Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Marzu 2012
Uliedi n-Nisa fis-Saltna Tiegħi
Studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet. Huwa jafna, iħobbna u għandu għalina pjan. Parti minn dan il-pjan tinkludi li niġu hawn fid-dinja u nitgħallmu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin. Meta nagħżlu li nżommu l-kmandamenti ta’ Alla, aħna nonorawh u nagħrfu l-identità tagħna bħala wlied Alla. Is-Soċjetà tal-Għajnuna tgħinna niftakru f’dan il-wirt divin tagħna.
Is-Soċjetà tal-Għajnuna u l-istorja tagħha tqawwina u ssostnina. Julie B. Beck, president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, qalet: “Bħala wlied Alla, intom qed titħejjew għal titli eterni, u lkoll kemm intom għandkom identità, natura u responsabbiltà femminili. Is-suċċess tal-familji, ta’ komunitajiet sħaħ, ta’ din il-Knisja u tal-pjan prezzjuż tas-salvazzjoni jiddependi fuq il-fedeltà tagħkom. … [Missierna tas-Smewwiet] ried li s-Soċjetà tal-Għajnuna tgħin tibni l-poplu Tiegħu u tħejjih għall-barkiet tat-tempju. Huwa waqqaf [is-Soċjetà tal-Għajnuna] biex jgħaqqad lil uliedu n-nisa mal-ħidma Tiegħu u sabiex jingaġġahom miegħu ħalli jgħinuh fil-bini tas-saltna Tiegħu u jsaħħu d-djar ta’ Sijon.”1
Missierna tas-Smewwiet tana ħidma speċifika sabiex ngħinu fil-bini tas-Saltna Tiegħu. Huwa berikna wkoll b’ doni spiritwali li għandna bżonn biex inwettqu din il-ħidma speċifika. Permezz tas-Soċjetà tal-Għajnuna, aħna għandna opportunitajiet li nużaw id-doni tagħna biex insaħħu l-familji, ngħinu li min hu fil-bżonn, u nitgħallmu ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
Il-President Dieter F. Uchtdorf, it-Tieni Kunsillier fl-Ewwel Presidenza, qal dan dwar li tgħix bħala dixxiplu: “Meta bil-paċenzja kollha ngħixu bħala dixxipli, aħna nuru lilna nfusna il-kobor tal-fidi tagħna u kemm aħna lesti li naċċettaw ir-rieda ta’ Alla minflok nagħmlu dak li rridu.”2
Ejjew niftakru li aħna wlied Alla u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu bħala dixxipli Tiegħu. Hekk kif nagħmlu dan, aħna ngħinu nibnu s-saltna ta’ Alla hawn fid-dinja u nsiru denji li mmorru lura fil-preżenza Tiegħu.
Mill-Iskrittura
Żakkarija 2:10; Doctrine and Covenants 25:1, 10, 16; 138:38–39, 56; “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” (Liahona u Ensign, Nov. 2010, 129)
Mill-Istorja Tagħna
Fit-28 ta’ April, 1842, il-Profeta Joseph Smith qal dan il-kliem lill-aħwa nisa tas-Soċjetà tal-Għajnuna: “Intom issa ġejtu mqiegħda f’ sitwazzjoni li fiha tistgħu taġixxu skont dawk is-sentimenti li Alla ħawwel fikom. … Jekk tgħixu denji tal-privileġġi tagħkom, l-anġli ma jibqgħux lura milli jgħinukom.”3
Wara li hija għarfet il-qawwa tas-Soċjeta tal-Għajnuna li taqdi lil ħaddieħor u li tgħin l-individwi jikbru fil-fidi tagħhom, fl-1893, Zina D. H. Young, it-tielet president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, wiegħdet dan li ġej lill-aħwa nisa, “Jekk tfittxu fil-fond ta’ qalbkom issibu, bl-għajnuna tal-Ispirtu tal-Mulej, il-perla ta’ valur kbir, it-testimonjanza ta’ din il-ħidma.”4
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, March 2012. Maltese. 10363 159