Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Awwissu 2012
Irreaġixxi Meta Jkun Meħtieġ
Permezz tat-talb studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
Bħala għalliema taż-żjajjar, wieħed mill-għanijiet tagħna hu li nsaħħu l-familji. L-aħwa nisa li aħna nżuru għandhom ikunu kapaċi jgħidu, “Jekk ikolli xi problema, naf li l-għalliema taż-żjajjar tiegħi sa jkunu lesti jgħinuni mingħajr ma nitlobhom.” Sabiex inservu, aħna għandna responsabbiltà li nkunu konxji tal-bżonnijiet tal-aħwa li aħna nżuru. Meta nfittxu l-ispirazzjoni, inkunu nafu kif nirrispondu għall-bżonnijiet spiritwali u temporali ta’ kull oħt li niġu mqabbdin inżuru. Imbagħad, permezz tal-ħin, tal-kapaċitajiet u t-talenti tagħna u permezz tat-talb tal-fidi u tas-sapport spiritwali u emozzjonali tagħna, aħna nkunu nistgħu ngħinu billi nagħtu servizz kompassjonali waqt żminijiet ta’ mard, mewt u f’ xi ċirkustanzi speċjali oħra.1
Bis-saħħa tar-rapporti li jgħaddulha l-għalliema taż-żjajjar, il-presidenza tas-Soċjetà tal-Għajnuna tkun tista’ tidentifika lil dawk li għandhom xi bżonnijiet speċjali minħabba xi mard fiżiku jew emozzjonali, xi sitwazzjonijiet urġenti oħra, u anke xi twelid, mewt, diżabbiltà, solitudni jew xi sfidi oħra. Imbagħad il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tirrapporta lill-isqof b’ dak kollu li ssib. Hija tikkoordina l-għajnuna meħtieġa taħt id-direzzjoni tiegħu.2
Bħala għalliema taż-żjajjar aħna għandna “raġuni kbira … sabiex nifirħu” minħabba “l-barkiet li aħna rċevejna, li ġejna magħżulin bħala strumenti f’ idejn Alla biex titwettaq din il-ħidma kbira” (Alma 26:1, 3).
Mill-Iskrittura
Mattew 22:37–40; Luqa 10:29–37; Alma 26:1–4; Doctrine and Covenants 82:18–19
Mill-Istorja Tagħna
Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, il-membri kienu ftit u kollha mill-istess inħawi. Il-membri setgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom f’ ħin qasir meta jkun hemm xi ħadd fil-bżonn. Illum hawn ’il fuq minn 14-il miljun membru u jinsabu mifruxin madwar id-dinja. It-tagħlim taż-żjajjar huwa parti mill-pjan tal-Mulej biex Huwa jipprovdi l-għajnuna lil uliedu.
“L-unika sistema li tista’ tipprovdi l-għajnuna u l-faraġ madwar knisja tant kbira f’ dinja daqshekk varjata hija biss permezz ta’ qaddejja individwali li jkunu viċin dawk fil-bżonn,” qal il-President Henry B. Eyring, l-Ewwel Kunsillier fl-Ewwel Presidenza.
“… Kull isqof u kull president ta’ kull fergħa għandu miegħu president tas-Soċjetà tal-Għajnuna fuq minn jiddependi,” kompla hu. “Hija għandha magħha għalliema taż-żjajjar, li jafu bl-isfidi u l-bżonnijiet ta’ kull oħt. Hija tista’, permezz tagħhom, tkun taf il-qlub tal-individwi u l-familji. Hija tista’ tilħaq il-bżonnijiet u tgħin lill-isqof fis-sejħa tiegħu biex jieħu ħsieb il-familji u l-individwi.”3
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, August 2012. Maltese. 10368 159