmel] dak li hu tajjeb għalik. L-għaxar kmandamenti reġgħu nkitbu mill-ġdid bħala l-Għaxar Suġġerimenti Kreattivi.”

Ir-Rabbi Sacks kompla jilmenta:

“Bdejna nberbqu l-kapital morali tagħna mingħajr rażan ta’ xejn bl-istess mod li bdejna nberbqu l-kapital finanzjarju tagħna. …

“Hawn partijiet kbar [mid-dinja] fejn ir-reliġjon hija xi ħaġa tal-passat u m’hemmx vuċi li topponi l-kultura li tgħidlek ixtriha, onfoqha, ilbisha, uriha, għaliex inti hekk jistħoqqlok. Il-messaġġ hu li l-moralità hija xi ħaġa antikwata, il-kuxjenza hija biss għal min hu dgħajjef, u l-uniku kmand importanti hu ‘Attent li ma tinqabadtx.’”1

Ħuti, dan – sfortunatament –jiddeskrivi tajjeb id-dinja ta’ madwarna. X’ nagħmlu, nagħfsu jdejna flimkien b’ disprament u noqogħdu naħsbu kif jista’ jkun ngħixu f’ dinja bħal din? Le. Anzi, f’ ħajjitna għandna l-evanġelju ta’ Ġesù kristu, u aħna nafu li l-moralità m’hix xi ħaġa antikwata, li l-kuxjenza qiegħda hemm biex tiggwidana, u li aħna responsabbli ta’ għemilna.

Għalkemm id-dinja nbidlet, il-liġijiet ta’ Alla baqgħu l-istess. Ma nbidlux; mhux sa jinbidlu. L-Għaxar Kmandamenti huma kif jgħidu li huma – kmandamenti. M’ humiex suġġerimenti. Jeħtieġ li jiġu obduti illum daqs meta Alla tahom lil ulied Iżrael. Jekk biss nieqfu u niftħu widnejna sew, nisimgħu l-eku tal-vuċi ta’ Alla, tkellimna hawn illum:

“Ma jkollokx allat oħra għajri.

“La tagħmilx għalik suriet minquxa, …

“La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn. …

“Ftakar f’ jum is-sabbath u qaddsu. …

“Weġġaħ lil missierek u lil ommok. …

“La toqtolx.

“La tagħmilx adulterju.

“La tisraqx.

“La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek. …

“La tixtieqx.”2

Il-kodiċi tal-kondotta hija definittiva; m’hijiex negozjabbli. Ma tinsabx biss fl-Għaxar Kmandamenti iżda wkoll fil-Priedka tal-Għolja, mogħtija lilna mis-Salvatur meta Huwa mexa hawn fid-dinja. Tinsab tul it-tagħlim kollu Tiegħu. Tinsab fil-kliem tar-rivelazzjoni moderna.

Missierna tas-Smewwiet hu l-istess lbieraħ, Illum u għal dejjem. Il-profeta Mormon jgħidilna li Alla “ma jinbidilx mill-eternità kollha sal-eternità kollha.”3 F’ din id-dinja fejn kważi kollox jidher li qed jinbidel, il-konsistenza Tiegħu hija xi ħaġa li nistgħu niċċertaw ruħna minnha, ankra li magħha nistgħu nżommu sod u nkunu protetti, jekk ma rridux niġġerrew ’il barra f’ilmijiet perikolużi.

Xi kultant tista’ forsi taħseb li dawk li qed jitlajjaw fid-dinja qed igawdu aktar minnek. Xi wħud minnkom jista’ jħosskom xi ftit ristretti minħabba l-kodiċi tal-kondotta li nimxu warajha fil-Knisja. Ħuti, jiena madankollu niddikjara minn hawnhekk, li m’hawn xejn li jista’ jġibilna aktar ferħ f’ ħajjitna jew aktar paċi fir-ruħ tagħna mill-Ispirtu li jkun magħna hekk kif nimxu wara s-Salvatur u nżommu l-kmandamenti. Dak l-Ispirtu ma jistax ikun preżenti f’ ħafna mill-attivitajiet li bosta nies fid-dinja jieħdu sehem fihom. L-Appostlu Pawlu ddikjara l-verità: “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla: għalih huma kollha bluha: ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu.”4 Il-frażi l-bniedem naturali tista’ tirreferi għalina lkoll jekk nagħtu ċ-ċans li nkunu hekk.

Irridu nkunu viġilanti f’ dinja li tbiegħdet wisq minn dak li huwa spiritwali. Hija xi ħaġa mill-aktar essenzjali li niċħdu dak kollu li m’huwiex konforma mal-istandards tagħna, filwaqt li nirrifjutaw li nirrinunzjaw l-aktar ħaġa li nixtiequ: il-ħajja eterna fis-saltna ta’ Alla. It-tempesti xorta waħda, minn żmien għall-ieħor, jibqgħu iħabbtu mal-bibien tagħna, għaliex huma xi ħaġa li ma nistgħux naħarbu fil-ħajja mortali tagħna. Madankollu, aħna nkunu ferm aktar armati li niffaċċjawhom, li nitgħallmu minnhom u li negħlbuhom jekk ikollna l-evanġelju f’ruħna u l-imħabba tas-Salvatur f’ qalbna. Il-profeta Isaija ddikjara, “Is-sliem ikun frott il-ġustizzja, u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem.”5

Sabiex inkunu fid-dinja iżda ma nkunux tad-dinja, huwa importanti li nikkomunikaw ma’ Missierna tas-Smewwiet permezz tat-talb. Huwa hekk iridna nagħmlu; Huwa jwieġeb talbna. Is-Salvatur widdibna, kif hemm miktub f’ 3 Nephi 18, sabiex “titħejja u titlob dejjem ħalli ma tidħolx fit-tentazzjoni; għaliex Satana jixtieqek tiegħu. …

“Għalhekk għandek titlob dejjem lill-Missier f’ismi;

“U dak kollu li titlob lill-Missier f’ismi, li huwa xieraq, li jkollok il-fidi li sa tirċevih, ara dan jingħatalek.”6

Jiena ksibt it-testimonjanza tiegħi dwar il-qawwa tat-talb meta kelli 12-il sena. Kont domt naħdem biex naqla’ ftit flus u kien irnexxieli nfaddal ħames dollari. Dan kien fi żmien id-Dipressjoni l-Kbira, meta ħames dollari kienu somma sostanzjali ta’ flus – speċjalment għal tifel ta’ 12-il sena. Lil missieri tajtu l-muniti kollha li kelli, li kienu jġibu ħames dollari, huwa tani lura karta ta’ ħames dollari. Naf li kien hemm xi ħaġa speċifika li kont ippjanajt li nixtri b’ ħames dollari, għalkemm wara dawn is-snin kollha ma niftakarx x’ kienet. Niftakar biss kemm kienu importanti għalija dawk il-flus.

F’ dawk iż-żminijiet, ma kellniex magna li taħsel il-ħwejjeġ, għalhekk kull ġimgħa ommi kienet tibgħat dawk il-ħwejjeġ li kellhom bżonn jinħaslu fil-londri. Wara numru ta’ ġranet, konna nirċievu lura tagħbija ħwejjeġ li konna nsejħulha “ħwejjeġ niedja”, u ommna kienet tonxor kollox biex jinxef fuq il-ħabel tal-inxir li kellna fil-ġnien.

Jiena kont ħallejt il-karta ta’ ħames dollari fil-but tal-jeans tiegħi. Kif tistgħu taħsbu, il-jeans tiegħi kien intbagħat il-londri bil-flus għadhom ġewwa l-but. Meta jiena ntbaħt x’ kien ġara, tgħidx kemm bdejt ninkwieta. Kont naf li normalment il-bwiet kienu jiċċekkjawhom fil-londri qabel il-ħasla. Jekk il-flus tiegħi ħadd ma kien induna bihom u xi ħadd ħadhom waqt dan il-proċess kollu, kont kważi ċert li l-flus kienu sa jitqiegħdu x’ imkien waqt il-ħasil u mbagħad wara jeħodhom xi wieħed mill-ħaddiema tal-londri li ma kienx ikollu idea lil min kien sa jagħti lura l-flus, anke jekk ikun xtaq jagħmel dan. Iċ-ċans li nerġa’ nieħu lura l-ħames dollari tiegħi kien mill-aktar remot – xi ħaġa li l-għażiża ommi kienet ikkonfermatli meta għedtilha li kont ħallejt il-flus fil-but.

Jiena ridt dawk il-flus; kelli bżonn dawk il-flus; kont ħdimt ħafna biex naqla’ dawk il-flus. Sibt li kien hemm ħaġa waħda biss li stajt nagħmel. Fl-estremità li kont fiha, dort lejn Missieri tas-Smewwiet u tlabtu bil-ħniena sabiex iżomm il-flus tiegħi safe f’ dak il-but sakemm nirċievu lura l-ħasla niedja tagħna.

Wara jumejn mill-aktar twal, meta kont naf li kien wasal il-ħin li fih kellu jasal it-trakk bil-ħasla tagħna, poġġejt bilqiegħda nistenna ħdejn it-tieqa. Hekk kif it-trakk lewa għal ħdejna, qalbi bdiet tħabbat. Malli l-ħwejjeġ niedja waslu d-dar, jiena qbadt il-jeans u mort niġri bih fil-kamra tas-sodda. Daħħalt idi tirtogħod fil-but. Meta għall-ewwel ma stajt insib xejn ħsibt li kont tlift kollox. U mbagħad subgħajja missew dik il-karta mxarrba ta’ ħames dollari. Jien u niġbidha mill-but, ħassejtni verament nieħu r-ruħ. Mill-qiegħ ta’ qalbi offrejt talba ta’ gratitudni lil Missieri tas-Smewwiet, għaliex kont naf li Huwa kien sama’ talbi.

Minn dak iż-żmien imbiegħed ’l hawn, bosta kien it-talb tiegħi li ġie mismugħ. M’ għaddiex jum li fih ma kkomunikajtx ma’ Missieri tas-Smewwiet permezz tat-talb. Hija relazzjoni li verament ngħożż – waħda li mingħajrha nkun letteralment mitluf. Jekk inti bħalissa m’ għandekx relazzjoni ta’ dan it-tip ma’ Missierek tas-Smewwiet, inħeġġek sabiex taħdem għal dan il-għan. Waqt li tagħmel dan, inti tkun intitolat għall-ispirazzjoni u l-gwida Tiegħu f’ ħajtek – neċessità għal kull wieħed u waħda minna jekk irridu nsalvaw spiritwalment fil-vjaġġ tagħna hawn fid-dinja. Dawn it-tipi ta’ ispirazzjoni u gwida huma rigali li Huwa liberalment jagħtina jekk aħna sempliċiment infittxuhom. X’ teżor dan!

Inħoss umiltà u gratitudni kbira meta Missieri tas-Smewwiet jikkomunika miegħi permezz tal-ispirazzjoni Tiegħu. Tgħallimt nagħrafha, nafdaha, u nimxi warajha. F’ diversi okkażjonijiet jiena kont ir-reċipjent ta’ ispirazzjoni bħal din. Esperjenza mill-aktar drammatika li kelli seħħet f’ Awwissu tal-1987 waqt id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Frankfurt, il-Ġermanja. Il-President Ezra Taft Benson kien magħna għall-ewwel jum jew tnejn tad-dedikazzjoni iżda mbagħad mar lura l-Istati Uniti, u għalhekk jiena kelli l-opportunità li mmexxi s-sezzjonijiet li kien għad baqa’.

Is-Sibt kellna sezzjoni għall-membri Olandiżi li kienu fid-distrett tat-Tempju ta’ Frankfurt. Jiena kont ilni naf mhux ħażin lil wieħed mill-mexxejja eċċezzjonali tagħna, l-Olandiż Brother Peter Mourik. Ftit biss qabel bdiet is-sezzjoni, ħassejt ġo fija li Brother Mourik għandu jiġi msejjaħ sabiex ikellem lill-membri Olandiżi bħalu matul is-sezzjoni u sabiex, fil-fatt, huwa jkun l-ewwel kelliem. Peress li filgħodu ma kontx rajtu fit-tempju, jiena għaddejt nota lill-Presbiteru Carlos E. Asay, il-President Reġjonali tagħna, fejn staqsejtu jekk Peter Mourik kienx preżenti fis-sezzjoni. Eżattament qabel ma qomna bilwieqfa sabiex nibdew is-sezzjoni, jiena irċevejt risposta mingħand il-Presbiteru Asay fejn indikali li Brother Mourik sa dak il-ħin ma kienx preżenti, u li huwa kien qed jattendi xi mkien ieħor, u li kien qed jippjana sabiex jattendi s-sezzjoni dedikatorja fit-tempju l-għada flimkien mal-utied tan-nies tas-servizz.

Hekk kif waqaft quddiem il-pulptu biex nilqa’ n-nies u naqra l-ordni tal-programm, ħassejtni ispirat li għal darb’oħra nħabbar li Peter Mourik kien sa jkun l-ewwel kelliem. Dak kien għal kollox kontra l-istint tiegħi, għaliex kont għadni kif smajt lill-Presbiteru Asay jgħid li Brother Mourik żgur li ma kienx fit-tempju. Madankollu, fdajt fl-ispirazzjoni tiegħi, u ħabbart il-preżentazzjoni tal-kor u t-talba u mbagħad għedt li l-ewwel kelliem kien sa jkun Brother Peter Mourik.

Jien u sejjer lura f’ posti, ħarist lejn il-Presbiteru Asay; rajt fuq wiċċu ħarsa ta’ bniedem mifxul. Wara huwa qalli li meta jiena ħabbart lil Brother Mourik bħala l-ewwel kelliem lanqas biss ried jemmen dak li kien qed jisma’. Huwa qalli li kien jaf li jiena kont irċevejt in-nota tiegħu u li fil-fatt kont qrajtha, u ma setax isib raġuni valida għaliex jiena ħabbart lil Brother Mourik bħala l-ewwel kelliem, meta kont naf li ma kienx fit-tempju.

Waqt li kien qed iseħħ dan kollu, Peter Mourik kien qed jattendi laqgħa fl-uffiċċji reġjonali f’ Porthstrasse. Waqt li l-laqgħa tiegħu kienet għaddejja, huwa fil-pront dar fuq il-Presbiteru Thomas A. Hawkes Jr, li dak iż-żmien kien ir-rappreżentant reġjonali, u staqsih, “Kemm iddum sabiex twassalni t-tempju?”

Il-Presbiteru Hawkes, li kien magħruf li kien isuq mhux ħażin fil-karozza sportiva u ċkejkna tiegħu, wieġbu, “F’ temp ta’ 10 minuti nwasslek hemm! Iżda għalfejn trid tmur it-tempju?”

Brother Mourik ammetta li ma kienx jaf għalfejn kellu bżonn imur it-tempju iżda kien jaf li kellu jkun preżenti hemm. It-tnejn li huma immedjatament irħewlha lejn it-tempju.

Waqt il-kant mill-isbaħ tal-kor, bdejt inħares ma kullimkien, nittama li f’ xi ħin jew ieħor ifeġġ Peter Mourik. Iżda ma deher imkien. Però, ħaġa tal-għaġeb, ma tħawwadt xejn. Ħassejt ċertezza ħelwa, għalkemm qawwija, li kollox kien sa jkun sew.

Brother Mourik daħal mill-bieb ewlieni tat-tempju hekk kif konna qed nagħlqu t-talba tal-ftuħ, li sa dak il-ħin kien għadu ma jafx għaliex kien qiegħed hemm. Hekk kif beda jgħaġġel passih tul il-kurutur, huwa ra d-dehra tiegħi fuq il-monitor u semagħni nħabbar, “Issa sa nisimgħu mingħand Brother Peter Mourik.”

B’ sorpriża enormi għall-Presbiteru Asay, Peter Mourik fil-pront daħal fil-kamra u sab postu fuq il-pulptu.

Wara s-sezzjoni, Brother Mourik u jiena ddiskutejna dak li kien għadu kif seħħ ftit qabel l-opportunità li kellu biex jitkellem. Qatt nixtarr dwar l-ispirazzjoni li dak inhar dawlet mhux biss lili iżda ukoll lil Peter Mourik. Dik l-esperjenza tal-għaġeb ipprovdietli xhieda li qatt ma nista’ niċħad dwar l-importanza li nkunu denji li nirċievu din l-ispirazzjoni u li wara għandna nafdaw fiha – u naġixxu skont dak li nħossu – meta aħna nirċevuha. Jiena naf mingħajr ebda dubju li l-Mulej ried li dawk li kienu preżenti waqt dik is-sezzjoni tad-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Frankfurt jisimgħu t-testimonjanza qawwija li tmiss il-qalb tal-qaddej Tiegħu Brother Peter Mourik.

Għeżież ħuti, il-komunikazzjoni ma’ Missierna tas-Smewwiet – li tinkludi t-talb tagħna lilu u l-ispirazzjoni Tiegħu għalina – hija neċessarja sabiex aħna nkunu nistgħu nikkalmaw it-tempesti u l-isfidi tal-ħajja. Il-Mulej stedinna, “Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bir-reqqa u ssibuni.”7 Waqt li nagħmlu dan, aħna nħossu l-Ispirtu Tiegħu f’ħajjitna, li jipprovdilna x-xewqa u l-kuraġġ li nibqgħu sodi u fermi fis-sewwa – li “nieqfu … f’ postijiet imqaddsa, u ma nwarrbux minn hemm.”8

Hekk kif l-irjieħ tal-bidla jħabbtu madwarna u l-fibra morali tas-soċjetà tkompli tiddiżintegra quddiem għajnejna, j’Alla niftakru l-wegħda prezzjuża li l-Mulej għamel lil dawk li jafdaw fih. “Tibżgħux, għax jiena magħkom; titħawdux; għax jiena Alla tagħkom: Jiena nagħtikom il-qawwa tiegħi; iva, jiena ngħinkom; iva jiena nsostnikom bl-id il-leminija tas-sewwa tiegħi.”9

X’ wegħda! J’Alla din il-barka tkun tagħna, jiena sinċerament nitlob fl-isem sagru tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja