2013
Ejjew Għandi
Mejju 2013


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Mejju 2013

“Ejjew Għandi”

Permezz ta’ kliemu u tal-eżempju Tiegħu, Kristu wriena kif aħna nistgħu nersqu aktar qrib Tiegħu.

Jiena nħossni grat li ninsab magħkom f’ din il-konferenza tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Din hija l-Knisja Tiegħu. Aħna nieħdu ismu fuqna hekk kif nidħlu fis-Saltna Tiegħu. Huwa Alla, il-Ħallieq u Hu perfett. Aħna mortali, suġġett għall-mewt u d-dnub. Madankollu bl-imħabba Tiegħu għalina u għall-familji tagħna, Huwa jistedinna sabiex inkunu aktar viċin Tiegħu. Dan huwa kliemu: “Ersqu qrib tiegħi u jiena nersaq qrib tagħkom; fittxuni bid-diliġenza kollha u ssibuni; itolbu u tirċievu; ħabbtu u l-bieb jinfetħilkom.”1

F’ dan l-istaġun tal-Għid aħna niġu mfakkra għaliex aħna lilu nħobbuh, u dwar il-wegħda li Huwa jagħmel lid-dixxipli fidili Tiegħu sabiex huma jsiru l-ħbieb għeżież Tiegħu. Is-Salvatur għamel din il-wegħda u qalilna li meta aħna nservuh, Huwa jersaq qrib tagħna. Eżempju ta’ dan hija r-rivelazzjoni mogħtija lil Oliver Cowdery hekk kif huwa serva lill-Mulej flimkien mal-Profeta Joseph Smith fit-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon: “Ara, inti Oliver, u jiena kellimtek minħabba x-xewqat tiegħek; għalhekk għożż f’ qalbek dan il-kliem. Żomm il-kmandamenti ta’ Alla b’ fedeltà u diliġenza, u b’ imħabba jiena nħaddnek f’ dirgħajja.”2

Bosta drabi b’ għemejjel żgħar li jien wettaqt fejn urejt li jiena ubbidjenti lejn il-kmandamenti, esperjenzajt fija l-ferħ għax inkun inħossni viċin aktar tas-Salvatur u Hu jkun aktar viċin tiegħi.

Intom lkoll għaddejtu minn esperjenzi bħal dawn. Jista’ jkun li esperjenzajt dan meta għażilt li tattendi xi laqgħa sagramentali. Dan ġara lili f’ jum is-Sabbath meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel. F’ dawk iż-żminijiet aħna konna nirċievu s-sagrament waqt laqgħa filgħaxija. Meta niftakar f’ dak li esperjenzajt 65 sena ilu, meta obdejt il-kmandament li ningħaqad mal-familja tiegħi u mal-qaddisin, għadni nħossni viċin aktar tas-Salvatur sal-ġurnata tal-lum.

Barra kien id-dlam u l-kesħa. Niftakar li f’ din il-kappella f’ dik il-lejla, fejn kont mal-ġenituri tiegħi, kont ħassejt verament ferħ u kenn. Konna ħadna sehem fis-sagrament, li ġie amministrat minn dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Aaroniku, fejn għamilna patt ma’ Missierna tas-Smewwiet li dejjem niftakru f’ Ibnu u nżommu l-kmandamenti Tiegħu.

Fi tmiem il-laqgħa kantajna l-innu “Abide with Me; ’Tis Eventide,” li fih hemm il-kliem “O Salvatur, ibqa’ miegħi dan il-lejl.”3

Dik il-lejla stajt inħoss l-imħabba tas-Salvatur li ħassejtu verament viċin tiegħi. U ħassejt il-faraġ tal-Ispirtu s-Santu.

Ridt inġedded għal darb’oħra s-sentimenti tal-imħabba tas-Salvatur u kemm kont ħassejtu viċin tiegħi waqt dik il-laqgħa sagramentali meta kont għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ. Għalhekk ftit ilu obdejt kmandament ieħor. Fittixt fl-iskrittura. Fiha, kont naf li stajt nerġa’ mmur lura u nħoss fija l-Ispirtu s-Santu, l-istess kif iż-żewġ dixxipli tal-Mulej mqajjem mill-imwiet ħassew meta Huwa aċċetta l-istedina tagħhom li jmur ġewwa darhom u jgħammar hemm magħhom.

Qrajt dwar it-tielet jum wara l-Kruċifissjoni u dfin Tiegħu. Nisa fidili u nies oħrajn sabu l-blata mressqa minn quddiem il-fetħa tal-qabar u raw li ġismu ma kienx hemm. Huma marru hemm b’ imħabba kbira lejh sabiex jidilkulu ġismu.

Żewġ anġli kienu weqfin fil-qrib u staqsewhom għaliex kienu qed jibżgħu, u qalulhom:

“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

“M’Huwiex hawn, imma qam: ftakru x’ kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija,

“Meta qal, li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’ idejn il-midinbin, ikun imsallab u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”4

L-Evanġelju ta’ Mark iżid id-direzzjoni li ta wieħed mill-anġli: “Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru li hu sejjer fil-Galilija: tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”5

L-Appostli u d-dixxipli kienu miġburin f’ Ġerusalem. Kif żgur kien iħossna aħna wkoll, huma bdew iħossuhom beżgħanin u bdew jiddiskutu bejniethom x’ kienet tfisser għalihom il-mewt Tiegħu u l-aħbar li Huwa kien qam mill-imwiet.

Dik il-lejla tnejn mid-dixxipli mxew minn Ġerusalem fit-triqthom lejn Għemmaws. Kristu mqajjem mill-imwiet dehrilhom fit-triq u mexa magħhom. Il-Mulej kien ġie fosthom.

Il-ktieb ta’ Luqa jagħtina ċ-ċans li nimxu flimkien magħhom:

“Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.

“Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

“U hu qalilhom, X’ intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?

“Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu, Inti waħdek il-barrani f’ Ġerusalem li ma tafx x’ ġara hemmhekk f’ dawn il-jiem?”6

Qalulu kemm kienu mnikktin li Ġesù kien miet meta huma kienu emmnu li Huwa kien sa jkun il-Feddej ta’ Israel.

Żgur li l-Mulej imqajjem mill-imwiet kien xi ftit kommoss meta Huwa kellem lil dawn iż-żewġ dixxipli li kienu tant imnikkta minħabba l-mewt Tiegħu:

“Qalilhom Ġesù, Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti:

“U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?

“U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-iskrittura fuqu.”7

Imbagħad wasal mument li minn meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel sal-lum dejjem nissel fija sentiment mill-aktar sabiħ:

“Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel ta’ bir-ruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod.

“Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu, Ibqa’ magħna: għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom.”8

Dik il-lejla s-Salvatur aċċetta l-istedina li jidħol fid-dar tad-dixxipli Tiegħu ħdejn il-villaġġ ta’ Għemmaws.

Huwa kiel magħhom. Huwa ħa l-ħobż, bierku, qasmu, u tahulhom. Għajnejhom infetħu u setgħu jagħrfuh. Imbagħad Huwa ma deherx aktar quddiemhom. Luqa ddeskrivielna s-sentiment ta’ dawk id-dixxipli mbierka: “U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu, Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-iskrittura?”9

F’ dik l-istess siegħa, iż-żewġ dixxipli ġrew lura Ġerusalem biex jirrakkontaw lill-ħdax-il Appostlu dak li kienu esperjenzaw. F’ dak il-mument reġa’ dehrilhom is-Salvatur.

Huwa semma l-profeziji tal-missjoni Tiegħu li jpatti għad-dnubiet ta’ wlied Missieru kollha u li jaqta’ l-ktajjen tal-mewt.

“U qalilhom, Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet:

“U li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalem.

“Intom xhieda ta’ dan kollu.”10

Kliem is-Salvatur iħabbar il-verità lilna bl-istess mod kif ħabbarha lid-dixxipli Tiegħu dak inhar. Aħna xhieda ta’ dan kollu. U dwar ir-responsabbiltà li aħna aċċettajna hekk kif tgħammidna fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, tkellem b’ mod sempliċi l-profeta Alma mijiet ta’ snin ilu fl-ilmijiet ta’ Mormon:

“U ġara li huwa qalilhom: Araw, dawn huma l-ilmijiet ta’ Mormon (għax hekk kienu jissejħu) u issa, kif intom għandkom ix-xewqa li tiġu fil-merħla ta’ Alla, u tissejħu l-poplu tiegħu, u intom lesti li ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa;

“Iva, u intom lesti li tibku ma’ dawk li jibku; iva, u tfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ u tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kull ħaġa, u kull fejn tkunu, sewwasew sal-mewt, sabiex intom tkunu mifdijin minn Alla, u tkunu mgħoddija ma’ dawk tal-ewwel reżurrezzjoni, ħalli jkollkom il-ħajja eterna—

“Issa ngħidilkom, jekk din hija x-xewqa ta’ qalbkom, x’ għandkom kontra li titgħammdu f’ isem il-Mulej, bħala xhieda quddiemu li intom dħaltu f’ patt miegħu, li intom sa sservuh u sa żżommu l-kmandamenti tiegħu, sabiex huwa jitfa’ l-Ispirtu tiegħu fuqkom b’ mod abbundanti?

“U issa meta n-nies semgħu dan il-kliem, huma ċapċpu idejhom bil-ferħ u għajtu lkoll: Din hi x-xewqa ta’ qalbna.”11

Aħna għamilna patt kemm li ngħinu lil dawk fil-bżonn kif ukoll li nkunu xhieda tas-Salvatur tul ħajjitna kollha.

Inkunu kapaċi biss inwettqu dan b’ suċċess jekk aħna nħossu fina mħabba lejn is-Salvatur u nħossu l-imħabba Tiegħu għalina. Hekk kif aħna nibqgħu fidili mal-wegħdiet li għamilna, aħna nħossu fina mħabba lejh. Din l-imħabba tikber għaliex meta nkunu qed inservuh aħna nħossu l-qawwa Tiegħu magħna u nħossuh jersaq viċin tagħna.

Il-President Thomas S. Monson ta’ spiss fakkarna dwar il-wegħda tal-Mulej lid-dixxipli fidili Tiegħu: “U min jilqa’ lilkom, hemm inkun jien ukoll, għaliex jiena nkun ninsab quddiemkom. Jiena nkun fuq il-lemin tagħkom u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jdawrukom, biex jgħollukom.”12

Hemm mod ieħor kif jien u intom nistgħu nħossuna nersqu aktar viċin Tiegħu. Hekk kif b’ dedikazzjoni aħna noffru servizz tagħna f’ ismu, Huwa jersaq aktar viċin tal-maħbubin tagħna fil-familji tagħna. Kull darba li ġejt imsejjaħ biex inservi f’ isem il-Mulej fejn nitlaq lilhinn minn dari u mill-familja tiegħi, sibt li l-Mulej spiċċa biex bierek lil marti u lil uliedi. Huwa ħejja b’ imħabba lill-qaddejja kollha Tiegħu kif ukoll ħejja ċerti opportunitajiet biex il-familja tiegħi tersaq aktar viċin Tiegħu.

Intom ħassejtu l-istess barkiet f’ ħajjitkom. Ħafna minnkom għandkom għeżież tagħkom li żvijaw mit-triq li twassal għall-ħajja eterna. Tista’ tgħid miegħek innifsek, x’ nista’ nagħmel aktar biex huma jerġgħu lura. Tista’ tafda fil-Mulej li Huwa jersaq viċin tagħhom hekk kif inti sservih bil-fidi.

Tiftakru l-wegħda li l-Mulej għamel lil Joseph Smith u lil Sidney Rigdon meta huma kienu ’il bogħod mill-familji tagħhom iwettqu l-ħidma Tiegħu: Ħbieb tiegħi Sidney u Joseph, il-familji tagħkom jinsabu tajbin; huma jinsabu f’ idejja, u jiena nagħmel bihom dak li naħseb li hu l-aħjar; għaliex fija hemm il-qawwa.”13

Bħal Alma u s-Sultan Mosija, bosta ġenituri fidili, għal żmien twil, servew lill-Mulej b’ diliġenza għal żmien twil u madankollu kellhom tfal li qabdu t-triq ħażina minkejja s-sagrifiċċju tal-ġenituri tagħhom f’ isem il-Mulej. Huma għamlu dak kollu li setgħu u xorta ma rawx ir-riżultat mixtieq, anke saħansitra bl-għajnuna tal-ħbieb tal-qalb u fidili tagħhom.

Alma u l-Qaddisin ta’ żmienu talbu għal ibnu u għal ulied is-Sultan Mosija. Dehrilhom anġlu. It-talb tagħkom u t-talb ta’ dawk li jeżerċitaw il-fidi tagħhom iwasslu sabiex il-qaddejja tal-Mulej jgħinu lill-membri tal-familja tiegħek. Huma jgħinuhom jagħżlu t-triq lura d-dar għand Alla, hekk kif huma jiġu attakkati minn Satana u mis-segwaċi tiegħu, li l-għan tagħhom hu li jeqirdu l-familji f’ din il-ħajja u fl-eternità.

Tiftakru l-kliem li lissen l-anġlu lil Alma ż-Żgħir u lil ulied Mosija meta huma kienu għaddejin bir-ribelljoni tagħhom: “U reġa’ qalilhom l-anġlu: Araw, il-Mulej sema’ t-talb tal-poplu tiegħu, u wkoll it-talb tal-qaddej tiegħu, Alma, li hu missierek; għax huwa talab b’ fidi kbira dwarkom li intom taslu għall-għarfien tal-verità; għalhekk, għal dan l-għan jiena ġejt biex nikkonvinċikom dwar il-qawwa u l-awtorità ta’ Alla, li t-talb tal-qaddejja tiegħu jiġi mismugħ skont il-fidi tagħhom.”14

Il-wegħda tiegħi lilkom li titolbu u sservu lill-Mulej ma tistax tkun li intom tirċievu kull barka li tixtiequ għalikom u għall-familja tagħkom. Iżda nista’ nwegħidkom li s-Salvatur jersaq aktar viċin tagħkom u jbierek lilkom u lill-familja tagħkom bl-aħjar mod. Ikollkom il-faraġ ta’ mħabbtu u tħossuh jersaq aktar viċin tagħkom hekk kif idejkom ikunu qed jagħtu servizz lil ħaddieħor. Hekk kif iddewwu l-feriti ta’ dawk li qed ibatu u toffru l-balzmu tal-Att tal-Fidwa Tiegħu lil dawk li jinsabu fin-niket tad-dnub, il-qawwa tal-Mulej issostnikom. Dirgħajh iservu bħala estensjoni ta’ dirgħajnkom sabiex jgħinu u jbierku l-ulied Missierna tas-Smewwiet, inkluż dawk il-membri tal-familja tagħkom.

Hemm laqgħa kbira u glorjuża fil-familja mħejjija għalina. Imbagħad aħna naraw it-twettiq tal-wegħda ta’ dak il-Mulej li tant ħabbejna. Huwa Hu li jilqagħna fil-ħajja eterna flimkien Miegħu kif ukoll ma’ Missierna tas-Smewwiet. Ġesù Kristu ddeskriva dan b’ dan il-mod:

“Fittxu li tibnu u twaqqfu Sijon. Żommu l-kmandamenti tiegħi f’ kollox.

“U, jekk tobdu l-kmandamenti tiegħu u tibqgħu sodi sat-tmiem intom ikollkom il-ħajja eterna, liema rigal huwa l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”15

“Għax dawk li jgħixu sa jirtu d-dinja, u dawk li jmutu sa jistrieħu mill-ħidma kollha tagħhom, u l-għemejjel tagħhom jimxu magħhom; u huma jirċievu kuruna fil-palazzi ta’ Missieri, li jiena ħejjejt għalihom.”16

Jiena nagħti xhieda li aħna nistgħu permezz tal-Ispirtu nimxu wara l-istedina ta’ Missierna tas-Smewwiet: “Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħuh!”17

Permezz ta’ kliemu u tal-eżempju Tiegħu, Kristu wriena kif nersqu aktar qrib Tiegħu. L-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet li għażlu li jidħlu mix-xatba tal-magħmudija fil-Knisja Tiegħu sa jkollhom l-opportunità li f’ din il-ħajja jiġu mgħallmin l-evanġelju Tiegħu u li jisimgħu minn fomm il-qaddejja Tiegħu l-istedina Tiegħu, “Imxu Warajja.”18

Il-qaddejja Tiegħu tal-patt fis-saltna Tiegħu fid-dinja u fid-dinja tal-ispirti jirċievu l-gwida Tiegħu permezz tal-Ispirtu Tiegħu hekk kif huma jbierku u jaqdu lil ħaddieħor f’ismu. U huma jħossu imħabbtu u jsibu l-ferħ għax ikunu resqu aktar viċin Tiegħu.

Jiena xhud tar-Reżurrezzjoni tal-Mulej daqs li kieku dik il-lejla kont hemm mad-dixxiplu Tiegħu fid-dar fi-triq ta’ Għemmaws. Jiena naf li Huwa jgħix daqs kemm kien jaf Joseph Smith meta huwa ra lill-Missier u lill-Iben fid-dawl ta’ għodwa sabiħa f’ masġar ġewwa Palmyra.

Din hi l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu. Huwa biss fl-imfietaħ tas-saċerdozju li jħaddan il-President Thomas S. Monson li tinsab il-qawwa li permezz tagħha aħna nistgħu niġu ssiġillati bħala familji biex ngħixu għal dejjem flimkien ma’ Missierna tas-Smewwiet u mal-Mulej Ġesù Kristu. f’ Jum il-Ġudizzju aħna għad irridu nieqfu, wiċċ imb’wiċċ quddiem is-Salvatur, Dan sa jkun mument ta’ ferħ ukoll għal dawk li resqu viċin tiegħu meta kienu ta’ servizz f’ ismu f’ ħajjithom. Kemm sa jkun mument ta’ ferħ meta nisimgħu l-kliem: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.”19 Jiena nixhed dan bħala xhud tas-Salvatur u l-Feddej imqajjem mill-imwiet f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja