Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Ottubru 2012
Onora l-Patti Tiegħek
Permezz tat-talb studja dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutih mal-aħwa li inti żżur. Uża l-mistoqsijiet sabiex jgħinuk issaħħaħ lil ħutek u biex tagħmel lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti integrali minn ħajtek.
It-tagħlim taż-żjajjar huwa espressjoni ta’ x’tip ta’ dixxipli aħna u huwa mod kif nistgħu nonoraw il-patti tagħna hekk kif inservu u nsaħħu lil xulxin. Patt huwa wegħda sagra u li tibqa’ bejn Alla u wliedu. “Meta nintebħu li aħna wlied tal-patt, aħna nsiru nafu minn verament aħna u x’ jistenna minna Alla,” jgħid il-Presbiteru Russell M. Nelson tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. “Il-liġi Tiegħu tinkiteb fuq qalbna. Hu Alla tagħna u aħna l-poplu Tiegħu.”1
Bħala għalliema taż-żjajjar aħna nistgħu nsaħħu lil dawk li aħna nżuru fl-isforzi tagħhom li jżommu l-patti sagri tagħhom. Jekk nagħmlu dan, inkunu qed ngħinuhom iħejju għall-barkiet tal-ħajja eterna. “Kull oħt f’ din il-Knisja li għamlet patti mal-Mulej għandha mandat divin li tgħin sabiex issalva l-erwieħ, li tmexxi lin-nisa tad-dinja, li ssaħħaħ id-djar ta’ Sijon u li tibni s-saltna ta’ Alla”2 qal il-Presbiteru M. Russell Ballard tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.
Hekk kif nagħmlu u nżommu dawn il-patti sagri, aħna nsiru strumenti f’ idejn Alla. Inkunu kapaċi nartikulaw it-twemmin tagħna u nsaħħu l-fidi ta’ xulxin f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ġesù Kristu.
Mill-Iskrittura
1 Nephi 14:14; Mosiah 5:5–7; 18:8–13; Doctrine and Covenants 42:78; 84:106
Mill-Istorja Tagħna
It-tempju huwa “post ta’ ringrazzjament għall-qaddisin kollha,” żvela l-Mulej lill-Profeta Joseph Smith fl-1833. Huwa “post ta’ tagħlim għal dawk kollha li ġew imsejħa għall-ħidma tal-ministeru fid-diversi sejħiet u uffiċċji tagħha; sabiex huma jiġu pperfezzjonati fl-għarfien tal-ministeru, fit-teorija, fil-prinċipju u fid-duttrina, f’ kull ħaġa li tappartjeni għas-saltna ta’ Alla fid-dinja” (D&C 97:13–14).
L-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna ġewwa Nauvoo, Illinois, għall-ħabta tal-1840 għenu lil xulxin iħejju għall-ordinanzi tat-tempju. Fl-ordinanzi tal-ogħla saċerdozju li rċevew il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem fit-Tempju ta’ Nauvoo, “dehret il-qawwa tad-divinità” (D&C 84:20). “Hekk kif il-Qaddisin żammew il-patti tagħhom, din il-qawwa saħħithom u sostniethom waqt l-isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom fil-jiem u s-snin ta’ wara.”3
Fil-Knisja illum, bosta nisa u rġiel fidili jinsabu jservu fit-tempji madwar id-dinja u jkomplu jsibu l-qawwa fil-barkiet li jistgħu jinkisbu biss permezz tal-patti tat-tempju.
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ Visiting Teaching Message, October 2012. Maltese. 10370 159