Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Lulju 2012
Dejjem fin-Nofs
Skont ħafna kalendarji minn madwar id-dinja, Lulju jirrappreżenta nofs is-sena. Filwaqt li bosta drabi niċċelebraw u niftakru l-bidu u t-tmiem ta’ ħafna affarijiet, hemm tendenza li ninsew in-nofs ta’ dan kollu.
Il-bidu hu żmien li fih nagħmlu r-riżoluzzjonijiet, noħolqu pjanijiet ġodda, u li nuru entużjażmu mill-aktar kbir. It-tmiem huwa żmien li fih nagħlqu dak li nkunu għamilna u jista’ jkun ikkaratterizzat minn sentimenti ta’ sudisfazzjoni jew falliment. Iżda jekk inpoġġu lilna nfusna fil-perspettiva xierqa, li nikkunsidraw lilna nfusna fin-nofs ta’ xi ħaġa jista’ jgħinna mhux biss nifhmu l-ħajja xi ftit aħjar iżda wkoll li ngħixuha bi ftit aktar skop.
In-Nofs tal-Ħidma Missjunarja
Meta nkellem lill-missjunarji żgħażagħ tagħna, jiena spiss ngħidilhom li huma jinsabu f’ nofs il-missjoni tagħhom. Kemm jekk ikunu għadhom kemm waslu ġurnata qabel, kemm jekk ikunu se jitilqu lejn darhom l-għada, jiena nitlobhom sabiex iħarsu lejhom infushom daqslikieku dejjem qegħdin fin-nofs.
Il-missjunarji l-ġodda jafu jħossuhom li huma ferm neqsin mill-esperjenza biex jistgħu jkunu effettivi, u għalhekk huma jdumu biex jibdew jitkellmu jew jaġixxu b’ ċerta kunfidenza jew konvinzjoni. Dawk il-missjunarji li jkunu waslu biex itemmu l-missjoni tagħhom jafu jħossuhom xi ftit imdejqin li l-missjoni tagħhom tkun wasslet biex tintemm, jew jafu jnaqqsu mir-ritmu hekk kif jibdew jaħsbu x’ se jagħmlu wara l-missjoni tagħhom.
Tkun xi tkun iċ-ċirkustanza u jkun fejn ikun il-post li jkunu qed jaqdu fih, il-verità hi li l-missjunarji tal-Mulej qegħdin kuljum jiżirgħu kwantità kbira ta’ żerriegħa tajba. Li jħarsu lejhom infushom daqslikieku qegħdin f’ nofs il-missjoni tagħhom jimla’ lil dawn ir-rappreżentanti tal-Mulej b’ aktar ħeġġa u enerġija. Dak li jgħodd għall-missjunarji full-time, jgħodd għalina lkoll.
Aħna Ninsabu Dejjem fin-Nofs
Din il-bidla fil-perspettiva tagħna hi aktar minn sempliċement logħob bil-ħsieb. Hemm verità sublimi wara l-idea li aħna qegħdin dejjem fin-nofs. Jekk naqbdu mappa u nsibu fuqha l-post li bħalissa ninsabu fih, tiġina t-tentazzjoni li ngħidu li ninsabu fil-bidu. Iżda jekk inħarsu aktar mill-viċin, il-post li ninsabu fih huwa sempliċiment in-nofs ta’ post ferm akbar.
Dak li qed ngħidu għall-ispazju, l-istess nistgħu ngħiduh għaż-żmien. Nistgħu nħossuna li ninsabu fil-bidu jew fit-tmiem ta’ ħajjitna, iżda meta nħarsu lejn fejn qegħdin fl-isfond tal-eternità—meta nirrealizzaw li l-ispirtu tagħna ilu jeżisti minn żmien li m’aħniex kapaċi nkejluh u, permezz tas-sagrifiċċju perfett u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, ruħna sa tkompli teżisti għall-eternità kollha li għandna quddiemna—aħna nkunu nistgħu nagħrfu li verament aħna ninsabu fin-nofs.
Reċentement ħassejt il-bżonn li nibdel il-lapida tal-qabar tal-ġenituri tiegħi. L-elementi tul iż-żmien kienu ħallew l-effett tagħhom fuq l-oqbra, u għalhekk ħassejt li lapida ġdida tixraq ferm aktar għall-ħajja mill-aktar eżemplari li huma għexu. Meta ħarist lejn id-dati tat-twelid u d-dati tal-mewt fuq il-lapida, magħqudin flimkien permezz tas-soltu daxx ċkejken u insinifikanti, fil-pront dan is-simbolu tas-snin kollha li huma għexu mela moħħi u qalbi b’ abbundanza ta’ memorji mill-isbaħ. Kull waħda minn dawn il-memorji għeżież tirrifletti xi mument partikolari f’ nofs il-ħajja tal-ġenituri tiegħi u f’ nofs ħajti.
Hi x’ inhi l-età tagħna u noqogħdu fejn noqogħdu, meta f’ ħajjitna sseħħ xi ħaġa, aħna dejjem inkunu ninsabu fin-nofs. Nagħmlu x’ nagħmlu, aħna dejjem sa nkunu fin-nofs.
It-Tama li Nkunu fin-Nofs
Iva, tul ħajjitna jkun hemm mumenti ta’ bidu u mumenti ta’ tmiem, iżda dawn huma biss dettall fl-isfond il-kbir li hu n-nofs tal-ħajja eterna tagħna. Sew jekk ninsabu fil-bidu, sew fit-tmiem, sew jekk aħniex żgħar, sew xjuħ, il-Mulej jista’ jużana għall-għanijiet Tiegħu jekk aħna sempliċement nwarrbu minn moħħna dawk il-ħsibijiet li jistgħu jillimitaw il-kapaċità tagħna li nservu u minflok nħallu r-rieda Tiegħu tfassal ħajjitna.
Is-Salmista jgħid, “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; [għandna] nifirħu u nithennew fih” (Salm 118:24). Il-Profeta Amuleki jfakkarna li “din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bnedmin iħejju biex jiltaqgħu ma’ Alla; iva, araw iż-żmien ta’ din il-ħajja huwa ż-żmien li fih il-bnedmin għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom” (Alma 34:32; enfażi miżjuda). U l-poeta kiteb, “Għal Dejjem—huwa kompost minn għadd ta’ Issa.”1
Li tkun dejjem fin-nofs ifisser li l-logħba qatt ma tintemm, it-tama qatt ma tintilef, it-telfa qatt mhi finali. Għax ninsabu fejn ninsabu jew huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, quddiemna għandna eternità sħiħa ta’ preludji u eternità sħiħa ta’ finali.
Aħna ninsabu dejjem fin-nofs.
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, July 2012. Maltese. 10367 159