Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2012
“Huwa Qam”
Testimonjanza ta’ Profeta
“Is-sejħa urġenti tal-Kristjanità,” iddikjara l-President Thomas S. Monson hi li Ġesù ta’ Nazaret qam mill-imwiet. “Ir-realtà tar-Reżurrezzjoni tipprovdilna lkoll dik il-paċi li tiżboq kull għarfien” (ara Filippin 4:7).1
Fis-siltiet li ġejjin, il-President Monson jaqsam it-testimonjanza u l-gratitudni tiegħu għar-Reżurrezzjoni tas-Salvatur u jiddikjara li minħabba li l-Iben għeleb il-mewt, l-ulied kollha tal-Missier li jiġu fid-dinja jerġgħu jgħixu mill-ġdid.
Il-Ħajja lil hinn mill-Mortalità
“Jiena nemmen li ħadd minna ma jista’ jifhem għal kollox dak li għamel Kristu għalina fil-Ġetsemani, iżda jiena ninsab grat kull jum ta’ ħajti għas-sagrifiċċju Tiegħu tal-Att tal-Fidwa f’isimna lkoll.
“F’ dak l-aħħar mument, Huwa seta’ reġa’ bdielu. Iżda mhux hekk għamel. Huwa għadda minn kollox sabiex ikun jista’ jsalva kollox. Għax għamel dan, Huwa tana l-ħajja lil hinn minn din l-eżistenza mortali. Huwa ħelisna mill-Waqgħa ta’ Adam.
“Mill-fond ta’ ruħi, jiena grat għalih. Huwa għallimna kif ngħixu. Huwa għallimna kif immutu. Huwa assigura s-salvazzjoni tagħna.”2
Neħilsu mid-Dalma tal-Mewt
“F’ ċerti sitwazzjonijiet, bħal meta xi ħadd ikun qed isofri jew ikun marid, il-mewt tiġi bħall-anġlu tal-ħniena. Iżda fil-biċċa l-kbira, aħna nħarsu lejha bħala l-għadu tal-ferħ uman.
“Nistgħu neħilsu mid-dalma tal-mewt permezz tad-dawl tal-verità żvelata lilna. ‘Jien hu l-qawmien u l-ħajja,’ qal l-Imgħallem. ‘Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix: U kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.’
“Din l-assigurazzjoni—iva, saħansitra l-konferma mqaddsa—ta’ ħajja lil hinn mill-qabar tista’ tipprovdilna l-paċi mwiegħda mis-Salvatur meta huwa assigura lid-dixxipli Tiegħu: ‘Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi: ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbażża’. ’”3
M’Huwiex Hawn
“Is-Salvatur tagħna reġa’ beda jgħix. Kienet seħħet l-aktar ġrajja glorjuża, ta’ faraġ, u li tneħħi kull dubju fl-istorja umana—ir-rebħa fuq il-mewt. L-uġigħ u l-agunija tal-Ġetsemani u l-Kalvarju ġew megħluba. Is-salvazzjoni tal-umanità ġiet assigurata. Ġejna meħlusin mill-Waqgħa ta’ Adam.
“Il-qabar vojt f’ dik l-għodwa tal-Ewwel Għid kienet it-tweġiba għall-mistoqsija ta’ Ġob, ‘Jekk bniedem imut, jista’ jerġa’ jgħix?’ Lilkom kollha li qed tisimgħuni, jiena niddikjara, Iva, jekk bniedem imut, huwa jerġa’ jgħix. Aħna nafu dan, għaliex għandna d-dawl tal-verità żvelata. …
“Għeżież ħuti, fis-siegħa tan-niket tagħna, nistgħu niksbu paċi profonda permezz ta’ kliem l-anġlu f’ dik l-għodwa tal-ewwel Għid: ‘M‘huwiex hawn: huwa qam.’”4
Lkoll Nerġgħu Ngħixu mill-Ġdid
“Nidħku, nibku, naħdmu, niddevertu, inħobbu, ngħixu. U mbagħad immutu. …
“U mejtin konna nibqgħu kieku ma kienx għal Bniedem wieħed u l-missjoni Tiegħu, sewwasew Ġesù ta’ Nazaret. …
“B’ qalbi kollha u b’ħerqa kbira f’ ruħi, jiena ngħolli leħni f’ testimonjanza bħala xhud speċjali u niddikjara li Alla verament jgħix. Ġesù hu Ibnu, l-Uniku Iben Imnissel mill-Missier fid-demm u l-laħam. Huwa l-Feddej tagħna, Huwa l-Medjatur tagħna mal-Missier. Kien Hu li miet fuq is-salib biex ipatti għal dnubietna. Huwa sar l-ewwel frott tar-Reżurrezzjoni. Għaliex Huwa miet, ilkoll sa nerġgħu ngħixu mill-ġdid.”5
Xhud Personali
“Niddikjara x-xhieda personali tiegħi li l-mewt ġiet megħluba, il-vittorja fuq il-qabar intrebħet. J’ Alla l-kliem magħmul sagru minnu stess li ġabu fis-seħħ isir għarfien veru għal kulħadd. Ftakruh dan il-kliem. Għożżuh. Onorawh. Huwa Qam mill-mewt.”6
© 2012 by Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, April 2012. Maltese. 10364 159