2012
Naqsmu l-Evanġelju b’ Imħabba minn Qalbna għal Qalbhom
Settembru 2012


Messagg tal-Ewwel Presidenza, Settembru 2012

Naqsmu l-Evanġelju b’ Imħabba minn Qalbna għal Qalbhom

Immaġni
Il-President Henry B. Eyring

Alla jressaq persuni mħejjija viċin il-qaddejja mħejjija Tiegħu li jridu jaqsmu l-evanġelju. Żgur li xi darba inti esperjenzajt dan. Kemm -il darba dan jiġri jiddependi fuq it-tħejjija ta’ moħħok u qalbek.

Jiena għandi ħabib li jitlob kuljum sabiex jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jinsab mħejji jirċievi l-evanġelju. Huwa dejjem iġorr miegħu kopja tal-Ktieb ta’ Mormon. Lejliet li kellu jagħmel vjaġġ qasir, huwa ddeċieda li ma jiħux miegħu kopja tal-ktieb iżda minflok iġorr fuqu kartolina li titqassam. Iżda hekk kif kien lest biex jitlaq, ħass l-ispirtu ġewwa fih jgħidlu: “Ħu miegħek Ktieb ta’ Mormon.” Huwa poġġa kopja fil-basket.

Meta, waqt il-vjaġġ, poġġiet ħdejh waħda mara li kien jaf, huwa qal bejnu u bejn ruħu, “Tgħid din hi?” Hija reġgħet vjaġġat miegħu huma u sejrin lura. Huwa ħaseb, “Kif sa nibda nitkellem fuq l-evanġelju?”

Minflok, hija qaltlu, “Inti tħallas id-dieċmi lill-knisja tiegħek, hux?” Huwa qal li hekk jagħmel. Hija qaltlu li suppost hija wkoll kellha tħallas id-dieċmi lill-knisja tagħha iżda tonqos li tagħmel dan. Imbagħad staqsietu, “Xi tgħidli fuq il-Ktieb ta’ Mormon?”

Huwa spjega li l-ktieb huwa skrittura, xhieda oħra ta’ Ġesù Kristu, tradott mill-Profeta Joseph Smith. Hija dehret interessata, għalhekk huwa daħħal idu fil-basket u qal, “Ħassejt li kelli nġib miegħi dan il-ktieb. Naħseb minħabba fik.”

Hija bdiet taqrah. Hekk kif kienu qed jinfirdu, hija qalet, “Inti u jiena sa jkollna ferm aktar konverżazzjonijiet dwar dan.”

Dak li sieħbi ma setax ikun jaf —iżda li Alla kien jaf —hu li hi kienet qed tfittex knisja. Alla kien jaf li hi kienet ilha tinnota lil sieħbi u taħseb għaliex il-knisja tiegħu għamlitu daqshekk ferħan. Alla kien jaf li hija kienet sa tistaqsi dwar il-Ktieb ta’ Mormon u li hija kienet sa tkun lesta biex tiġi mgħallma mill-missjunarji. Hija kienet imħejjija. L-istess kien sieħbi. Inti u jien ukoll nistgħu nkunu mħejjija.

It-tħejjija li għandna bżonn hija f’ moħħna u f’ qalbna. Il-mara kienet semgħet u ftakret xi kliem dwar il-Ktieb ta’ Mormon, il-Knisja rrestawrata tal-Mulej u l-kmandament li nħallsu d-dieċmi lil Alla. U f’ qalbha bdiet tħoss il-bidu tax-xhieda tal-verità.

Il-Mulej qal li huwa jiżvela l-verità f’ qalbna u f’ moħħna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara D&C 8:2). Bosta min-nies li tiltaqa’ magħhom kellhom il-bidu ta’ dik it-tħejjija. Huma semgħu jew qraw fuq Alla u fuq il-kelma Tiegħu. Jekk qalbhom hija ratba biżżejjed, huma żgur li ħassew, permezz tal-vuċi siekta, konferma tal-verità.

Il-mara kienet imħejjija. L-istess kien sieħbi, il-Qaddis tal-Aħħar Jiem li studja l-Ktieb ta’ Mormon. Huwa ħass fih ix-xhieda li l-ktieb hu veru, u għaraf id-direzzjoni mill-Ispirtu li jieħu miegħu kopja tiegħu. Huwa kien imħejji kemm f’ moħħu kif ukoll f’ qalbu.

Alla qed iħejji ċerti nies sabiex jirċievu t-testimonjanza tiegħek tal-verità rrestawrata. Huwa jeħtieġ il-fidi tiegħek u mbagħad irid li inti taġixxi billi taqsam mingħajr ebda biża’ dak li għalik u għal dawk li tħobb sar tant prezzjuż.

Ibda ħejji lilek innifsek billi kuljum timla moħħok bil-veritajiet tal-evanġelju. Hekk kif inti żżomm il-kmandamenti u tonora l-patti tiegħek, inti tħoss it-testimonjanza tal-Ispirtu u l-imħabba tas-Salvatur b’ abbundanza akbar kemm għalik kif ukoll għal dawk li tiltaqa’ magħhom.

Jekk inti tagħmel il-parti tiegħek, tikber l-opportunità li jkollok l-esperjenza sabiħa li tiltaqa’ ma’ nies li huma lesti sabiex jisimgħu t-testimonjanza tiegħek tal-verità—offruta minn qalbek għal qalbhom.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

Ikkunsidra li taqra l-messaġġ flimkien mal-familja u ddiskuti l-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar, fejn il-President Eyring jiddiskuti modi kif tista’ tissaħħaħ it-testimonjanza tal-persuna. Iddiskuti flimkien mal-familja l-importanza li naqsmu t-testimonjanza tagħna meta naqsmu l-evanġelju. It-tfal fil-familja jistgħu jsibuha ta’ għajnuna jekk jipprattikaw fid-dar kif għandhom jaqsmu t-testimonjanza tagħhom mal-ħbieb.

Ipprintja