Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Awwissu 2013
Agħraf, Ftakar, u Rringrazzja
Alla jitlob li nirringrazzjawh għal kull barka li aħna nirċievu mingħandu. Faċli li aħna nsiru xi ftit mekkaniċi fit-talb ta’ gratitudni tagħna, fejn spiss nirrepetu l-istess kliem iżda mingħajr l-intenzjoni li noffru r-ringrazzjament tagħna bħala rigal tal-qalb lil Alla. Għandna “nirringrazzjawh … fl-Ispirtu” (D&C 46:32) sabiex inkunu nistgħu nħossu l-vera gratitudni għal dak li tana Alla.
Kif nistgħu niftakru għallinqas ftit minn dak kollu li għamel għalina Alla? L-Appostlu Ġwanni kiteb dak li għallimna s-Salvatur dwar id-don tat-tifkira li nirċevuh permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu: “Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (John 14:26).
L-Ispirtu s-Santu jfakkarna dak li għallimna Alla. U wieħed mill-modi kif jgħallimna Alla hu permezz tal-barkiet Tiegħu; u għalhekk, jekk nagħżlu li neżerċitaw il-fidi, l-Ispirtu s-Santu jgħinna niftakru kemm kien twajjeb magħna Alla.
Inti tista’ tipprova dan fit-talb tiegħek illum. Tista’ timxi wara l-kmand “Għandek tirringrazzja lill-Mulej Alla tiegħek f’kollox” (D&C 59:7).
Il-President Ezra Taft Benson (1899–1994) issuġġerixxa li t-talb jagħti lok biex dan isir. Huwa qal: “Il-Profeta Joseph darba qal li wieħed mill-akbar dnubiet li jkunu ħatja bih il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huwa d-dnub tal-ingratitudni. Nissoponi li ħafna minna qatt ma ġiehom f’ moħħhom li dan hu xi dnub kbir. Hemm tendenza kbira li fit-talb tagħna lill-Mulej aħna nitolbu għal aktar barkiet. Iżda xi kultant inħoss li għandna niddedikaw aktar ħin fit-talb tagħna biex nesprimu l-gratitudni u r-ringrazzjament tagħna għall-barkiet li diġa rċevejna. Ikun gost kbir għalina li nagħmlu dan.”1
Tista’ inti tesperjenza dan illum stess bid-don tal-Ispirtu s-Santu. Tista’ tibda talba personali b’ ringrazzjament. Tista’ tibda tgħodd barkietek u mbagħad tieqaf għal ftit. Jekk inti teżerċita l-fidi, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, inti ssib li moħħok jibda jimtela b’ memorji ta’ barkiet oħra li rċevejt. Jekk tibda tesprimi l-gratitudni tiegħek għal kull waħda minnhom, it-talb tiegħek idum sejjer xi ftit aktar mis-soltu. Aktar ma niftakru aktar ikollna gratitudni.
Tista’ tipprova tagħmel l-istess ħaġa hekk kif tikteb fid-djarju tiegħek. L-Ispirtu s-Santu ilu jgħin nies b’ dan il-mod mill-bidu taż-żminijiet. Tiftakru li fil-ktieb ta’ Mosè hemm miktub, “U nżamm ktieb ta’ tifkira, li nkiteb b’ ilsien Adam, li ngħata ’l bosta li daru lejn Alla sabiex jiktbu permezz tal-ispirtu tal-ispirazzjoni” (Moses 6:5).
Il-President Spencer W. Kimball (1895–1985) iddeskriva dan il-proċess ta’ kitba spirata: “Hemm aktar possibiltà li dawk li jżommu ktieb ta’ tifkira jiftakru fil-Mulej fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Li niktbu fi djarju huwa mod kif nistgħu ngħoddu barkietna u kif nistgħu nħallu inventarju ta’ dawk il-barkiet għal dawk li jiġu warajna.”2
Hekk kif tibdew tiktbu, tistgħu tistaqsu lilkom infuskom, “Kif illum Alla bierek lili u lil dawk li nħobb?” Jekk tagħmlu dan ta’ spiss u bil-fidi, issibu li malajr tibdew tiftakru barkietkom. Xi kultant tiftakru ħwejjeġ li ma tkunux intbaħtu bihom matul il-jum iżda wara tindunaw li kienet id Alla li messitilkom ħajjitkom.
Nitlob li permezz tal-fidi aħna nagħmlu sforz kontinwu li nagħrfu, niftakru u nirringrazzjaw lil Missierna tas-Smewwiet għal dak li Hu u s-Salvatur tagħna għamlu u għadhom qed jagħmlu biex juruna t-triq lura lejhom.
© 2013 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja Approvazzjoni tal-Ingliż: 6/12. Approvazzjoni tat-Traduzzjoni: 6/12. Traduzzjoni ta’First Presidency Message, August 2013. Maltese. 10668 159