Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2012
Nerġgħu Niskopru l-Ispirtu tal-Milied
Xi snin ilu, meta kont għadni presbiteru żagħżugħ, ġejt imsejjaħ, flimkien ma’ oħrajn, sabiex immur fi sptar ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake biex inkun nista’ nipprovdi barka lit-tfal morda. Hekk kif dħalna, innutajna siġra tal-Milied bid-dwal jiddi u li jilqgħek, u taħt il-friegħi tagħha kien hemm diversi rigali mgeżwrin. Imbagħad għaddejna minn qalb il-kuruturi minn fejn laqgħuna bosta tfal ċkejknin – bi tbissima fuq wiċċhom – uħud minnhom b’dirgħajhom jew riġlejhom fil-ġibs u oħrajn morda b’ xi mard li forsi ma tantx setgħu jfiqu minnu malajr.
Wieħed tfajjel marid serjament sejjaħli u qalli, “X’ jismek?”
Għidtlu x’ jisimni, u staqsieni, “Tagħtini barka?”
Tajnieh barka u hekk kif dorna biex nitilqu minn ħdejn is-sodda tiegħu, huwa qalilna, “Grazzi ħafna.”
Imxejna ftit passi, u mbagħad smajtu jsejjaħli, “Brother Monson, il-Milied it-tajjeb lilek.” Imbagħad feġġet tbissima kbira fuq ħaddejh.
Dak it-tfajjel kellu l-ispirtu tal-Milied. L-ispirtu tal-Milied huwa xi ħaġa li nittama li lkoll kemm aħna jkollna f’ qalbna u f’ ħajjitna – mhux biss f’ dan iż-żmien partikolari iżda tul is-sena kollha.
Meta jkollna l-Ispirtu tal-Milied, aħna niftakru f’ Dak li Tiegħu qegħdin niċċelebraw it-twelid f’ dan iż-żmien tas-sena. “Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.” (Luqa 2:11).
Fi żmienna l-ispirtu li nagħtu r-rigali lil xulxin jilgħab rwol importanti ħafna fil-mod li bih nikkommemoraw żmien il-Milied. Tgħid jaqblilna jekk nistaqsu lilna nfusna, X’ rigali l-Mulej jixtieqni nagħti lilu u lill-oħrajn f’ dan iż-żmien prezzjuż tas-sena?
Naħseb li Missierna tas-Smewwiet ikun irid li lkoll kemm aħna noffru lilu u lil Ibnu r-rigal tal-ubbidjenza. Inħoss ukoll li huwa jitlobna sabiex nagħtu minn dak li għandna u ma nkunux egoisti jew argumentattivi, kif jissuġġerixxi Ibnu fil-Ktieb ta’ Mormon:
“Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, dak li għandu l-ispirtu argumentattiv mhuwiex tiegħi, iżda tax-xitan, li … jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jargumentaw bir-rabja, wieħed mal-ieħor.
“Araw, din mhux id-duttrina tiegħi, li nqanqal qlub il-bnedmin bir-rabja, wieħed mal-ieħor; iżda d-duttrina tiegħi hija din, li dan għandna nbegħduh minna”(3 Nephi 11:29–30).
F’ din id-dispensazzjoni meraviljuża tal-milja taż-żminijiet, l-opportunitajiet tagħna li nagħtu lilna nfusna huma verament bla limitu, iżda dawn l-opportunitajiet jistgħu wkoll jevaporaw minn quddiemna. Illum għandna qlub xi nferrħu, kliem sabiħ x’ ngħidu, għemejjel tajba xi nwettqu, u erwieħ xi nsalvaw.
Wieħed li kellu viżjoni tajba tal-Ispirtu tal-Milied kiteb:
Jiena l-Ispirtu tal-Milied –
Jiena nidħol fid-dar tal-faqar, u nġib tfal dgħajfa jiftħu għajnejhom beraħ, b’ meravilja hienja.
Inġib id ix-xħiħ tinfetaħ u b’ hekk inkun lewwint marka qawwija fuq ruħu.
Inġib ix-xjuħ iġeddu ż-żgħożija tagħhom u jidħku kif darba kienu jagħmlu.
Inżomm is-sentiment romantiku ħaj f’ qalb it-tfulija, u nsebbaħ l-irqad b’ ħolm mimli maġija.
Inwassal saqajn dgħajfa sabiex jitilgħu t-turġien b’ qofof mimlija, u warajhom iħallu għadd ta’ qlub mistagħġba bit-tjubija tad-dinja.
Inġib l-iben il-ħali jieqaf għal mument fil-vjaġġ mqalleb u żvijat tiegħu u jħoss ġewwa fih is-sentiment ta’ mħabba li jwasslu biex ixerred dmugħ ta’ ferħ – dmugħ li jnaddaf is-sinjali kiefra tad-dwejjaq.
Nidħol fiċ-ċelel mudlama tal-ħabs, infakkar l-irġiel milquta f’ dak li seta’ kien u ninkoraġġihom biex iħarsu ’l quddiem għal żmien aħjar li għad irid jiġi.
Niġi nkiss inkiss fid-dar ħiemda u debboli tal-uġigħ, u dawk ix-xufftejn li huma dgħajfa wisq biex jitkellmu jispiċċaw jirtogħdu bi gratitudni siekta u elokwenti.
B’ elf mod differenti, inwassal sabiex din id-dinja għajjiena tħares lejn wiċċ Alla, u għal mument qasir tinsa dawk il-ħwejjeġ insinifikanti u miżerabbli.
Jiena l-Ispirtu tal-Milied.1
J’Alla lkoll kemm aħna nerġgħu niskopru mill-ġdid l-ispirtu tal-Milied – sewwasew l-Ispirtu ta’ Kristu.
© 2012 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Printed in Germany. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/11. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/11. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, December 2012. Maltese. 10372 159