2012
Il-Muftieħ għal Familja Kuntenta
Ottubru 2012


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2012

Il-Muftieħ għal Familja Kuntenta

Immaġni
Il-President Dieter F. Uchtdorf

L-awtur kbir Russu Leo Tolstoy beda r-rumanz tiegħu Anna Karenina b’ dan il-kliem: “Il-familji kuntenti huma kollha l-istess; kull familja mhix kuntenta tvarja fl-iskuntentizza tagħha.”1 Għalkemm ma ninsabx ċert daqs Tolstoy li l-familji kuntenti huma kollha l-istess, sibt li fil-fatt hemm ħaġa li hi komuni fihom kollha: għandhom mod kif jaħfru u jinsew l-imperfezzjonijiet tal-oħrajn u li jfittxu dak li hu tajjeb.

Dawk li huma parti minn familji mhux kuntenti, ħafna drabi jsibu n-nuqqas, u ma jaħfrux, u qishom ma jafux jinsew dak li seħħ fil-passat.

“Iva, iżda …” jibdew dawk li mhux kuntenti. “Iva, iżda ma tafx kemm weġġgħatni,” jgħid l-ieħor. “Iva, iżda ma tafx kemm huwa mill-agħar,” tgħid l-oħra.

Forsi t-tnejn għandhom raġun; jew forsi ħadd minnhom.

Hemm diversi livelli ta’ offiżi. Hemm diversi livelli ta’ weġgħat. Iżda li nnutajt hu li ħafna drabi niġġustifikaw ir-rabja tagħna u nissodisfaw il-kuxjenza tagħna billi ntennu lilna nfusna stejjer dwar il-motivi ta’ dawk li tagħhom irridu nikkundannaw l-għemejjel bħal għemejjel egoistiċi li ma nistgħu qatt naħfruhom filwaqt li fl-istess ħin, ngħollu l-motivi tagħna bħala motivi puri u innoċenti.

Il-Kelb tas-Sultan

Hemm storja minn Wales, li tmur lura għas-seklu 13, dwar prinċep li meta rritorna d-dar sab il-kelb tiegħu bid-demm iqattar ma’ wiċċu. Ir-raġel daħal jiġri ġewwa u twerwer meta ma rax li ibnu tarbija u li l-benniena kienet tinsab rasha ’l isfel mal-art. Fis-saħna tal-mument, il-prinċep ħareġ ix-xabla u qatel il-kelb tiegħu. Ftit wara, huwa sema t-tifel tiegħu jibki—kien għadu ħaj! Maġenb iċ-ċkejken ibnu kien hemm lupu mejjet. Il-kelb, fil-verità, kien iddefenda lil bin il-prinċep mil-lupu qattiel.

Għalkemm din l-istorja hi xi ftit drammatika, tgħallimna lezzjoni. Turina l-possibbiltà li l-istorja li ntennu lilna nfusna dwar għalfejn xi nies jaġixxu b’ tali mod ma tkunx dejjem taqbel mal-fatti—xi kultant lanqas inkunu rridu nafu l-fatti. Nippreferu li nagħtu raġuni lir-rabja tagħna billi nibqgħu maħkumin mill-mibegħda u r-riżentiment. Xi kultant dawn is-sentimenti jibqgħu magħna għal xhur sħaħ u anke snin. Xi kultant jaħkmuna għall-kumplament ta’ ħajjitna.

Familja Maqsuma

Wieħed missier ma setax jaħfer lil ibnu talli żvija mit-triq li għallmu jkun fiha. It-tifel beda jagħmilha ma’ ċerti ħbieb li l-missier ma kienx jaqbel magħhom, u għamel bosta ħwejjeġ li kienu jmorru kontra dak li għallmu missieru. Dan wassal għall-firda bejn il-missier u l-iben, u mal-ewwel ċans li kellu, it-tifel telaq mid-dar u qatt ma rritorna aktar. Kważi qatt ma reġgħu tkellmu.

Kien iħossu ġġustifikat il-missier? Forsi.

Kien iħossu ġġustifikat l-iben? Forsi.

Li naf hu li din il-familja kienet maqsuma u mingħajr kuntentizza għaliex la l-missier u lanqas l-iben ma riedu jaħfru lil xulxin. Ma setgħux jaraw lilhinn mill-memorji morri li kellhom ta’ xulxin. Ħallew lil qalbhom timtela bir-rabja minflok bl-imħabba u l-maħfra. Kull wieħed minnhom ċaħħad lilu nnifsu mill-opportunità li jinfluwenza l-ħajja tal-ieħor għat-tajjeb. Il-qasma ta’ bejniethom tant dehret fonda u wiesgħa li kull wieħed minnhom spiċċa priġunier spiritwali fuq il-gżira emozzjonali tiegħu.

Fortunatament, il-Missier għaqli tas-Smewwiet tagħna, li tant iħobbna, ipprovdielna l-mod kif nistgħu ngħelbu din il-qasma kkawżata mill-kburija. L-Att tal-Fidwa kbir u infinit huwa l-att suprem tal-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Il-kobor tiegħu jmur lilhinn mill-għarfien tagħna, iżda jiena nixhed b’ qalbi kollha u ruħi kollha dwar ir-realtà tiegħu u l-qawwa fundamentali tiegħu. Is-Salvatur offra lilu nnifsu bħala ħlas għal dnubietna. Permezz Tiegħu aħna niksbu l-maħfra.

L-Ebda Familja Mhi Perfetta

Ħadd minna mhu mingħajr dnub. Kollha kemm aħna niżbaljaw, inkluż int u jien. Ilkoll ġejna mweġġgħin. Ilkoll weġġajna lil ħaddieħor.

Huwa permezz tas-sagrifiċċju tas-Salvatur tagħna li nistgħu niksbu l-eżaltazzjoni u l-ħajja eterna. Hekk kif naċċettaw it-tagħlim Tiegħu u ngħelbu l-kburija tagħna billi nrattbu qalbna, nistgħu nwasslu għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra fil-familji tagħna u fil-ħajja personali tagħna. Alla jgħinna naħfru aktar, li nkunu aktar lesti nimxu t-tieni mil, li nkunu l-ewwel nies li nitolbu apoloġija anke jekk ġara xi ħaġa li mhix it-tort tagħna, li nwarrbu fil-ġenb il-firdiet passati u ninsewhom darba għal dejjem. Grazzi lil Alla, li offra lill-Uniku Iben Imnissel Tiegħu, u lill-Iben, li ta ħajtu għalina.

Nistgħu nħossu kuljum l-imħabba ta’ Alla għalina. Aħna kapaċi nagħtu aktar minna nfusna għal għajrna kif mgħallmin nagħmlu fl-innu għażiż “Għaliex Ġejt Mogħti Ħafna”?2 Il-Mulej fetaħ għalina l-bieb tal-maħfra. Mhux ħaġa sewwa tkun jekk inwarrbu fil-ġenb l-egoiżmu u l-kburija tagħna u nibdew niftħu dak il-bieb imbierek tal-maħfra lil dawk li ninsabu f’ diżarmonija magħhom—speċjalment lill-membri kollha tal-familja tagħna?

Finalment, il-ferħ ma jiġix mill-perfezzjoni iżda billi napplikaw il-prinċipji divini, anke jekk ftit ftit. L-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu iddikjaraw: “Il-kuntentizza fil-ħajja fil-familja tista’ tinkiseb l-aktar meta tkun ibbażata fuq it-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu. Iż-żwiġijiet u l-familji li jirnexxu huma msejsa u miżmuma fuq il-prinċipji tal-fidi, it-talb, l-indiema, il-maħfra, ir-rispett, l-imħabba, il-kompassjoni, ix-xogħol, u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni xierqa.”3

Il-maħfra tinsab eżatt f’ nofs dawn il-veritajiet sempliċi, ibbażati fuq il-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet. Peress li l-maħfra tgħaqqad il-prinċipji, hija tgħaqqad lin-nies. Hija muftieħ, tiftaħ bibien magħluqa, hija l-bidu ta’ triq onesta, u hija waħda mill-aqwa tamiet li għandna għal familja kuntenta.

J’Alla Alla jgħinna nuru daqsxejn aktar maħfra fil-familji tagħna, naħfru aktar lil xulxin, u forsi nuru aktar maħfra magħna nfusna. Nitlob li nesperjenzaw il-maħfra bħala mod mill-isbaħ kif il-familji kuntenti kollha ikunu l-istess.

Noti

  1. Leo Tolstoy, Anna Karenina, trans. Constance Garnett (2008), 2.

  2. “Because I Have Been Given Much,” Hymns, no. 219.

  3. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129; 2; enfażi miżjuda.

Għallem minn Dan il-Messaġġ

“Hekk kif tħejji kull lezzjoni, staqsi lilek innifsek kif dan il-prinċipju huwa bħal xi ħaġa li l-membri tal-familja esperjenza fil-ħajja tagħhom stess” (Teaching, No Greater Call [1999], 171). Ikkunsidra li tistieden lill-membri tal-familja sabiex jaqsmu xi esperjenzi pożittivi li huma kellhom jew li osservaw permezz tal-maħfra. Iddiskuti dawn l-esperjenzi, filwaqt li tenfasizza l-barkiet tal-maħfra. Ikkonkludi billi taqsam it-testimonjanza tiegħek dwar l-importanza li naħfru lil xulxin.

Ipprintja