2013
Hawn Bżonn ta’ Pijunieri fid-Dinja Llum
Lulju 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Lulju 2013

Hawn Bżonn ta’ Pijunieri fid-Dinja lum

Il-President Thomas S. Monson

Għal ħafna, il-vjaġġ li l-pijunieri għamlu fl-1847 ma bediex f’ Nauvoo, Kirtland, fil-Punent Imbiegħed, jew inkella fi New York, iżda pjuttost f’ artijiet aktar ’il bogħod bħall-Ingilterra, l-Iskozja, l-Iskandinavja u l-Ġermanja. It-tfal iż-żgħar ma setgħux jifhmu kompletament il-fidi dinamika li mmotivat lill-ġenituri tagħhom li jaslu biex iħallu warajhom lill-familja, lill-ħbieb, il-kumdità u s-sigurtà.

Nistgħu nimmaġinaw tfajjel ċkejken jistaqsi, “Ma, għaliex sa nitilqu mid-dar? Fejn se mmorru?”

“Ejja, għażiż tiegħi; sa mmorru Sijon, il-belt ta’ Alla tagħna.”

Bejn is-sigurtà ta’ djarhom u l-wegħda ta’ Sijon huma ħabbtu wiċċhom mal-ilmijiet kollha qilla u l-periklu tal-oċejan Atlantiku. Tistgħu timmaġinaw x’ biża’ ħakmet qalbhom dawn il-bnedmin tul il-vjaġġ perikoluż tagħhom? Imħeġġa permezz tal-vuċi siekta tal-Ispirtu u sostnuti permezz ta’ fidi sempliċi iżda mill-aktar soda, dawn il-Qaddisin pijunieri fdaw f’ Alla u reħewlha fuq il-vjaġġ tagħhom.

Finalment huma waslu Nauvoo fejn hemm reġgħu sabu tistennihom aktar tbatija fil-vjaġġ tagħhom. It-triq kollha minn Nauvoo sal-Belt ta’ Salt Lake kienet mimlija oqbra li l-uniku indikazzjoni li kien hemm xi ħadd midfun fihom kienet tkun biss daqsxejn salvja jew xi ftit ġebel. Dan kien il-prezz li ħallsu wħud mill-pijunieri. Ġisimhom indifen fil-paċi, iżda isimhom jibqa’ jidwi għal dejjem.

Gniedes għajjiena b’ pass tqil tħarrku, roti ta’ karrettuni werżqu, irġiel bravi bi tbatija mxew, tnabar tal-gwerra nstemgħu jidwu u l-ilpup għawwew. Iżda dawk il-pijunieri spirati mill-fidi u li baqgħu mixjin fi żminijiet diffiċli komplew għaddejin. Ta’ spiss huma kantaw:

O Qaddisin, tibżgħux minn dan il-vjaġġ;

Ejjew nimxu bil-ferħ.

Għalkemm diffiċli, agħmlu l-kuraġġ,

Alla jagħtikom is-serħ. …

Kollox sew! Kollox sew!1

Dawn il-pijunieri ftakru kliem il-Mulej: “Il-poplu tiegħi għandu jiġi ppruvat f’ kollox, sabiex huwa jkun mħejji sabiex jirċievi l-glorja li jiena għandi lesta għalih, saħansitra l-glorja ta’ Sijon.”2

Il-passaġġ taż-żminijiet inessina xi ftit u jnaqqas l-apprezzament tagħna għal dawk li mxew it-triq doloruża, li warajhom ħallew passaġġ kollu dmugħ ta’ oqbra bla isem. Iżda xi ngħidu dwar l-isfidi tal-lum? Għad baqa’ toroq mħarbta x’ nivvjaġġaw, muntanji diffiċli x’ nitilgħu, passaġġi x’ niskopru u abbissi u xmajjar x’ naqsmu? Jew għad baqa’ verament bżonn għal dak l-ispirtu pijunier biex jiggwidana ’il bogħod mill-periklu li jista’ jikkonsmana u jwassalna lejn dik Sijon li ġġib is-serħan tal-moħħ.

Fid-diċenji minn meta ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, l-istandards tal-moralità aktar ma għadda ż-żmien aktar tbaxxew. Ir-rata ta’ kriminalità splodiet; id-diċenza żżerżqet waħda ’l isfel. Ħafna jinsabu b’ eċċitament jitpaxxew bid-diżastru, ifittxu l-gost tal-mument filwaqt li jissagrifikaw il-ferħ tal-eternità. B’ hekk jirriskjaw li jitilfu l-paċi.

Ninsew kif il-Griegi u r-Rumani baqgħu jaħkmu b’ mod manjifiku f’ dinji barbara u kif intemm it-trijonf tagħhom—kif ċerta nuqqas ta’ ħeġġa finalment wasslet għall-qerda tagħhom. Finalment, aktar milli jkollhom il-ħelsien, huma riedu li jkollhom is-sigurtà u ħajja komda; u spiċċaw biex tilfu kollox—il-kumdità, is-sigurezza u l-ħelsien.

Taqax għall-istigazzjonijiet ta’ Satana; minflok, għandek tibqa’ sod fil-verità. Il-kilba dejjem ġejja tar-ruħ ma tissodisfahiex permezz tal-pjaċir ma jaqta’ xejn li ssib fost l-eċċitament tas-sensazzjoni u l-vizzju. Il-vizzju qatt ma wassal għall-virtù. Il-mibegħda qatt ma wasslet għall-imħabba. Il-ġjufija qatt ma tissarraf f’ kuraġġ. Id-dubju qatt ma jispira l-fidi.

Xi wħud isibuha diffiċli jikkumbattu l-kliem kollu żuffjett u immorali ta’ ċerti nies boloh li jgħaddu ż-żmien bil-kastità, bl-onestà u bl-ubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Iżda d-dinja minn dejjem ippruvat iċċekken lil min jgħix bi prinċipju. Meta Noè ġie mitlub sabiex jibni arka, in-nies boloh ħarsu lejn is-sema mingħajr sħab u bdew jiżżuffjettaw u jidħqu—sakemm bdiet nieżla x-xita.

Għandna bżonn nieħdu tagħlima b’ mod daqshekk qares? Iż-żmien jinbidel, iżda l-verità tippersisti. Meta aħna ma jirnexxilniex nipprofittaw mill-esperjenzi tal-passat, aħna nispiċċaw ikkundannati li nerġgħu nirrepetuhom bl-uġigħ ta’ qalb, bis-sofferenza u bid-dwejjaq li jġibu magħhom. M’ għandniex aħna l-għerf li nobdu lil Dak li jaf mill-bidu sat-tmiem—il-Mulej tagħna, li fassal il-pjan tas-salvazzjoni minflok dak is-serpent li saħansitra ċaħad is-sbuħija tiegħu stess?

Id-dizzjunarju jiddeskrivi pijunier bħala “wieħed li jkun minn qabel ħalli jħejji jew jiftaħ triq li oħrajn jistgħu jimxu fiha.”3 Nistgħu minflok nikkupjaw il-kuraġġ u r-rieda li kkaratterizzaw lill-pijunieri ta’ żminijiet oħra lejn dak li aħna nagħmlu? Nistgħu jien u int, fil-verità, inkunu pijunieri?

Naf li nistgħu. O kemm hawn bżonn ta’ pijunieri fid-Dinja Illum!

Għallem minn Dan il-Messaġġ

L-iskrittura tispjega li l-għalliema tad-dar għandhom “iwiddbu, jispjegaw, iwissu u jgħallmu u jistiednu lil kulħadd sabiex jersaq lejn Kristu” (D&C 20:59). Ikkunsidra li tindika kull twiddiba u stedina li hemm fil-messaġġ tal-President Monson lil dawk kollha li inti żżur. Forsi trid tiddiskuti magħhom xi modi kif huma jistgħu jagħrfu eżempji tajba u kif jistgħu jimxu skont dawn l-eżempji, kif huma jistgħu jevitaw li xi ħadd jipprova jqarraq bihom u kif jistgħu jitgħallmu mill-iżbalji ta’ ħaddieħor. Staqsi lil dawk li tgħallem kif huma jistgħu jkunu pijunieri illum.