2013
Qaddisin għall-Istaġuni Kollha
Settembru 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Settembru 2013

Qaddisin f’ Kull Staġun

Immaġni
Il-President Dieter F. Uchtdorf

Għandi memorji ta’ tfuliti ta’ żminijiet li qattajt f’ naħa tad-dinja fejn tista’ verament isservi bħala ritratt ta’ kartolina li juri l-bdil tal-istaġuni matul is-sena. Kull xhar li jgħaddi kien ikun wieħed glorjuż u mill-isbaħ. Matul jum tipikament xitwi, is-silġ verġni jiksi l-muntanji u t-toroq tal-ibliet. Il-ħarifa ġġib magħha x-xita li tnaddaf u splużjoni sħiħa ta’ ħdura ma’ kullimkien. Is-sema kollha ħedla tas-sajf isservi bħala kwadru ikħal mill-isbaħ għall-qawwa tax-xemx tiddi. U kull ħarifa tittrasforma n-natura fi spettaklu mill-isbaħ ta’ oranġjo, isfar u aħmar. Bħala tifel, jiena kont inħobb kull staġun, u sa llum, għadni nħobb il-karattru u l-karatteristiċi uniċi ta’ kull wieħed minnhom.

F’ ħajjitna wkoll aħna għandna l-istaġuni tagħna. Xi wħud huma sħan u sbieħ. Oħrajn le. Uħud mill-jiem ta’ ħajjitna huma sbieħ daqs stampi f’ kalendarju. U xorta waħda jiġu jiem u ċirkustanzi li jikkawżawlna uġigħ f’ qalbna u jistgħu jġibulna f’ ħajjitna sentimenti diffiċli ta’ disprament, riżentiment u mrar.

Ninsab ċert li f’ xi ħin jew ieħor ilkoll kemm aħna għaddielna minn rasna li tkun ħaġa tajba jekk imorru noqogħdu xi mkien fejn ngħixu biss staġuni mimlijin jiem perfetti bħall-istampi tal-kalendarju u nevitaw iż-żminijiet xejn sbieħ ta’ bejniethom.

Iżda dan mhux possibbli. Lanqas m’ għandna nixtiequ dan.

Hekk kif inħares lura lejn ħajti, jidher biċ-ċar li l-aktar żminijiet li jiena kbirt fihom personalment kienu meta kont għaddej minn staġuni mill-aktar diffiċli.

Missierna tas-Smewwiet, fl-għerf kollu Tiegħu, kien jaf li sabiex uliedu jkunu jistgħu jikbru u jsiru dak li huma destinati li jsiru, huma sa jkollhom bżonn jesperjenzaw staġuni ta’ avversità tul il-ħajja mortali tagħhom. Il-profeta tal-Ktieb ta’ Mormon Leħi qal li mingħajr oppożizzjoni, “ma tistax tiġi fis-seħħ is-sewwa” (2 Nephi 2:11). Fil-fatt, huwa meta nduqu l-ħajja morra li aħna nagħrfu, nikkuntrastaw u napprezzaw il-ħlewwa tagħha (ara D&C 29:39; Moses 6:55).

Il-President Brigham Young esprimieha b’ dan il-mod: “L-esseri intelliġenti kollha li jiġu nkurunati bil-glorja, bl-immortalità u bil-ħajja eterna għandhom jgħaddu minn kull prova li hemm iddisinjata għal kull esseri intelliġenti sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-glorja u l-eżaltazzjoni tagħhom. Kull diżgrazzja li tolqot lill-esseri mortali ngħaddu minna … sabiex tħejjina ħalli ngawdu l-preżenza tal-Mulej. … Kull prova u esperjenza li inti għaddejt minnha hija neċessarja għas-salvazzjoni tiegħek.”1

Il-mistoqsija m’ għandhiex tkun jekk aħna aħniex sa nesperjenzaw staġuni ta’ avversità iżda kif aħna sa nikkalmaw il-maltemp. L-opportunità kbira tagħna tul l-istaġuni dejjem jinbidlu tal-ħajja hi li nżommu sodi u fidili mal-kelma ta’ Alla, għax il-kunsill Tiegħu huwa maħsub mhux biss biex jgħinna nikkalmaw il-maltemp tal-ħajja iżda wkoll biex jiggwidana kif nistgħu nibqgħu għaddejin minn ġo dan l-istess maltemp. Missierna tas-Smewwiet tana l-kelma Tiegħu permezz tal-profeti Tiegħu — għarfien prezzjuż mfassal sabiex imexxina tul l-isfidi ta’ staġuni diffiċli lejn ferħ aktar milli nistgħu nimmaġinaw u lejn id-dawl brillanti tal-ħajja eterna. Hija parti importanti mill-esperjenza tal-ħajja tagħna li niżviluppaw il-qawwa, il-kuraġġ u l-integrità li nżommu sodi mal-verità u s-sewwa minkejja d-daqqiet li nistgħu nġarrbu.

Dawk li daħlu fl-ilmijiet tal-magħmudija u rċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu poġġew saqajhom fil-mogħdija tad-dixxipli u huma mitlubin sabiex jimxu b’ mod dritt u fidil fuq il-passi tas-Salvatur tagħna.

Is-Salvatur għallem li x-xemx titla’ “sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u … ix-xita [tinżel] sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mattew 5:45). Xi kultant ma nistgħux nifhmu għaliex f’ ħajjitna jseħħu ħwejjeġ diffiċli, saħansitra inġusti. Iżda bħala dixxipli ta’ Kristu, nafu illi jekk aħna “nfittxu b’ diliġenza, nitolbu dejjem u nemmnu, … kollox fl-aħħar mill-aħħar iseħħ għall-aħjar tagħna, jekk aħna nimxu dejjem fis-sewwa” (D&C 90:24; enfażi miżjuda).

Bħala membri tal-Knisja Tiegħu, bħala Qaddisin, aħna nservu minn jeddna b’ ferħ f’ kull temp u f’ kull staġun. Hekk kif nagħmlu dan, qalbna timtela b’ fidi mqaddsa, b’ tama li tfejjaq u b’ karità divina.

Madankollu, xorta waħda rridu ngħaddu minn kull staġun — kemm jekk sabiħ u kemm jekk diffiċli. Iżda jkun xi jkun l-istaġun, bħala dixxipli ta’ Ġesù l-Kristu, aħna niddependu fit-tama tagħna fuqu hekk kif nimxu lejn id-dawl Tiegħu.

Fil-qosor, aħna Qaddisin ta’ Alla, determinati li nitgħallmu minnu, li nħobbuh u nħobbu lil għajrna. Aħna pellegrini fit-triq imbierka li jimxu fuqha d-dixxipli Tiegħu, u aħna sa nibqgħu nimxu b’ konvinzjoni lejn l-għan divin tagħna.

Għalhekk, ejjew inkunu Qaddisin fir-rebbiegħa, fis-sajf, fil-ħarifa u fix-xitwa. Ejjew inkunu Qaddisin f’ kull staġun.

Nota

  1. Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), 261–62.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

L-Ewwel Presidenza għallmet, “Uħud mill-akbar priedki jiġu ppridkati meta nkantaw l-innijiet” (Hymns, ix). Hekk kif inti tiddiskuti dan il-messaġġ, ikkunsidra li tkanta ma’ dawk li tgħallem xi wieħed minn dawn l-innijiet jew xi għanja oħra dwar l-importanza li nibqgħu sodi fl-avversità: “How Firm a Foundation” (no. 85); “The Lord Is My Shepherd” (no. 108); jew “Let Us All Press On” (no. 243). Jekk tħossok li għandek tagħmel dan, aqsam magħhom esperjenza ta’ żmien ta’ maltemp f’ ħajtek li spiċċa biex issarraf f’ barka.

Ipprintja