2012
Għalfejn Għandna Bżonn il-Profeti?
Marzu 2012


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2012

Għalfejn Għandna Bżonn il-Profeti?

Għaliex Missierna tas-Smewwiet verament iħobb lil uliedu, Huwa ma ħallihomx jimxu f’ din il-ħajja mortali mingħajr ebda direzzjoni u gwida. It-tagħlim ta’ Missierna tas-Smewwiet m’huwiex tagħlim ordinarju, ovvju u komuni li tista’ ssibu fuq kwalunkwe ktieb sempliċi fil-ħanut tal-gazzetti. Huwa l-għerf tal-Alla celestjali, omnipotenti u li jaf kollox mimli bl-imħabba lejn uliedu. Is-sustanza ta’ kliemu hu s-sigriet taż-żminijiet—il-muftieħ tal-ferħ f’ din il-ħajja u fid-dinja li jmiss.

Missierna tas-Smewwiet jiżvela l-għerf tiegħu lil uliedu fid-dinja permezz tal-qaddejja Tiegħu l-profeti (ara Amos 3:7). Minn żmien Adam, Alla kellem lil uliedu permezz ta’ orakli maħtura li jiġu magħżula sabiex jiżvelaw ir-rieda u l-kunsill Tiegħu lil ħaddieħor. Il-profeti huma għalliema ispirati u huma dejjem xhieda speċjali ta’ Ġesù Kristu (ara D&C 107:23). Il-profeti mhux biss ikellmu lin-nies ta’ żmienhom, iżda jkellmu wkoll lin-nies li jgħixu tul iż-żminijiet. Leħinhom jidwi tul is-sekli bħala testment tar-rieda ta’ Alla għal uliedu.

Illum m’hu xejn differenti minn żminijiet passati. Il-Mulej ma jħobbx lin-nies tal-lum anqas min-nies tal-passat. Wieħed mill-messaġġi glorjużi tar-Restawrazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu hu li Alla jkompli jkellem lil uliedu! Huwa ma jinsabx moħbi fis-smewwiet iżda jitkellem illum hekk kif għamel fi żmien il-qedem.

Ħafna minn dak li jiżvela l-Mulej lill-profeti Tiegħu hu intenzjonat biex ibegħedna min-niket, kemm bħala individwi kif ukoll bħala soċjetajiet. Meta Alla jitkellem, Huwa jagħmel dan biex jgħallem, jispira, isaffi u jwiddeb lil uliedu. Meta l-individwi u s-soċjetajiet jinjoraw it-tagħlim ta’ Missierna tas-Smewwiet, huma jagħmlu dan b’ riskju li jispiċċaw jaqgħu fil-gwaj, fis-sofferenza u fl-inkwiet.

Alla jħobb lil uliedu kollha. Hu għalhekk li Huwa jkellimna b’ tant ħerqa permezz tal-profeti Tiegħu. L-istess kif aħna rridu l-aħjar għall-maħbubin tagħna, Missierna tas-Smewwiet irid l-aħjar għalina. Għalhekk l-istruzzjonijiet Tiegħu huma tant importanti u xi kultant urġenti. Għalhekk Huwa llum ma abbandunaniex iżda kontinwament ikompli jiżvela r-rieda Tiegħu lilna permezz tal-Profeti Tiegħu. Id-destin tagħna u tad-dinja li qegħdin fiha jiddependi minn kemm aħna sa nisimgħu u nagħtu kas il-kliem li Alla jiżvela lil uliedu.

L-istruzzjonijiet imprezzabbli ta’ Alla lill-umanità jinsabu fil-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon, id-Duttrina u Patti u l-Perla ta’ Valur Kbir. Barra minn hekk, il-Mulej ikellimna permezz tal-qaddejja Tiegħu, kif sa jerġa’ jagħmel fil-konferenza ġenerali li jmiss.

Għal dawk kollha li jiddubitaw jekk xi ħaġa bħal din tistax verament isseħħ—u li forsi jistgħu jistaqsu, “Huwa possibbli illum li Alla jkellimna?”—b’ qalbi kollha nistieden lil kull wieħed minnkom u ngħidlu “ejja u ara” (Ġw 1:46). Aqraw il-kelma ta’ Alla kif tinsab fl-iskrittura. Isimgħu l-konferenza ġenerali b’ widnejn lesti li jisimgħu leħen Alla mwassal lilna permezz tal-profeti tal-aħħar jiem. Ejjew, isimgħu u araw b’ qalbkom! Għaliex jekk tfittxu “b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni vera, b’ fidi fi Kristu, [Alla] jurikom il-verità, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (Moroni 10:4). B’ din il-qawwa u permezz ta’ din il-qawwa, jiena naf li Ġesù Kristu jgħix u jidderieġi l-Knisja Tiegħu permezz ta’ profeta ħaj, sewwasew il-President Thomas S. Monson.

Ħuti, Alla verament ikellimna llum. U Huwa jixtieq li wliedu kollha jisimgħu u jagħtu kas tal-vuċi Tiegħu. Hekk kif nagħmlu dan, il-Mulej iberikna u jsostnina bil-qawwa kollha, kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fid-dinjiet li għad iridu jiġu.

Ipprintja