2012
Kuraġġ biex Tikkalma t-Tempesta
Jannar 2012


Iż-Żgħażagħ

Kuraġġ biex Tikkalma t-Tempesta

Fit-tieni lejla tal-laqgħa fil-beraħ tat-Tfajliet tal-wited tagħna, esperjenzajna maltempata bix-xita kbira u urugan. Kien hemm madwar 24 tfajla mill-qasam tagħna li kienu qed jattendu l-laqgħa flimkien ma’ żewġ mexxejja, u lkoll kemm aħna ridna nippruvaw noqogħdu ġo kabina waħda żgħira biex nipproteġu ruħna. Ix-xita kienet nieżla bil-qawwa, u r-riħ beda aktar ma jmur jiżdied. Kelli kontinwament nfakkar lili nnifsi fit-talba sabiex inkunu protetti li l-president tal-wited kien offra aktar kmieni. Bħala membri tal-qasam ukoll offrejna talbna fil-kabina tagħna, u jiena għedt it-talb personali tiegħi.

Ħafna mit-tfajliet kienu mbeżżgħin, u ma tlumhomx. Il-kabina tagħna ma tantx kienet b’ saħħitha, u aħna konna ninsabu eżatt ħdejn ix-xmara. Wara xi 20 minuta l-maltempata tant saret qalila li kollha kemm aħna kellna noħorġu niġru mill-kabini tagħna lejn il-kabini tal-kunsilliera, li kienu fuq pjanura ogħla. Il-president tal-wited tiegħi offra talba oħra, u aħna lkoll kantajna xi innijiet, għanjiet tal-Primarja u anke xi kanzunetti tal-okkażjoni sabiex infarrġu lilna nfusna. Iva, konna verament imbeżżgħin, iżda ħassejna li kollox kien sa jispiċċa b’ wiċċ il-ġid. Nofs siegħa wara t-temp ikkalma biżżejjed li stajna mmorru lura fil-kabini tagħna.

Wara sirna nafu x’ kien ikkawża l-urugan jaġixxi b’ tant qawwa. Kien inqasam f’ żewġ maltempati. Waħda minnhom kienet ħabtet preċiżament fuq il-lemin tagħna u l-oħra fuq ix-xellug tagħna. Il-mod kif attakkana ma kienx l-aktar mod gravi kif stajna nintlaqtu!

Naf li Alla kien sama’ talbna f’ dak il-lejl u li Huwa kien pproteġina mill-aktar parti qalila tal-maltempata. Għalfejn urugan kellu jinqasam fi tnejn jekk mhux għax Alla ried dan? Jiena naf li fil-tempesti tal-ħajja, nistgħu dejjem nitolbu lill-Missier tas-Smewwiet u Huwa jisma’ u jwieġeb talbna, jagħtina l-kuraġġ u l-protezzjoni li għandna bżonn biex inkunu protetti.

Ipprintja