2012
Ħeġġiġhom sabiex Jitolbu
Frar 2012


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2012

Ħeġġiġhom sabiex Jitolbu

Meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, il-ġenituri tiegħi għallmuni bl-eżempju tagħhom kif għandi nitlob. Meta kont ċkejken kont nimmaġina li Missierna tas-Smewwiet kien jinsab x’ imkien ’il bogħod. Meta bdejt nimmatura, bdejt nesperjenza xi ħaġa differenti fit-talb tiegħi. Bdejt inħares lejn Missierna tas-smewwiet bħala xi ħadd li kien jinsab viċin, imdawwal b’ dawl qawwi, u li lili jafni perfettament.

Dik il-bidla seħħet fija meta jiena ksibt testimonjanza ċerta li l-esperjenza li rrapporta Joseph Smith fl-1820 f’ Manchester, New York, kienet vera.

“Rajt kolonna ta’ dawl wieqfa eżatt fuq rasi, tiddi aktar mill-qawwa tax-xemx, u bdiet nieżla ’l isfel sakemm niżlet fuqi.

“Mad-dehra tagħha, ma bqajtx aktar maħkum mill-għadu li kien għadu kif ħakimni ftit qabel. Meta d-dawl waqaf madwari jiena rajt żewġ Personaġġi, li d-dija u l-glorja tagħhom ma tistax tiddeskriviha, weqfin fuqi fl-arja. Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ ismi u, filwaqt li wera b’ sebgħu lill-ieħor, qal—Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!” (Joseph Smith—History 1:16–17).

Missierna tas-Smewwiet kien żar il-masġar f’ dik il-għodwa sabiħa tar-rebbiegħa. Huwa sejjaħ lil Joseph b’ ismu. U Huwa introduċa lis-Salvatur mqajjem mill-imwiet bħala “Ibnu l-Għażiż.” Kull meta titlob u kull fejn titlob, inti titbierek permezz tat-testimonjanza tiegħek tar-realtà ta’ dik l-esperjenza glorjuża.

Il-Missier li lilu aħna nitolbu huwa l-Alla glorjuż li ħoloq dinjiet sħaħ permezz ta’ Ibnu l-Għażiż. Huwa jisma’ talbna bl-istess mod li sema’ t-talba ta’ Joseph—b’ ċarezza daqs li kieku qegħdin noffruh fil-preżenza Tiegħu. Huwa tant iħobbna li ta lil Ibnu bħala s-Salvatur tagħna. B’ dak ir-rigal Huwa għamilha possibbli għalina li niksbu l-immortalità u l-ħajja eterna. U Hu joffrilna, permezz tat-talb f’ isem Ibnu, l-opportunità li f’ din il-ħajja nikkomunikaw miegħu kemm-il darba rridu.

Dawk l-irġiel li fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem iħaddnu s-saċerdozju ngħataw ir-responsabbiltà sagra li “jżuru d-dar ta’ kull membru, u jħeġġuhom sabiex jitolbu kemm vokalment kif ukoll fil-moħbi” (D&C 20:47; enfażi miżjuda).

Hemm diversi modi kif tħeġġeġ lil xi ħadd sabiex jitlob. Per eżempju, nistgħu nixhdu li Alla kkmandana sabiex nitolbu dejjem, jew inkella nistgħu niddeskrivu xi eżempji mill-iskrittura u mill-esperjenza tagħna stess tal-barkiet li nirċievu permezz tat-talb mimli gratitudni tagħna, u permezz tal-umiltà u l-onestà tagħna. Per eżempju, jiena nista’ nixhed li naf li Missierna tas-Smewwiet jisma’ talbna. Jiena rċevejt direzzjoni u faraġ minn kliem li ġie f’ moħħi, u permezz tal-Ispirtu naf li l-kliem kien ġej minn Alla.

Kif il-Profeta Joseph Smith kellu esperjenzi bħal dawn, l-istess jista’ jkollok inti. Huwa rċieva din it-tweġiba għat-talba sinċiera tiegħu:

“Ibni, inwassallek is-sliem; l-avversità u s-sofferenza tiegħek sa jkunu biss għal żmien qasir;

“U mbagħad, jekk inti tibqa’ sod sat-tmiem, Alla jeżaltak fil-għoli” (D&C 121:7–8).

Dik kienet rivelazzjoni minn Missier kollu mħabba għal dak ibnu leali li kien għaddej minn niket kbir. Ulied Alla kollha kemm huma jistgħu jitkellmu miegħu fit-talb. L-ebda eżortazzjoni fit-talb ma ħalliet effett daqshekk kbir fuqi daqs is-sentimenti ta’ mħabba u dawl li jfeġġu kull meta tiġi mismugħa dik it-talba umli.

Aħna niksbu testimonjanza ta’ kull kmandament ta’ Alla billi nobdu dak l-istess kmandament (ara Ġwanni 7:17). Dan huwa minnu għall-kmand li nitolbu dejjem kemm vokalment kif ukoll fil-moħbi. Bħala l-għalliem u l-ħabib tagħkom, inwegħidkom li Alla jisma’ talbkom u li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, intom tistgħu tkunu tafu personalment li t-tweġiba tkun ġejja mingħandu.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

  • “L-istampi huma biċċa għodda siewja biex tenfasizza l-idea tal-lezzjoni” (Teaching, No Greater Call [1999], 176). Uri stampa ta’ Joseph Smith jew tal-Ewwel Viżjoni. Iddiskuti l-esperjenza li Joseph Smith kellu bit-talb. Kif jista’ t-talb tiegħek ikun aktar sinifikattiv jekk tħares lejn “Missierna tas-Smewwiet … bħala xi ħadd li jinsab viċin,” kif għamel il-President Eyring?

  • Kif jissuġġerixxi l-President Eyring, ikkunsidra li taqsam t-testimonjanza tiegħek dwar it-talb, iddeskrivi l-barkiet li rċevejt permezz tat-talb, jew inkella aqsam xi skrittura dwar it-talb.

Ipprintja