2011
Għalih Inti Importanti
Novembru 2011


Għalih Inti Importanti

Il-Mulej juża miżien ferm differenti minn dak li tuża d-dinja biex ikejjel il-valur ta’ kull bniedem.

Mosè, wieħed mill-akbar profeti li qatt rat id-dinja, ġie mrobbi minn bint il-Farawni u qatta’ l-ewwel 40 sena ta’ ħajtu fil-palazzi rjali tal-Eġittu. Huwa kien jaf mill-esperjenza tiegħu stess il-glorja u l-kobor ta’ dik is-saltna tal-qedem.

Snin wara, fuq il-quċċata ta’ muntanja mbiegħda, ferm ’il bogħod mill-isplendur u l-kobor tal-Eġittu setgħan, Mosè waqaf fil-preżenza ta’ Alla u tkellem Miegħu wiċċ imb’wiċċ kif bniedem ikellem lil sieħbu.1 Matul il-korsa ta’ dik iż-żjara, Alla wera lil Mosè l-opri ta’ jdejh, fejn tah iċ-ċans jara ftit mill-ħidma u l-glorja Tiegħu. Fi tmiem din id-dehra, Mosè nxteħet mal-art u baqa’ hemm għal numru ta’ sigħat. Meta reġa’ kiseb saħħtu lura, huwa ntebaħ xi ħaġa li, fi snin kollha li dam fil-palazz tal-Farawni, qatt ma kien induna biha qabel.

“Naf,” huwa qal, “li l-bniedem m’hu xejn.”2

Aħna Anqas Milli Naħsbu

Aktar ma nitgħallmu dwar l-univers, aktar nifhmu – anke jekk mhux wisq – dak li kien jaf Mosè. L-univers tant hu kbir, misterjuż u glorjuż li huwa diffiċli għall-moħħ uman li jifhmu. “Dinjiet bla għadd jiena ħloqt,” Alla qal lil Mosè.3Il-meravilja tas-sema matul il-lejl hija testimonjanza sabiħa ta’ dik il-verità.

Ftit kienu l-ħwejjeġ li mlewni b’ tant sens kbir ta’ riverenza, li taqtagħlek nifsek, daqs kemm, fid-dalma tal-lejl kont inkun qed intir minn fuq oċeani u kontinenti, u mill-kabina tal-ajruplan nara quddiem għajnejja l-glorja infinita ta’ miljuni ta’ kwiekeb.

Numru ta’ astroloġi ppruvaw jgħoddu n-numru ta’ kwiekeb li hemm fl-univers. Grupp ta’ xjenzati kkalkulaw li n-numru ta’ kwiekeb li nistgħu narawhom b’ teleskopju minn din id-dinja huwa 10 darbiet aktar mir-ramel kollu li hawn fil-bajjiet u d-deżerti kollha tad-dinja.4

Din il-konklużjoni tixbah ferm id-dikjarazzjoni li għamel il-profeta tal-qedem Enok: “Kieku biss il-bniedem jirnexxilu jgħodd il-frak ta’ trab id-dinja, iva, miljuni ta’ dinjiet oħra bħal din, lanqas biss ikun għadu beda ħdejn in-numru bla għadd tal-ħolqien tiegħek.”5

Meta tqis l-immensità tal-ħolqien ta’ Alla, mhux ħaġa tal-għaġeb li l-kbir Sultan Benjamin għallem lin-nies tiegħu sabiex “dejjem żommu quddiem għajnejkom il-kobor ta’ Alla, u l-limitazzjoni tagħkom.”6

Aħna Akbar Milli Naħsbu

Iżda avolja l-bniedem m’hu xejn, inħoss fija sens kbir ta’ meravilja meta naħseb li “il-valur tal-erwieħ huwa wieħed kbir f’ għajnejn Alla.”7

U filwaqt li nistgħu nħarsu lejn l-immensità tal-univers u ngħidu, “X’ inhu l-bniedem mqabbel mal-glorja tal-ħolqien?” Alla nnifsu qal li r-raġuni għaliex Huwa ħoloq l-univers huwa aħna! Il-ħidma u l-glorja Tiegħu – l-għan ta’ dan l-univers meraviljuż – huwa sabiex isalva u jeżalta l-umanità.8 Fi kliem ieħor, il-medda vasta tal-eternità, il-glorji u l-misteri tal-ispazju u taż-żmien infinit ġew maħluqa kollha għall-benefiċċju ta’ nies mortali bħali u bħalek. Missierna tas-Smewwiet ħoloq l-univers sabiex aħna nkunu nistgħu nilħqu l-potenzjal tagħna bħala wliedu.

Dan hu paradoss tal-bniedem: mqabbel ma’ Alla, il-bniedem m’hu xejn; madankollu aħna kollox għal Alla. Għalkemm fid-dell tal-ħolqien infinit nidhru li m’ aħna xejn, għandna xrara nar etern taqbad ġewwa fina. Għandna wkoll il-wegħda inkomprensibbli tal-eżaltazzjoni – dinjiet mingħajr tmien – li tista’ tkun tagħna. U hija x-xewqa kbira ta’ Alla li jgħinna niksbuha.

Il-Bluha tal-Kburija

Il-qarrieq il-kbir jaf li waħda mill-aktar għodda effettiva sabiex ulied Alla jaqbdu t-triq il-ħażina hi li jappella għall-estremitajiet tal-paradoss tal-bniedem. Għal xi wħud, huwa jappella għat-tendenzi ta’ kburija tagħhom, ikompli jkabbarhom u jħeġġiġhom sabiex jemmnu fil-fantasija li huma verament importanti u invinċibbli. Huwa jgħidilhom li huma sebqu dak li hu ordinarju u li, minħabba l-kapaċità li għandhom, il-privileġġ li kisbu fit-twelid, jew minħabba l-istat soċjali tagħhom, huma ġew magħżula fost dak kollu li hu komuni madwarhom. Huwa jwassalhom sabiex jikkonkludu li għalhekk huma m’humiex suġġett għal-liġijiet ta’ xi ħaddieħor u m’ għandhomx joqogħdu jinkwetaw fuq il-problemi ta’ ħaddieħor.

Jingħad li Abraham Lincoln kien iħobb poeżija li tgħid:

O għaliex l-ispirtu tal-mortali jitkabbar?

Bħal meteora veloċi, u sħaba b’ għaġla tittajjar,

Bħal leħħa ta’ berqa, u l-mewġ jgħib fil-baħar,

Il-bniedem hekk jgħaddi mill-ħajja għall-qabar.9

Id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu jifhmu li, imqabbla mal-eternità, l-eżistenza tagħna f’ din l-isfera mortali hija biss “mument ċkejken” fl-ispazju u ż-żmien.10 Huma jafu li l-valur veru ta’ persuna ftit li xejn għandu x’ jaqsam ma’ dak li jidher importanti għad-dinja. Huma jafu li tista’ tfaddal il-flus kollha li hawn fid-dinja u xorta bihom ma jirnexxilikx tixtri ħobża waħda fis-smewwiet.

Dawk li “jirtu s-saltna ta’ Alla”11 huma dawk li jsiru “bħat-tfal, obbidjenti, umli, paċenzjużi, kollhom imħabba.”12 “Għaliex kull min jitkabbar jiċċekken, u min jiċċekken jitkabbar.”13 Dawn id-dixxipli jifhmu wkoll li “meta intom tkunu ta’ servizz għal għajrkom intom tkunu letteralment ta’ servizz għal Alla tagħkom.”14

Aħna Mhux Minsijin

Mod ieħor kif Satana jqarraq huwa billi jiskoraġġixxi. Huwa jipprova jgħinna niffukaw fuq in-nuqqas ta’ kapaċità tagħna sakemm nibdew niddubitaw jekk aħna niswewx xi ħaġa. Huwa jgħidilna li aħna ċkejkna wisq biex xi ħadd jagħti kasna, li aħna minsijin – speċjalment minn Alla.

Ħa naqsam magħkom esperjenza personali li tista’ tkun ta’ għajnuna għal dawk li jħossuhom insinifikanti, minsijin jew weħidhom.

Ħafna snin ilu, jiena attendejt it-taħriġ għal pilota fil-Forzi tal-Ajru tal-Istati Uniti. Kont ’il bogħod mhux ħażin minn pajjiżi, bħala suldat żagħżugħ mill-Ġermanja tal-Punent, imwieled iċ-Ċekoslovakkja, imrobbi fil-Ġermanja tal-Lvant u b’diffikultà kbira biex itaqtaq xi ħaġa bl-Ingliż. Niftakar ċar il-vjaġġ tiegħi sal-bażi tat-taħriġ tagħna f’ Texas. Kont ninsab bilqiegħda ħdejn passiġġier li kien jitkellem b’ aċċent qawwi tas-Sud tal-Istati Uniti. Bilkemm stajt nifhem kelma waħda li kien qed jgħid. Sa bdejt niddubita jekk kinux għallmuni xi lingwa oħra bi żball. Ħassejtni verament imwerwer meta kont naf li kelli nikkompeti sabiex nispiċċa, kif ħafna kienu jixtiequ, minn ta’ quddiem nett fit-taħriġ tal-piloti kontra studenti li l-lingwa ewlenija tagħhom kienet l-Ingliż.

Meta wasalt fil-bażi tal-ajru fil-belt żgħira ta’ Big Springs, f’ Texas, fittixt u sibt fergħa żgħira tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, li kienet magħmula minn ftit membri mill-aħjar li kienu jiltaqgħu fi kmamar mikrija fl-istess bażi tal-ajru. Il-membri kienu fil-proċess li jibnu dar tal-laqgħat żgħira li setgħat isservi bħala post permanenti għall-Knisja. F’ dawk iż-żminijiet il-membri kienu jwettqu huma stess ħafna mix-xogħol li kien isir fuq xi bini ġdid.

Jum wara jum jiena kont nattendi it-taħriġ tiegħi għall-pilota u kont nistudja kemm nista’ u mbagħad kont inqatta’ l-parti l-kbira tal-ħin ħieles tiegħi naħdem fuq id-dar tal-laqgħat il-ġdida. Hemmhekk tgħallimt li tnejn b’ erbgħa mhux passi ta’ xi żifna iżda biċċa njama. Tgħallimt ukoll ħaġa mill-aktar importanti, kif ma nolqotx subgħajja meta nkun qed insammar xi musmar.

Tant kont inqatta’ ħin naħdem fuq id-dar tal-laqgħat li l-president tal-fergħa – li kumbinazzjoni kien ukoll wieħed mill-għalliema li jgħallmuna ntiru – qalli li kien qed jinkwieta xi ftit għax forsi kien ikun aħjar għalija jekk ngħaddi aktar ħin nistudja.

Sħabi u xi studenti oħra li bħali kienu qed jistudjaw għal pilota kienu jqattgħu l-ħin ħieles tagħhom jagħmlu wkoll xi attivitajiet oħra, għalkemm ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li xi wħud minn dawk l-attivitajiet ma kinux f’ armonija ma’ dak li llum hemm imniżżel fil-pamflet For the Strength of Youth. Ngħid għalija, kont nieħdu gost inkun attiv f’ din il-fergħa ċkejkna fil-punent ta’ Texas, fejn kont nipprattika ftit dak li kont għadni kemm tgħallimt fis-sengħa tal-mastrudaxxa, u kont intejjeb l-Ingliż tiegħi hekk kif bdejt inwettaq is-sejħa tiegħi bħala għalliem fil-kworum tal-presbiteri u fl-iskola tal-Ħadd.

F’ dawk iż-żminijiet, Big Springs, minkejja l-isem, kien post żgħir, insinifikanti u mhux magħruf. U ħafna drabi kont inħares lejja nnifsi bl-istess mod insinifikanti, ma jafni ħadd u, sewwasew, waħdi. Madankollu, qatt ma għaddieli l-ħsieb li l-Mulej seta’ nsieni jew jekk qattx kien sa jsibni fil-post li kont fih. Kont naf li għal Missierna tas-Smewwiet ma kienx jimporta fejn kont, jekk kontx aħjar jew agħr minn sħabi fil-klassi tat-taħriġ għall-pilota, jew x’ kienet is-sejħa tiegħi fil-Knisja. Li kien jimpurtah kien li jiena kont qed nagħmel l-aħjar li stajt nagħmel, li qalbi kienet inklinata lejh, u li kont lest li ngħin lil dawk ta’ madwari. Kont naf li jekk kont nagħmel l-aħjar li stajt, kollox kien ikun sew.

U kollox kien sew.15

Tal-Aħħar Għad Ikunu tal-Ewwel

Il-Mulej ma jimpurtah xejn jekk ngħaddux ħajjitna fi swali tal-irħam jew inkella f’ xi stalla. Huwa jaf fejn qegħdin, ikun kemm ikun sempliċi l-post li qegħdin fih. Huwa juża – bil-mod Tiegħu u għal għanijiet mqaddsa Tiegħu – lil dawk li jagħtuh qalbhom.

Alla jaf li wħud mill-aqwa bnedmin li qatt għexu huma dawk li qatt ma jniżżlu isimhom fil-kotba tal-istorja. Huma erwieħ imbierka u umli li mxew wara l-eżempju tas-Salvatur u għaddew ħajjithom jagħmlu l-ġid.16

Il-ġenituri ta’ ħabib tiegħi huma koppja li għalija verament huma eżempju ta’ dan il-prinċipju. Ir-raġel kien jaħdem f’ impjant tal-ħadid f’ Utah. F’ ħin il-brejk kien joħroġ l-iskrittura jew xi rivista tal-Knisja u joqgħod jaqra. Meta l-ħaddiema l-oħra rawh, huma bdew jirridikolawh u jisfidaw it-twemmin tiegħu. Kull meta kienu jagħmlu dan, huwa kien jibda jkellimhom bil-ħlewwa u l-kunfidenza. Hu ma kienx iħalli n-nuqqas ta’ rispett tagħhom jitliflu rasu.

Snin wara, wieħed minn dawk li l-aktar kien jgħaddih biż-żmien marad serjament. Qabel miet, huwa talab biex dan ir-raġel umli jitkellem fil-funeral tiegħu – u hekk għamel.

Dan il-membru tal-Knisja fidil qatt ma kellu xi pożizzjoni soċjali għolja jew kien xi sinjur, iżda l-influwenza tiegħu kienet tinħass ferm minn dawk li kienu jafuh. Huwa miet f’inċident industrijali meta waqaf sabiex jgħin ħaddiem ieħor li kien weħel fis-silġ.

Wara sena, l-armla tiegħu kellha tagħmel operazzjoni f’ moħħha, li b’ konsegwenza ta’ dan ma setgħatx timxi aktar. Iżda n-nies iħobbu jqattgħu ħinhom magħha għaliex hi verament toqgħod tismagħhom. Hija tibqa’ tiftakar. Hija tagħti kas. Għalkemm ma tistax tikteb, hija timmemorizza n-numri tat-telefon kollha tat-tfal u n-neputijiet tagħha. B’ imħabba tiftakar id-dati ta’ jum it-twelid kif ukoll l-anniversarji.

Meta dawk li jżuruha jitilqu minn ħdejha, huma jħossuhom aħjar kemm dwarhom infushom kif ukoll dwar ħajjithom. Huma jħossu l-imħabba tagħha. Huma jafu li hija jimpurtaha minnhom. Hija qatt ma tgerger iżda tgħaddi ħajjitha tbierek ħajjet ħaddieħor. Waħda minn sħabha qalet li din il-mara kienet waħda mill-ftit nisa li qatt iltaqgħet magħhom li verament kienet eżempju tal-imħabba u l-ħajja ta’ Ġesù Kristu.

Din il-koppja kienu jkunu l-ewwel nies li jgħidu li ma tantx kienu ta’ xi importanza kbira f’din id-dinja. Iżda l-Mulej juża miżien ferm differenti minn dak li tuża d-dinja biex ikejjel il-valur ta’ kull bniedem. Huwa jaf lil din il-koppja fidili; Huwa jħobbhom. L-għemejjel tagħhom huma xhieda ħajja tal-fidi soda tagħhom fih.

Għalih Inti Importanti

Għeżież ħuti, jista’ jkun veru li l-bniedem m’hu xejn imqabbel mal-kobor tal-univers. Xi kultant nistgħu nħossuna insinifikanti, invisibbli, waħidna, jew minsija. Iżda ftakar dejjem – għalih inti importanti! Jekk qatt tiddubita dan, ikkunsidra dawn l-erba’ prinċipji:

L-ewwel, Alla jħobb lil min hu umli, għaliex huma “l-ikbar fis-saltna tas-smewwiet.”17

It-tieni, il-Mulej jafda “il-milja tal-[evanġelju] Tiegħu sabiex jiġi mxandar mid-dgħajfin u s-sempliċi fl-inħawi kollha tad-dinja.”18 Huwa għażel lid-“dgħajfin tad-dinja sabiex iqumu u jkissru lis-setgħana”19 u sabiex iġibu fix-xejn “il-ħwejjeġ setgħana.”20

It-tielet, inti minn fejn inti, sempliċi kemm hu sempliċi l-post li toqgħod fih, ordinarju kemm hu ordinarju l-impjieg tiegħek, limitat kemm inti limitat fil-kapaċitajiet tiegħek, ordinarja kemm hi ordinarja d-dehra tiegħek, jew insinifikanti kemm tidher insinifikanti s-sejħa tiegħek fil-Knisja, inti m’intix inviżibbli għal Missierek tas-Smewwiet. Huwa jħobbok. Huwa jaf il-qalb umli tiegħek u l-atti tiegħek ta’ mħabba u tjubija. Flimkien, huma jiffurmaw testimonjanza dejjiema tal-fedeltà u l-fidi tiegħek.

Ir-raba’ u l-aħħar prinċipju, jekk jogħġbok ifhem li dak li inti tara u tesperjenza hawnhekk m’huwiex kif inti sa tkun għal dejjem. Inti mhux sa tħossok waħdek, imdejjaq, imnikket u qalbek maqtugħa għal dejjem. Aħna għandna l-wegħda fidili ta’ Alla li Huwa la qatt sa jinsa u lanqas sa jwarrab lil dawk li jagħtuh qalbhom.21 Ara li jkollok it-tama u l-fidi f’ din il-wegħda. Tgħallem ħobb lil Missierek tas-Smewwiet u sir id-dixxipli Tiegħu fil-kelma u l-għemil.

Kun żgur li jekk inti tibqa’ sod, temmen fih, u tibqa’ fidil billi żżomm il-kmandamenti, xi darba inti tesperjenza għalik iniffsek il-wegħdiet li huwa żvela lill-Appostlu Pawlu: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħat, u dak li qatt ma tnissel f’ qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”22

Ħuti, l-aktar Wieħed setgħan fl-univers huwa l-Missier tal-ispirtu tagħkom. Huwa jafkom. Huwa jħobbkom b’ imħabba perfetta.

Alla jħares lejkom mhux biss bħala nies mortali li għal żmien qasir tinsabu fuq pjaneta żgħira – Huwa jħares lejkom bħala wliedu. Huwa jarakom bħala dawk li intom kapaċi u maħluqa li ssiru. Huwa jridkom tkunu tafu li għalih intom importanti.

J’Alla dejjem nemmnu, nafdaw u npoġġu ħajjitna f’ perspettiva li nkunu nistgħu nifhmu il-veru valur u potenzjal etern tagħna. J’Alla nkunu denji tal-barkiet prezzjużi li Missierna tas-Smewwiet għandu lesti għalina hija t-talba tiegħi f’ isem Ibnu, l-istess Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja