Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Jannar 2012
Nissorveljaw u Naqdu permezz tat-Tagħlim taż-Żjajjar
Studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
“Il-karità [tfisser] ferm aktar minn sempliċement benevolenza,” għallem il-President Henry B. Eyring, l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza. “Il-karità titwieled mill-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u hija effett tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.”1 Għall-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna, it-tagħlim taż-żjajjar jista’ jkun karità b’ dak li huma jagħmlu, mod importanti kif neżerċitaw il-fidi fis-Salvatur.
Permezz tat-tagħlim taż-żjajjar, aħna nipprovdu sorveljanza billi nikkuntattjaw lil kull oħt, naqsmu messaġġ tal-evanġelju u naraw li nsiru nafuha u l-bżonnijiet tal-familja tagħha. “It-tagħlim taż-żjajjar isir il-ħidma tal-Mulej meta aħna niffukaw fuq in-nies minflok fuq il-persentaġġi,” spjegat Julie B. Beck, president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna. “Fir-realtà, it-tagħlim taż-żjajjar qatt ma jintemm. Huwa aktar stil ta’ ħajja milli xi biċċa xogħol li rridu nwettqu. Li naqdu b’ lealtà bħala għalliema taż-żjajjar hija evidenza li aħna verament dixxipli.”2
Hekk kif nissorveljaw lil ħutna konsistentament bl-għajnuna tat-talb, aħna nitgħallmu kif l-aħjar namministraw u nilħqu l-bżonnijiet ta’ kull oħt u l-familja tagħha. Hemm diversi forom kif nistgħu ngħinu – uħud kbar, oħrajn mhux daqshekk kbar. “Xi kultant, ikun meħtieġ minna biss atti żgħar ta’ servizz biex aħna ngħinu u nbierku lil ħaddieħor: nistaqsu dwar il-familja tal-persuna, ftit kliem ta’ inkuraġġiment, kumpliment sinċier, nota żgħira ta’ ringrazzjament, telefonata qasira,” għallem il-President Thomas S. Monson. “Jekk nosservaw u nkunu konxji, u jekk naġixxu skont it-tnebbiħ li nħossu ġewwa fina, aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid. … Huma ħafna l-atti ta’ servizz li tipprovdi l-armata kbira tal-għalliema taż-żjajjar tas-Soċjetà tal-Għajnuna.”3
Mill-Iskrittura
Ġwanni 13:15, 34–35; 21:15; Mosiah 2:17; Doctrine and Covenants 81:5; Moses 1:39
Mill-Istorja Tagħna
Fl-1843, il-membri tal-Knisja f’ Nauvoo, Illinois, ġew isseparati f’ erba’ oqsma. F’ Lulju ta’ dik is-sena, il-mexxejja tas-Soċjetà tal-Għajnuna ħatru kumitat taż-żjajjar magħmul minn erba’ nisa, waħda għal kull qasam. Ir-responsabbiltajiet tal-kumitati taż-żjajjar kienu jinkludu li jaraw xi bżonnijiet l-aħwa jkollhom u jiġbru d-donazzjonijiet. Is-Soċjetà tal-Għajnuna kienet tuża dawn id-donazzjonijiet biex tipprovdi għal minn ikun fil-bżonn.4
Filwaqt li l-għalliema taż-żjajjar m’ għadhomx aktar jiġbru d-donazzjonijiet, huma għad għandhom ir-responsabbiltà li jaraw x’ inhuma l-bżonnijiet – spiritwali u temporali – u biex jaħdmu ħalli jaraw li dawk il-bżonnijiet jintlaħqu. Eliza R. Snow (1804–87), it-tieni president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, spjegat: “Għalliema … għandu jkollha magħha l-Ispirtu tal-Mulej tant li kif tidħol ġo dar hija tkun taf xi spirtu tkun iltaqgħet miegħu hemm ġew. … Itlob bil-ħerqa lil Alla u lill-Ispirtu s-Santu sabiex ikollok miegħek [l-Ispirtu] ħalli tkun kapaċi tiltaqa’ ma’ dak l-ispirtu li jkun jgħammar f’ dik id-dar … u sabiex tħoss li tlissen kliem ta’ paċi u faraġ, u jekk issib xi oħt li tkun qed tħoss il-bard, ressaqha viċin qalbek bl-istess mod kif tressaq lit-tfal ċkejknin u wrieha mħabbtek.”5
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, January 2012. Maltese. 10361 159