Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2012
Ngħixu l-Ħajja Abbundanti
Fil-bidu ta’ sena ġdida, inħeġġeġ lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem madwar id-dinja sabiex jidħlu għal sfida personali, diliġenti u sinifikanti li jippruvaw isibu l-ħajja abbundanti – ħajja mimlija b’ abbundanza ta’ suċċess, tjubija u barkiet. Bl-istess mod li fl-iskola nitgħallmu l-ABĊ, jiena sa noffri l-ABĊ tiegħi biex jgħinna lkoll niksbu l-ħajja abbundanti.
Ara li Jkollok Attitudni Pożittiva
L-A fl-ABĊs tiegħi tirreferi għall-attitudni. William James, psikologu u filosofu pijunier Amerikan, kiteb, “L-akbar rivoluzzjoni tal-ġenerazzjoni tagħna hi l-iskoperta li l-esseri umani, billi jibdlu l-attitudni interna ta’ moħħhom, jistgħu jibdlu l-aspetti esterni ta’ ħajjithom.”1
Ħafna affarijiet f’ ħajjitna jiddependu mill-attitudni tagħna. Il-mod li bih nagħżlu li naraw l-affarijiet ta’ madwarna u naġixxu f’ affarijiet oħra jagħmel id-differenza kollha. Li nagħmlu dak kollu li nistgħu u mbagħad nagħżlu li nkunu kuntenti dwar iċ-ċirkustanzi tagħna, ikunu xi jkunu, iwassal f’ ħajjitna l-paċi u l-kuntentizza.
Charles Swindoll – awtur, edukatur, u ministru Kristjan – qal: “L-attitudni, għalija, hija aktar importanti mill- … passat, … mill-flus, miċ-ċirkustanzi, mill-falliment, mis-suċċessi, minn dak li jaħsbu, jgħidu u jagħmlu n-nies. Hija aktar importanti mid-dehra, mill-intelliġenza jew mill-kapaċità. Tista’ tibni jew tkisser kumpanija, knisja, dar. L-aktar ħaġa importanti hi li kuljum aħna nistgħu nagħżlu x’ attitudni rridu nħaddnu f’ dak il-jum.”2
Ma nistgħux inbiddlu d-direzzjoni tar-riħ, iżda nistgħu ndawru l-qlugħ. Biex niksbu l-milja tal-hena, il-paċi u l-kuntentizza, irridu nagħżlu li jkollna attitudni pożittiva.
Emmen Fik Iniffsek
E tirreferi għal emmen – fik iniffsek, f’ dawk ta’ madwarek, u fil-prinċipji eterni.
Kun onest miegħek iniffsek, mal-oħrajn u ma’ Missierek tas-Smewwiet. Wieħed li ma kienx onest ma’ Alla sakemm kien tard wisq kien il-Kardinal Wolsey li, skont Shakespeare, qatta’ l-ħajja twila tiegħu jaqdi tliet-islaten u gawda ġid kbir u setgħa kbira. Finalment, huwa tneżża’ mis-setgħa u mill-ġid li kellu minn sultan bla sabar. Il-Kardinal Wolsey esklama:
Kieku qdejt lil Alla b’ nofs il-ħeġġa li biha
qdejt lis-sultan tiegħi, Huwa ma kienx fl-età tiegħi
jħallini mneżża’ quddiem l-għadu tiegħi.3
Thomas Fuller, raġel reliġjuż u storiku Ingliż li għex fis-17-il seklu, kiteb din il-verità: “Mhux veru jemmen dak li ma jgħix skont twemminu.”4
Tillimitax lilek iniffsek u tħallix lill-oħrajn jikkonvinċuk li hemm limitu f’ dak li tista’ twettaq. Emmen fik iniffsek u mbagħad għix b’ mod li bih tista’ tilħaq il-possibiltajiet tiegħek.
Inti tista’ tikseb dak li temmen li tista’ tikseb. Emmen, mingħajr ma tiddubita u żomm il-fidi.
Iffaċċja l-Isfidi b’ Kuraġġ
Il-kuraġġ isir virtu importanti u sinifikanti meta nħarsu lejh mhux wisq bħala r-rieda li lest li tmut għal xi kawża iżda bħala determinazzjoni li tgħix b’ mod diċenti.
Qal hekk il-kittieb u poeta Amerikan Ralph Waldo Emerson: “Tagħmel x’ tagħmel, trid il-kuraġġ. Taqbad liema triq taqbad, dejjem sa ssib lil xi ħadd jgħidlek li inti żbaljat. Dejjem ifiġġu ċerti diffikultajiet li jwassluk temmen li l-kritiċi tiegħek huma korretti f’ dak li qed jgħidu fuqek. Li tfassal pjan ta’ azzjoni u tibqa’ timxi warajh sama twettqu teħtieġ daqsxejn mill-kuraġġ li għandu bżonn suldat. Il-paċi għandha l-vittorji tagħha, iżda hemm bżonn ta’ rġiel u nisa bravi biex tittrijonfa.”5
Ikun hemm żminijiet meta inti tibda tibża’ u taqta’ qalbek. Tibda tħoss li qed titlef il-battalja. Iċ-ċans li tikseb ir-rebħa jkun jidher kważi impossibbli. Xi kultant tibda tħossok bħal David qed jipprova jiġġieled lil Gulija. Iżda ftakar—David fl-aħħar rebaħ!
Il-kuraġġ huwa meħtieġ biex wieħed jagħmel dak l-ewwel pass lejn xi għan li huwa jrid jilħaq, iżda kuraġġ akbar hu meħtieġ għal meta dak l-individwu jaqa’ u jkun jeħtieġ minnu li jagħmel it-tieni sforz biex jikseb l-għan tiegħu.
Irid ikollok id-determinazzjoni li tagħmel dak l-isforz, li żżomm moħħok ikkonċentrat fuq l-għan den tiegħek, u l-kuraġġ mhux biss li tiffaċċja l-isfidi li bla dubju sa tħabbat wiċċek magħhom iżda wkoll li tagħmel it-tieni sforz, jekk dan ikun meħtieġ. “Xi kultant il-kuraġġ huwa dik il-vuċi siekta fi tmiem il-jum li tlissen, ‘għada nerġa’ nipprova.’”6
J’Alla niftakru l-ABĊs tagħna hekk kif nibdew il-vjaġġ tagħna f’ din is-sena ġdida, nikkultivaw attitudni pożittiva, nemmnu li nistgħu niksbu l-għanijiet u r-riżoluzzjonijiet tagħna, u l-kuraġġ li niffaċċjaw kwalinkwa sfida li tiġi quddiemna. Mbagħad il-ħajja abbundanti tkun tagħna.
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, January 2012. Maltese. 10361 159