Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Settembru 2013
Tiddependix fuq Ħaddieħor
Permezz ta’ talb studjaw dan il-materjal u, kif inhu xieraq, iddiskutuh mal-aħwa li intom iżżuru. Użaw l-mistoqsijiet biex jgħinukom issaħħu lil ħutkom u biex tagħmlu lis-Soċjetà tal-Għajnuna parti attiva minn ħajjitkom. Għal aktar informazzjoni, ara reliefsociety.lds.org.
Li ma nkunux niddependu fuq ħaddieħor ifisser li jkollna l-kapaċità, l-impenn u l-ħeġġa li nipprovdu għall-bżonnijiet spiritwali u temporali tagħna u tal-familji tagħna.1
Hekk kif aħna nitgħallmu u napplikaw fi djarna u fil-komunitajiet tagħna dawk il-prinċipji li jgħinuna ma niddependux fuq ħaddieħor, aħna jkollna opportunitajiet li nieħdu ħsieb il-foqra u lil dawk fi bżonn, u li ngħinu oħrajn ma jibqgħux jiddependu fuq ħaddieħor ħalli huma jkunu jistgħu jikkumbattu ż-żminijiet ta’ avversità.
Aħna għandna l-privileġġ u d-dover li nużaw l-għażla ħielsa tagħna sabiex insiru nies li ma niddependux fuq ħaddieħor, kemm spiritwalment kif ukoll temporalment. Meta kien qed jitkellem dwar kif m’għandniex niddependu spiritwalment fuq ħaddieħor u dwar id-dipendenza tagħna fuq Missierna tas-Smewwiet, il-Presbiteru Robert D. Hales tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallem: “Aħna nikkonvertu verament u ma nibqgħux niddependu spiritwalment fuq ħaddieħor hekk kif aħna, bl-għajnuna tat-talb, ngħixu l-patti tagħna—billi nieħdu sehem b’ mod den fis-sagrament, billi nkunu denji ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju u billi nkunu lesti nagħmlu sagrifiċċju ħalli nservu lil ħaddieħor.”2
Il-Presbiteru Hales qalilna sabiex ma niddependux fuq ħaddieħor f’ dak li hu temporali, “li jinkludi li niksbu edukazzjoni post sekondarja jew taħriġ vokazzjonali, li nitgħallmu naħdmu u li ma nonfqux aktar milli nifilħu. Billi issa nevitaw id-dejn u nfaddlu l-flus, aħna nkunu qed nitħejjew sabiex fil-ġejjieni nkunu nistgħu nservu l-Knisja full-time. L-għan li ma niddependux fuq ħaddieħor f’ dak li hu spiritwali u temporali hu sabiex nelevaw ruħna ħalli nkunu nistgħu nelevaw lil min hu fil-bżonn.”3
Mill-Iskrittura
Mattew 25:1–13; 1 Timotju 5:8; Alma 34:27–28; Doctrine and Covenants 44:6; 58:26–29; 88:118
Mill-Istorja Tagħna
Wara li l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem inġabru fil-Wied ta’ Salt Lake, li kien deżert iżolat, il-President Brigham Young riedhom jiffjorixxu u jwaqqfu djar permanenti. Dan kien ifisser li l-Qaddisin kellhom jitgħallmu ċerta ħiliet li permezz tagħhom ma kinux jibqgħu jiddependu fuq ħaddieħor. F’ dan l-isforz, il-President Young emmen ferm fil-kapaċitajiet, fit-talenti, fil-fedeltà u fir-rieda tan-nisa, u huwa ħeġġiġhom f’ ċerti dmirijiet temporali speċifiċi. Filwaqt li d-dmirijiet speċifiċi tal-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna llum il-ġurnata huma xi ftit differenti, il-prinċipji jibqgħu l-istess:
-
Tgħallem ħobb ix-xogħol u evita l-għażż.
-
Ikseb spirtu li jgħinek tissagrifika lilek innifsek.
-
Aċċetta r-responsabbiltà personali għall-qawwa spiritwali, għas-saħħa, għall-edukazzjoni, impjieg, finanzi, ikel u bżonnijiet oħra li jsostnu l-ħajja.
-
Itlob li jkollok il-fidi u l-kuraġġ biżżejjed sabiex tilħaq dawn l-isfidi.
-
Saħħaħ lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna.4
© 2013 by Intellectual Reserve, Inc. All rights reserved. Stampat fil-Ġermanja Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/13. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/13. Traduzzjoni ta’Visiting Teaching Message, September 2013. Maltese. 10669 159