Messagg tal-Ewwel Presidenza, Awwissu 2012
Is-Sejħa tas-Salvatur biex Inservu
Dawk kollha li studjaw il-matematika jafu denominatur komuni x’ inhu. Għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, hemm denominatur komuni li jgħaqqadna lkoll flimkien. Dan id-denominatur komuni huwa s-sejħa individwali li lkoll kemm aħna nirċievu sabiex inwettqu ċertu ħidma fis-saltna ta’ Alla hawn fid-dinja.
Inti qatt kont ħati ta’ tgergir meta rċevejt xi sejħa? Jew dejjem taċċetta bil-ferħ kull opportunità li jkollok sabiex taqdi lil ħutek, għax taf li Missierek tas-Smewwiet ibierek lil dawk li Huwa jsejjaħ?
Nittama li aħna ma nitilfux l-oġġettiv reali tal-opportunitajiet għeżież li jista’ jkollna sabiex inservu. Dan l-oġġettiv, dan l-għan etern, huwa l-istess wieħed li tkellem dwaru l-Mulej u li nsibuh fil-Ġawhra ta’ Valur Kbir: “Għax araw, din hija l-ħidma tiegħi u l-glorja tiegħi—li tiġi fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”1
J’ Alla aħna dejjem niftakru li l-mantell tas-sħubija fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem mhijiex il-kappa tal-kumdità iżda minflok il-libsa tar-responsabbiltà. Id-dover tagħna, barra li nsalvaw lilna nfusna, hu li niggwidaw lil ħaddieħor lejn is-saltna ċelestjali ta’ Alla.
Jekk aħna nimxu minn jeddna fil-mogħdija tas-servizz ta’ Alla, aħna qatt ma nispiċċaw fil-pożizzjoni li spiċċa fiha l-Kardinal Wolsey ta’ Shakespeare. Imneżża’ mis-setgħa wara li kien qatta’ ħajtu kollha jaqdi lis-sultan, jilmenta bin-niket:
Kieku jiena qdejt lil Alla b’ nofs l-entużjażmu
li bih qdejt lis-sultan, Huwa ma kienx, fl-età avvanzata tiegħi,
Iħallini għeri f’ idejn l-għedewwa tiegħi.2
X’ Tip ta’ servizz jeħtieġ minna s-smewwiet? “Il-Mulej jeħtieġ il-qalb u moħħ lest għalih; u dawk li jinsabu lesti u obbidjenti għandhom jieklu l-frott bnin tal-art ta’ Sijon f’ dawn l-aħħar jiem.”3
Ikolli nieqaf naħseb meta jiġi f’ moħħi kliem il-President John Taylor (1808–87): “Jekk intom ma tkabbrux is-sejħa tagħkom, Alla jżommkom responsabbli għal dawk li stajtu ssalvaw kieku għamiltu dmirkom sewwa.”4
Bħal torċ jiddi t-tjubija hija l-ħajja ta’ Ġesù hekk kif Huwa jamministra fost il-bnedmin. “Jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej,”5 iddikjara Ġesù hekk kif huwa rrestawra s-saħħa f’ riġlejn il-magħtub, id-dawl f’ għajnejn l-għami, is-smigħ f’ widnejn it-trux u l-ħajja f’ ġisem il-mejjet.
Permezz tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, l-Imgħallem għallimna sabiex inħobbu lil għajrna bħalna nfusna.6 Permezz tat-tweġiba Tiegħu lill-ħâkem żagħżugħ u għani, Huwa għallimna sabiex ninżgħu minn fuqna l-egoiżmu.7 Meta tema’ lill-5,000 ruħ, Huwa għallimna sabiex nilħqu l-bżonnijiet tal-oħrajn.8 U permezz tal-Priedka fuq l-Għolja, Huwa għallimna sabiex infittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla.9
Fid-Dinja l-Ġdida, il-Mulej imqajjem mill-imwiet iddikjara, “Intom tafu x’ għandkom tagħmlu fil-Knisja tiegħi; għaliex l-għemejjel li lili rajtuni nwettaq intom ukoll għandkom twettquhom; għaliex dak li rajtu lili nagħmel intom ukoll għandkom tagħmlu;”10
Aħna nbierku lil ħaddieħor hekk kif naqdu fid-dell ta’ “Ġesù ta’ Nazaret … li għadda jagħmel il-ġid.”11 Alla jberikna li niksbu l-ferħ hekk kif aħna nservu lil Missierna tas-Smewwiet filwaqt li nkunu qed inservu lil uliedu fid-dinja.
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, August 2012. Maltese. 10368 159