2013
Nitbierku Jekk Nobdu
Mejju 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2013

Nitbierku Jekk Nobdu

Jekk aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla aħna niksbu għarfien tal-verità u tweġiba għall-akbar mistoqsijiet tagħna.

Għeżież ħuti, kemm jiena grat li ninsab fostkom dalgħodu. Ninteressa ruħi fil-fidi u t-talb tagħkom hekk kif bi privileġġ kbir għalija jien nindirizzakom dalgħodu.

Tul iż-żminijiet, il-bnedmin dejjem fittxew li jiksbu l-għerf u l-għarfien dwar din l-eżistenza mortali u l-iskop dwar l-irwol u l-għan tagħhom fiha, kif ukoll kif huma jistgħu jsibu l-paċi u l-hena. Aħna lkoll qed infittxu l-istess ħaġa.

Dan l-għerf u l-għarfien huwa disponibbli għall-umanità kollha. Jinsab fil-verità li hi eterna. Fid- Duttrina u Patti sezzjoni 1, vers 39, naqraw, “Araw, il-Mulej hu Alla, u l-Ispirtu jixhed dan, u x-xhieda hija vera, u l-verità tibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.”

Il-poeta kiteb:

Għalkemm tiġi l-qerda tas-sema u l-art,

Iżda żgur li soda tibqa’ l-verità, jiġri x’ jiġri,

Eterna, ma tinbidilx, għal dejjem.1

Xi wħud jafu jistaqsu, “Fejn nistgħu nsibu din il-verità, u kif nagħrfuha?” F’ rivelazzjoni mogħtija permezz tal-Profeta Joseph Smith f’ Kirtland, Ohio, f’ Mejju tal-1833, il-Mulej iddikjara:

“Il-verità hija l-għarfien tal-ħwejjeġ kif verament huma, kienu u sa jkunu. …

“L-Ispirtu tal-verità huwa l-ispirtu ta’ Alla. …

“U l-ebda bniedem ma jirċievi din il-milja jekk huwa ma jżommx il-kmandamenti tiegħu.

“Huwa li jżomm il-kmandamenti [ta’ Alla] jirċievi l-verità u d-dawl, sakemm jiġi gglorifikat fil-verità u jkollu għarfien ta’ kollox.”2

X’ wegħda glorjuża! “Huwa li jżomm il-kmandamenti [ta’ Alla] jirċievi l-verità u d-dawl, sakemm jiġi gglorifikat fil-verità u jkollu għarfien ta’ kollox.”

F’ dawn iż-żminijiet imdawla, meta l-milja tal-evanġelju ġiet irrestawrata, m’għadx hemm bżonn li int u jien inbaħħru fuq ibħra ġodda jew nivvjaġġaw f’ toroq mhux magħrufa sabiex insibu l-verità. Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna fassal it-triq għalina u pprovdielna gwida li permezz tagħha ma nfallu qatt—sewwasew l-ubbidjenza. Jekk aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla niksbu għarfien tal-verità u tweġiba għall-akbar mistoqsijiet tagħna.

Aħna nitgħallmu nkunu ubbidjenti tul ħajjitna. Minn meta nkunu għadna żgħar, dawk responsabbli minna jagħtuna ċerti pariri u regoli sabiex jipproteġuna. Il-ħajja tkun ferm aktar sempliċi għalina jekk aħna nobdu kompletament dawn ir-regoli. Ħafna minna, madankollu, nħallu l-esperjenza tgħallimna l-għerf tal-ubbidjenza.

Meta jiena kont għadni tfajjel, kont inqatta’ sajf wara sajf, mill-bidu ta’ Lulju sal-bidu ta’ Settembru, mal-familja tiegħi fl-għarix tagħna f’ Vivian Park fi Provo Canyon, Utah.

Wieħed mill-akbar ħbieb tiegħi tul dawk iż-żminijiet mill-isbaħ fil-wied kien Danny Larsen, li l-familja tiegħu kellhom għarix ukoll f’ Vivian Park. Hu u jien konna kuljum niġġerrew f’ dak li għalina t-tfal kienet il-ġenna tal-art, nistadu fl-għadira u x-xmara, niġbru ċ-ċagħaq u ħwejjeġ prezzjużi oħra, nippassiġġaw, nixxabbtu mal-blat u sempliċement ngawdu kull minuta ta’ kull siegħa ta’ kull jum.

Għodwa waħda, Danny u jiena ddeċidejna li dik il-lejla nagħmlu ħuġġieġa ħdejn il-kamp flimkien ma’ sħabna kollha tal-wied. Ridna biss innaddfu parti minn għalqa fil-viċin biex niltaqgħu lkoll hemmhekk. Il-ħaxix f’ Ġunju li kien jiksi l-għalqa kien xott u jniggeż, u għalhekk l-għalqa ma kenitx tajba biex ninġabru fiha. Bdejna nqaċċtu l-ħaxix twil, u f’ moħħna kellna li nnaddfu ċirku kbir ta’ art. Ġbidna u ssarajna bil-qawwa kollha tagħna, iżda kull ma rnexxielna naqtgħu kien biss daqsxejn ħaxix żgħir. Konna nafu li biex jirnexxilna dan kellna nagħmlu ġurnata sħiħa, u aħna konna diġà bdejna nonqsu mill-enerġija u l-entużjażmu.

U mbagħad fil-moħħ ta’ tmien snin li jiena kelli, feġġet is-soluzzjoni perfetta. Lil Danny għidtlu, “Kull ma rridu hu li nagħtu n-nar li dan il-ħaxix. Irridu biss naħarqu ċirku ħaxix!” Huwa mill-ewwel qabel, u jiena mort malajr sal-għarix tagħna biex inġib ftit sulfarini.

Biex ħadd ma jaħseb li fl-età tenera tagħna ta’ tmien snin aħna kellna permess nużaw is-sulfarini, irrid ngħid li kemm Danny kif ukoll jiena ma kellniex permess li nużawhom mingħajr is-superviżjoni ta’ xi ħadd adult. It-tnejn li aħna konna ġejna mwiddbin bosta drabi dwar il-periklu tan-nar. Madankollu, jien kont naf fejn il-familja tiegħi kienet iżżomm is-sulfarini, u aħna kien jeħtieġ li nnaddfu dik l-għalqa. Mingħajr ma qgħadt naħsibha, jiena ġrejt lejn l-għarix tagħna u qbadt ftit sulfarini meta rajt li ħadd ma kien qed jarani. Ħbejthom malajr f’ wieħed mill-bwiet tiegħi.

Ġrejt b’ eċċitament sa ħdejn Danny, għaliex fil-but tiegħi kelli soluzzjoni għall-problema tagħna. Niftakar li kont daħħalt f’ moħħi li n-nar kien sa jaħraq biss sa fejn ridna aħna u mbagħad b’ mod maġiku jisparixxi.

Qabbadt sulfarina fuq blata u tajt in-nar lil dak il-ħaxix li nixxef Ġunju. Qabad daqs li kieku konna xarrabnieh bil-petrol. Għall-ewwel jiena u Danny konna qed nieħdu gost naraw il-ħaxix jisparixxi, iżda bil-ħin beda jidher biċ-ċar li n-nar ma kienx sa jieqaf waħdu. Bdejna nippanikjaw hekk kif intbaħna li aħna ma stajna nagħmlu xejn sabiex inwaqqfuh. Il-fjammi minaċċużi ġrew fuq il-ħaxix selvaġġ u baqgħu sejrin sa ħdejn il-muntanja, b’ periklu kbir għas-siġar tal-arżnu u dak kollu li kien hemm fil-wita.

Finalment ma kellniex għażla oħra ħlief li niġru għall-għajnuna. Fi ftit ħin l-irġiel u n-nisa kollha li dak il-ħin kienu ġo Vivian Park bdew ġejjin u sejrin bil-bramel mimlijin ilma, jitfgħu l-ilma fuq il-fjammi biex jippruvaw jitfu n-nar. Kellhom jgħaddu għadd ta’ sigħat biex in-nar tmewwet għal kollox. Is-siġar antiki tal-arżnu kienu ġew salvati, kif ġew salvati wkoll id-djar li eventwalment kienu sa jispiċċaw jintlaħqu mill-fjammi.

Dakinhar jiena u Danny tgħallimna għadd ta’ lezzjonijiet diffiċli iżda importanti—żgur mhux l-anqas kienet l-importanza tal-ubbidjenza.

Hemm regoli u liġijiet biex jgħinuna niżguraw is-sigurtà fiżika tagħna. Bl-istess mod, il-Mulej ipprovda linji gwida u kmandamenti biex jgħinuna niżguraw is-sigurtà spiritwali tagħna sabiex inkunu nistgħu ninnavigaw b’ suċċess din l-eżistenza mortali tagħna, li ħafna drabi tista’ tkun perikoluża, u eventwalment nkunu nistgħu nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet.

Bosta sekli ilu, lil ġenerazzjoni ta’ nies li kienu jipprattikaw it-tradizzjoni tas-sagrifiċċju tal-annimali, Samwel iddikjara b’ mod ċar, “L-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċju, u s-smigħ aħjar mix-xaħam tal-muntun.”3

F’ din id-dispensazzjoni, il-Mulej żvela lill-Profeta Joseph Smith li Huwa jeħtieġ “il-qalb u moħħ lest għalih; u dawk li jinsabu lesti u obbidjenti għandhom jieklu l-frott bnin tal-art ta’ Sijon f’ dawn l-aħħar jiem.”4

Il-profeti kollha, kemm dawk tal-qedem kif ukoll dawk moderni, kienu jafu li l-ubbidjenza hija essenzjali għas-salvazzjoni tagħna. Nefi ddikjara, “Jiena mmur u nagħmel dak kollu li jikkmandani l-Mulej.”5 Għalkemm oħrajn iddgħajfu fil-fidi u l-ubbidjenza, Nefi lanqas darba ma naqas li jagħmel dak li talab minnu l-Mulej. B’ riżultat ta’ dan ġenerazzjonijiet sħaħ ġew imbierka.

Rakkont kommoventi ta’ ubbidjenza huwa dak ta’ Abraham u Iżakk. Kemm kien verament diffiċli għal Abraham, biex jobdi l-kmand ta’ Alla, li jieħu lil ibnu l-għażiż Iżakk fl-art ta’ Morija biex joffrihulu bħala sagrifiċċju. Nistgħu nimmaġinaw it-toqol f’ qalb Abraham hekk kif huwa vvjaġġa lejn il-post tas-sagrifiċċju? Mingħajr dubju li hu ħass diqa kbira f’ ġismu u tortura f’ moħħu hekk kif rabat lil Iżakk, poġġieh fuq l-altar u qabad sikkina biex joqtlu. B’ fidi mill-aktar soda u fiduċja assoluta fil-Mulej, huwa obda l-kmand tal-Mulej. Kemm kienet glorjuża din id-dikjarazzjoni li ntlaqgħet b’ tant ferħ u meravilja: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara: għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”6

Abraham ġie ppruvat u ttestjat, u minħabba l-fedeltà u l-ubbidjenza tiegħu l-Mulej għamillu din il-wegħda glorjuża: “Jitbierku b’ nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti.”7

Għalkemm aħna ma nintalbux sabiex nippruvaw l-ubbidjenza tagħna b’ mod daqshekk drammatiku u kommoventi, ilkoll kemm aħna mitlubin li nobdu.

F’ Ottubru 1873, il-President Joseph F. Smith iddikjara, “L-ubbidjenza hija l-ewwel liġi tas-smewwiet.”8

Il-President Gordon B. Hinckley qal, “L-hena tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, il-paċi tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, il-progress tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, il-prosperità tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, u s-salvazzjoni eterna u l-eżaltazzjoni ta’ dan il-poplu jiddependu kemm huma jimxu f’ ubbidjenza għall-kunsilli ta’ … Alla.”9

L-ubbidjenza hija l-karatteristika tal-profeti; hija tathom il-qawwa u l-għarfien tul iż-żminijiet. Huwa essenzjali għalina li nagħrfu li aħna wkoll intitolati għal dan is-sors ta’ qawwa u għarfien. Dan jista’ jkun tagħna lkoll hekk kif aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla.

Tul is-snin, sirt naf għadd kbir ta’ individwi li kienu partikolarment fidili u obbidjenti. Huma verament berkuni u ispirawni. Ippermettuli naqsam magħkom rakkont ta’ tnejn minn dawn l-individwi.

Walter Krause kien membru fidil tal-Knisja li, flimkien mal-familja tiegħu, għex f’ dik li wara t-Tieni Gwerra Dinjija saret magħrufa bħala l-Ġermanja tal-Lvant. Minkejja t-tbatija li ħabbat wiċċu magħha minħabba n-nuqqas ta’ libertà f’ dawk iż-żminijiet f’ dik in-naħa tad-dinja, Brother Krause kien raġel li verament ħabb u serva lill-Mulej. B’ fidi u mħabba huwa wettaq kull ħaġa li ngħatat lilu.

Ir-raġel l-ieħor, Johann Denndorfer, mill-Ungerija, ikkonverta għall-Knisja fil-Ġermanja u tgħammed hemm fl-1911 meta kellu 17. Wara biss ftit snin huwa reġa’ lura l-Ungerija. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fil-belt ta’ Debrecen, huwa sab ruħu kważi ħabsi f’ artu. Il-libertà ġiet miċħuda wkoll lin-nies tal-Ungerija.

Brother Walter Krause, li ma kienx jaf lil Brother Denndorfer, irċieva essajnment sabiex ikun l-għalliem tad-dar tiegħu u biex imur iżuru regolarment. Brother Krause ċempel lis-sieħeb tiegħu tat-tagħlim tad-dar u qallu, “Irċevejna essajnment sabiex inżuru lil Brother Johann Denndorfer. Tista’ din il-ġimgħa tiġi miegħi ħalli mmorru nżuruh u nagħtuh messaġġ mill-evanġelju?” Imbagħad kompla, “Brother Denndorfer joqgħod l-Ungerija.”

B’ għaġeb is-sieħeb tiegħu staqsih, “Meta sa nitilqu?”

“Għada,” wieġbu Brother Krause.

“Meta nerġgħu lura d-dar?” staqsa sieħbu.

Brother Kruase wieġbu, “Mela, nisperaw wara ġimgħa—jekk nerġgħu lura.”

B’ hekk iż-żewġ għalliema tad-dar marru jżuru lil Brother Denndorfer, wara li vvjaġġaw permezz tal-ferrovija u l-karozza tal-linja mil-grigal tal-Ġermanja sa Debrecen, l-Ungerija—vjaġġ twil mhux ħażin. Brother Denndorfer kien ilu ma jkollu għalliema tad-djar minn qabel il-gwerra. Issa, meta huwa ra l-qaddejja tal-Mulej, huwa ħassu verament grat li huma marru jżuruh. Għall-ewwel ma riedx joħdilhom b’ idejhom. Minflok, huwa mar fil-kamra tas-sodda tiegħu u minn armarju żgħir ħareġ kaxxa li ġo fiha kien hemm il-ħlas tad-dieċmi li huwa kien ilu jfaddal għal snin sħaħ. Huwa ppreżenta l-ħlas tad-dieċmi lill-għalliema tiegħu tad-dar u qal, “Issa ħallast id-dejn li kelli mal-Mulej. Issa nħossni den li nieħu b’ idejn il-qaddejja tal-Mulej!” Aktar tard Brother Krause qalli li huwa ħassu ferm kommoss meta ra li dan ħuna tant fidil, li għal bosta snin ma kellu l-ebda kuntatt mal-Knisja, b’ ubbidjenza u konsistenza kien jaqbad 10 fil-mija mill-miżerja li kien idaħħal u bihom iħallas id-dieċmi. Huwa faddal dawn il-flus mingħajr ma kien jaf meta jew jekk kienx sa jkollu l-privileġġ li jħallas id-dieċmi.

Brother Walter Krause miet disa’ snin ilu fl-età ta’ 94 sena. Huwa serva b’ fedeltà u ubbidjenza tul ħajtu kollha u kien ta’ ispirazzjoni kemm għalija kif ukoll għal dawk kollha li kienu jafuh. Meta huwa intalab iwettaq xi essajnments, huwa qatt ma qagħad lura, huwa qatt ma gerger, u huwa qatt ma ġab skużi.

Ħuti, il-prova kbira ta’ din il-ħajja hija l-ubbidjenza. “F’ din aħna nippruvawhom” qal il-Mulej, “sabiex naraw jekk jagħmlux dak kollu li l-Mulej Alla tagħhom jikkmandahom.”10

Is-Salvatur iddikjara, “Dawk kollha li jiksbu barka mingħandi għandhom jobdu l-liġi li hemm marbuta ma’ dik il-barka, u l-kundizzjonijiet tagħha, kif ġew stabbiliti sa minn qabel ma ġiet imwaqqfa d-dinja.”11

M’ għandniex eżempju akbar ta’ ubbidjenza minn dak li tana s-Salvatur tagħna. Dwaru Pawlu qal hekk:

“Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza;

“U billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull minn jisma’ minnu.”12

Is-Salvatur wera l-imħabba ġenwina ta’ Alla billi għex il-ħajja perfetta, billi onora l-missjoni sagra li kienet Tiegħu. Qatt ma kien kburi. Qatt ma tkabbar. Qatt ma kien żleali. Kien dejjem umli. Kien dejjem sinċier. Kien dejjem obbidjenti.

Għalkemm ġie ttantat minn missier il-qerq, sewwasew mix-xitan; għalkemm kien iħossu dgħajjef wara 40 jum u 40 lejl ta’ sawm u kien bil-ġuħ; madankollu meta missier il-ħażen offra lil Ġesù proposti li kienu intenzjonati sabiex iħajruh, Huwa tana eżempju mill-aktar divin tal-ubbidjenza billi rrifjuta li jitbiegħed minn dak li kien jaf li huwa s-sewwa.13

Meta ħabbat wiċċu mal-agunija tal-Ġetsemani, fejn huwa għadda minn tant uġigħ li “l-għaraq Tiegħu kien bħal demm iqattar mal-art,”14 Huwa wera kemm kien Iben obbidjenti meta qal, “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi: iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.”15

Bl-istess mod kif is-Salvatur sejjaħ l-ewwel Appostli Tiegħu, Huwa jsejjaħ lilek u lili, “Imxi warajja.”16 Inti lest li tobdi?

L-għarfien li aħna nfittxu, il-mistoqsijiet li rridu tweġiba għalihom u l-qawwa li nixtiequ llum sabiex nilħqu l-isfidi ta’ dinja kumplessa u dejjem tinbidel jistgħu jkunu tagħna meta nkunu lesti nobdu l-kmandamenti tal-Mulej. Nikkwota għal darb’ oħra kliem il-Mulej: “Huwa li jżomm il-kmandamenti [ta’ Alla] jirċievi l-verità u d-dawl, sakemm jiġi gglorifikat fil-verità u jkollu għarfien ta’ kollox.”17

Hija t-talba umli tiegħi li aħna niġu mberkin bil-premju sabiħ li huwa mwiegħed lil dawk li huma obbidjenti. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, il-Mulej u s-Salvatur tagħna, amen.