2013
Ejjew, Ingħaqdu Magħna
Novembru 2013


Messaġġ tal-Għalliema taż-Żjajjar, Novembru 2013

Ejjew, Ingħaqdu Magħna

Hi x’inhi s-sitwazzjoni li tinsabu fija, hi x’inhi l-istorja personali tagħkom jew il-qawwa tat-testimonjanza tagħkom, hawn spazju għalikom f’ din il-Knisja.

Darba kien hemm raġel li ħolom li kien qiegħed f’ sala kbira li fiha kien hemm miġbura r-reliġjonijiet kollha. Huwa rrealizza li kull reliġjon kellha fiha xi ħaġa denja u ta’ min jixtieqha.

Huwa ltaqa’ ma’ koppja ħelwa li kienet qed tirrapreżenta l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u staqsiehom, “Intom x’ tistennew mill-membri tagħkom?”

”Aħna ma nistennew xejn,” wieġbu huma. “Iżda l-Mulej jitlobna li aħna nikkonsagraw kollox.”

Il-koppja kompliet biex tispjegalu dwar is-sejħiet tal-Knisja, it-tagħlim tad-djar u taż-żjajjar, il-missjonijiet full-time, il-lejliet tal-familja d-dar, il-ħidma tat-tempju, l-għajnuna soċjali u s-servizz umanitarju u l-essajnments sabiex ngħallmu.

“Intom tħallsuhom lin-nies tagħkom tax-xogħol kollu li jagħmlu?” staqsa r-raġel.

“Le,” wieġbet il-koppja. “Huma joffru ħinhom b’ xejn.”

“Barra minn hekk,” kompliet il-koppja, “kull sitt xhur il-membri tal-Knisja jqattgħu tmiem il-ġimgħa jattendu jew jaraw 10 sigħat sħaħ ta’ konferenza ġenerali.”

“Għaxar sigħat ta’ nies jitkellmu?” staqsa mistagħġeb ir-raġel.

“X’ tgħiduli dwar is-servizz ta’ kull ġimgħa tal-knisja tagħkom? Kemm idum sejjer?”

“Tliet sigħat, kull nhar ta’ Ħadd!”

“Mamma mia,” wieġeb ir-raġel. “Tridu tgħiduli li l-membri tal-knisja tagħkom jagħmlu dak kollu li semmejtuli intom?”

“Dak u aktar. Għadna lanqas biss semmejna l-istorja tal-familja, il-kampijiet taż-żgħażagħ, il-lejliet devozzjonali, l-istudju tal-iskrittura, it-taħriġ tat-tmexxija, l-attivitajiet taż-żgħażagħ, is-seminarju ta’ kmieni filgħodu, il-manutenzjoni tal-bini tal-knisja, u bla dubju hemm il-liġi tas-saħħa tal-Mulej, is-sawm ta’ kull xahar biex ngħinu lill-foqra u l-ħlas tad-dieċmi.”

Ir-raġel irrisponda, “Issa qed nitħawwad. Għalfejn persuna tingħaqad ma’ knisja bħal din?”

Il-koppja tbissmet u qalet, “Aħna konna qed nittamaw li inti tistaqsi dan.”

Għalfejn persuna tingħaqad ma’ knisja bħal din?”

Fi żmien meta ħafna knejjes madwar id-dinja qegħdin jesperjenzaw nuqqas sinifikanti fin-numru tagħhom, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem—għalkemm żgħira mqabbla ma’ ħafna oħrajn—hija waħda mill-aktar knejjes li qed jikbru fid-dinja.

Hemm bosta raġunijiet għalfejn dan qed iseħħ, iżda tippermettuli nsemmi ftit biss minnhom?

Il-Knisja tas-Salvatur

L-ewwel, din il-Knisja ġiet irrestawrata fi żmienna minn Ġesù Kristu nnifsu. Hawn issibu l-awtorità li naġixxu f’ ismu—li ngħammdu għall-maħfra tad-dnubiet, li nagħtu d-don tal-Ispirtu a-Santu u li nissiġillaw fl-art u fis-sema.1

Dawk li jingħaqdu ma’ din il-Knisja jħobbu s-Salvatur Ġesù Kristu u jixtiequ jimxu warajh. Huma jifirħu fl-għarfien li Alla reġa’ għal darb’oħra qed ikellem lill-umanità. Meta huma jirċievu l-ordinanzi sagri tas-saċerdozju u jagħmlu ċerti patti ma’ Alla, huma jistgħu jħossu l-qawwa Tiegħu f’ ħajjithom.2 Meta huma jidħlu fit-tempju mqaddes, huma jħossu li qegħdin fil-preżenza Tiegħu. Meta huma jaqraw l-iskrittura mqaddsa3 u jgħixu t-tagħlim tal-profeti Tiegħu, huma jersqu aktar viċin tas-Salvatur li tant iħobbu.

Fidi Attiva

Raġuni oħra hi għaliex il-Knisja tipprovdi opportunitajiet biex nagħmlu l-ġid.

Huwa tajjeb ħafna li nemmnu f’ Alla, iżda ħafna nies jixtiequ jagħmlu ferm iżjed milli sempliċement jisimgħu xi priedka ispirata jew joħolmu dwar il-palazzi tagħhom fis-sema.4 Huma jridu juru l-fidi tagħhom fil-prattika. Huma jridu jxammru l-kmiem tagħhom u jingaġġaw ruħhom f’ din il-kawża kbira.

U dan li jiġri meta huma jingħaqdu magħna—huma jkollhom diversi opportunitajiet biex jittrasformaw it-talenti, il-kompassjoni u l-ħin tagħhom f’ għemejjel tajba. Peress li aħna m’għandniex kleru lokali li hu mħallas fil-kongregazzjonijiet tagħna madwar id-dinja, il-membri tagħna jwettqu huma stess il-ħidma tal-ministeru. Huma jiġu msejħa permezz tal-ispirazzjoni. Xi kultant nagħmluha ta’ voluntiera; drabi oħra niġu mqabbdin biex inkunu “voluntiera.” Aħna nħarsu lejn il-ħidma li nintalbu nagħmlu mhux bħala piż żejjed iżda bħala opportunità li nwettqu l-patti li b’ ferħ nagħmlu sabiex inservu lil Alla u lil uliedu.

Barkiet Prezzjużi

It-tielet raġuni għalfejn in-nies jingħaqdu mal-Knisja hi għaliex permezz tat-triq li aħna nimxu bħala dixxipli aħna niksbu barkiet prezzjużi.

Aħna nħarsu lejn il-magħmudija bħala l-punt tat-tluq fil-vjaġġ tagħna bħala dixxipli. Il-mixja tagħna ta’ kuljum ma’ Ġesù tagħtina l-paċi u skop f’ din il-ħajja u ferħ profond u salvazzjoni eterna fid-dinja li jmiss.

Dawk li jimxu f’ din it-triq b’ fedeltà jevitaw ħafna mill-iżbalji, min-niket u mid-dispjaċir tal-ħajja.

Il-fqar fl-ispirtu u l-onesti fil-qalb isibu teżori kbar ta’ għarfien hawnhekk.

Dawk li qegħdin isofru jew ibatu jsibu hawn il-fejqan.

Dawk li huma mtaqqla bid-dnub isibu l-maħfra, il-libertà u l-mistrieħ.

Lil Dawk Li Jitilqu

It-tfittxija għall-verità wasslet bosta nies fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Madankollu, hemm xi wħud li jitilqu mill-Knisja li darba kienu jħobbu.

Wieħed jista’ jistaqsi, “Jekk l-evanġelju huwa daqshekk meraviljuż, għaliex dak li jkun jitlaq?”

Xi kultant nassumu li dan jiġri għaliex huma ħassewhom offiżi jew minħabba l-għażż jew id-dnub. Fil-fatt, ir-risposta mhux daqshekk sempliċi. Dan għaliex m’hemmx sempliċement raġuni waħda li tapplika għal varjetà sħiħa ta’ sitwazzjonijiet.

Uħud mill-membri għeżież tagħna jagħmlu snin jitqabdu mal-mistoqsija jekk għandhomx jisseparaw ruħhom mill-Knisja.

F’ din il-Knisja li tonora b’ qawwa l-għażla ħielsa personali, li ġiet irrestawrata minn raġel żagħżugħ li staqsa ċerta mistoqsijiet u fittex tweġiba għalihom, aħna nirrispettaw lil dawk li b’ mod onest ifittxu l-verità. Nafu nħossu verament qsim ta’ qalb meta l-vjaġġ tagħhom jeħodhom lilhinn mill-Knisja li aħna nħobbu u mill-verità li aħna sibna, iżda aħna nonoraw id-dritt tagħhom li jaduraw lil Alla s-Setgħan skont kif tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, l-istess privileġġ li aħna rridu li jkollna aħna.5

Mistoqsijiet Mhux Imwieġba

Xi wħud jinsabu jitqabdu ma’ ċerti mistoqsijiet mhux imwieġba dwar ħwejjeġ li setgħu saru jew intqalu fil-passat. Aħna pubblikament nammettu li fi kważi 200 sena ta’ storja tal-Knisja—ma’ linja ma taqta’ xejn ta’ avvenimenti ispirati, onorabbli u divini—kien hemm xi ħwejjeġ li ntqalu jew li seħħew li setgħu wasslu biex ċerti nies qajmu ċerti mistoqsijiet.

Xi kultant dawn il-mistoqsijiet iqumu sempliċement għaliex m’ għandniex l-informazzjoni kollha u għandna bżonn daqsxejn aktar paċenzja. Meta eventwalment il-verità kollha tkun magħrufa, ħwejjeġ li għalina bħalissa ma jagħmlux sens jiġu solvuti u nsiru nafu l-verità.

Xi kultant ikun hemm opinjonijiet differenti xi jfissru eżattament il-”fatti.” Mistoqsija li tista’ toħloq dubju f’ xi wħud, b’ daqsxejn ta’ investigazzjoni, tista’ tibni l-fidi f’ oħrajn.

Żbalji ta’ Nies Imperfetti

U, biex ngħiduha kif inhi, kien hemm żminijiet meta xi membri jew mexxejja fil-Knisja anke żbaljaw. Jista’ jkun li ntqalu jew seħħew ħwejjeġ li ma kinux f’ armonija mal-valuri, mal-prinċipji u mad-duttrina tagħna.

Naħseb li l-Knisja tista’ tkun perfetta biss jekk titmexxa min-nies perfetti. Alla hu perfett u d-duttrina Tiegħu hi pura. Iżda Huwa jaħdem permezz tagħna—it-tfal imperfetti Tiegħu—u nies imperfetti jagħmlu ż-żbalji.

Fil-paġna tal-bidu tal-Ktieb ta’ Mormon naqraw, “U issa, jekk hemm xi difetti dawn huma l-iżbalji tal-bniedem; għalhekk, tikkundannawx il-ħwejjeġ ta’ Alla, sabiex intom tinstabu bla tebgħa quddiem it-tron tal-ġudizzju ta’ Kristu.”6

Minn dejjem hekk kien u hekk sa jibqa’ jkun sa kemm jasal dak il-jum perfett meta Kristu Innifsu jsaltan personalment fuq id-dinja.

Hija sfortuna li xi wħud tfixklu minħabba żbalji magħmula mill-bniedem. Iżda madankollu, il-verità eterna tal-evanġelju rrestawrat li nsibu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ma ttappnitx, ma ddgħajfitx u ma nqerditx.

Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu u bħala wieħed li ra mill-qrib il-kunsilli u l-ħidma ta’ din il-Knisja, jiena naqsam ix-xhieda solenni tiegħi li ma tittieħed l-ebda deċiżjoni sinifikanti li taffettwa lil din il-Knisja jew lill-membri tagħha mingħajr ma tiġi mfittxija, qabel xejn, l-ispirazzjoni, il-gwida u l-approvazzjoni tal-Missier Etern tagħna. Din hija l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Alla mhux sa jippermetti li l-Knisja Tiegħu tiżvija mit-triq imfassla Tiegħu jew li ma twettaqx id-destin divin tagħha.

Hawn Spazju Għalikom

Lil dawk fostkom li tinsabu ‘l bogħod mill-Knisja, jiena ngħidilkom, għeżież ħbieb tiegħi, għad hawn post għalikom hawnhekk.

Ejjew u żidu t-talenti, id-doni u l-enerġiji tagħkom ma’ tagħna. Jekk tagħmlu dan niggwadannjaw ilkoll kemm ahna.

Iżda xi wħud jafu jistaqsu,, “Iżda x’ nagħmel bid-dubji li għandi?”

Hija ħaġa naturali li jkollna ċerti mistoqsijiet—iż-żerriegħa ċkejkna ta’ mistoqsija onesta ħafna drabi tinbet u timmatura f’ siġra kbira ta’ għarfien. Ftit huma l-membri tal-Knisja li, f’ xi żmien jew ieħor, ma ġewx maħkuma minn mistoqsijiet serji u sensattivi. Waħda mill-għanijiet tal-Knisja hu li nrawmu u nikkultivaw iż-żerriegħa tal-fidi—saħansitra fl-art ramlija tad-dubju u l-inċertezza. Il-fidi hija li tittama għal ħwejjeġ li ma jidhrux iżda li huma vera.7

Għalhekk, għeżież ħuti—għeżież ħbieb tiegħi—jekk jogħġobkom, l-ewwel iddubitaw id-dubji tagħkom qabel ma tiddubitaw il-fidi tagħkom.8 Qatt m’ għandna nħallu d-dubju jżommna ‘l bogħod mill-imħabba divina, mill-paċi u mid-doni li nistgħu niksbu permezz tal-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu.

Xi wħud jafu jgħidu, “Inħossni ħuta barra mill-ilma ma’ nies bħalkom fil-Knisja.”.

Jekk tistgħu tagħtu ħarsa ġewwa qalbkom, probabilment issibu li intom tiffittjaw magħna ferm aktar milli qed taħsbu. Tafu tissorprendu ruħkom għax issibu li aħna għandna xewqat, diffikultajiet u tamiet simili għal tagħkom. L-istil ta’ ħajja u t-trobbija tagħkom jafu jidhru differenti minn dawk li timmaġinaw li għandhom bosta Qaddisin tal-Aħħar Jiem, iżda dan jista’ jkun barka. Ħuti, għażież ħbieb tiegħi, aħna għandna bżonn it-talenti u l-perspettivi uniċi tagħkom. Id-diversità tan-nies u tal-popli madwar id-dinja hija l-qawwa ta’ din il-Knisja.

Xi wħud jafu jgħidu, “Ma naħsibx li jirnexxieli ngħix skont l-istandards tagħkom.”.

Għandkom raġuni akbar li tiġu! Il-Knisja hija maħluqa sabiex issostni lil nies imperfetti, li jinsabu jissaraw mal-ħajja u jħossuhom imtaqqalin. Mimlija b’ nies li jixtiequ jżommu l-kmandamenti b’ qalbhom kollha, anke jekk għadhom qed jitgħallmu kif jobduhom.

Xi wħud jafu jgħidu, “Jiena naf membru tal-Knisja tagħkom li hu ipokrita. Qatt ma jien sa ningħaqad ma’ knisja li hi magħmula minn membri bħalu.

Jekk għalik it-tifsira ta’ ipokrita hi ta’ xi ħadd li ma jirnexxilux jgħix b’ perfezzjoni dak li hu jew hi jemmen jew temmen fih, mela aħna lkoll ipokriti. Ħadd minna ma jgħix ħajja li tixbah lil ta’ Kristu bil-mod li nixtiequ ngħixuha. Iżda b’ ħerqa aħna nuru x-xewqa li lesti negħlbu d-difetti u x-xewqa tagħna li nidinbu. B’ ruħna u ġisimna aħna nagħmlu li nistgħu biex insiru nies aħjar bl-għajnuna tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Jekk dawn huma x-xewqat tagħkom, hi x’inhi s-sitwazzjoni li tinsabu fija, hi x’inhi l-istorja personali tagħkom jew il-qawwa tat-testimonjanza tagħkom, hawn spazju għalikom f’ din il-Knisja. Ejjew, Ingħaqdu Magħna!

Ejjew, Ingħaqdu Magħna!

Minkejja l-imperfezzjoni umana tagħna, jiena ninsab ċert li intom sa ssibu fost il-membri ta’ din il-Knisja wħud mill-aktar nies twajba li toffri din id-dinja. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tidher li tattira lejha nies twajba u li jafu jħobbu, nies onesti u li jħobbu jaħdmu.

Jekk intom qed tistennew li hawnhekk sa ssibu nies perfetti, sa toħorġu ddiżappuntati. Iżda jekk tfittxu d-duttrina pura ta’ Kristu, il-kelma ta’ Alla “li tfejjaq ir-ruħ imġarrba,”9 u l-influwenza mqaddsa tal-Ispirtu s-Santu, allura sa jirnexxilkom issibuhom. F’ dawn iż-żminijiet ta’ nuqqas ta’ fidi—f’ dawn iż-żminijiet fejn tant nies iħossuhom imbegħdin mill-influwenza tas-sema—hawnhekk sa ssibu nies li għandhom xewqa kbira li jimxu u jkunu viċin tas-Salvatur tagħhom billi, bħalkom, huma jaqdu lil Alla u lil għajrhom. Ejjew, Ingħaqdu Magħna!

Tridux Titilqu Intom Ukoll?

Ġie f’ moħħi żmien partikolari fil-ħajja tas-Salvatur meta ħafna abbandunawh.10 Ġesù staqsa lit-tnax-il dixxiplu:

“Tridux titilqu intom ukoll?

“Wieġbu Xmun Pietru, Mulej, għand min immorru? inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.”11

Jiġi żmien meta aħna jkollna nwieġbu l-istess mistoqsija. Tridux titilqu intom ukoll? Jew inkella aħna, bħal Pietru, inżommu b’ mod sod mal-kliem tal-ħajja eterna?

Jekk intom qed tfittxu l-verità, u mod kif tittrasformaw il-fidi tagħkom f’ għemejjel; jekk qed tfittxu post li tħossukom parti minnu: Ejjew, Ingħaqdu Magħna!

Jekk intom warrabtu l-fidi li darba kontu tħaddnu: Erġgħu lura. Ingħaqdu Magħna!

Jekk tiġikom it-tentazzjoni li tabbandunaw kollox: Ibqgħu ftit ieħor. Hawn spazju għalikom.

Nitlob b’ ħerqa lil dawk fostkom li tisimgħu jew taqraw dan il-kliem: Ejjew, Ingħaqdu Magħna. Ejjew isimgħu s-sejħa tat-twajjeb Kristu. Erfgħu salibkom u imxu warajh.12

Ejjew, Ingħaqdu Magħna! Għaliex hawn issibu dak li hu imprezzabbli.

Jiena nixhed li hawn intom issibu l-kliem tal-ħajja eterna, il-wegħda tal-fidwa mbierka, u t-triq għall-paċi u l-hena.

Nitlob b’ ħerqa li t-tfittxija tagħkom għall-verità tkebbes ġo qalbkom ix-xewqa li tiġu u tingħaqdu magħna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.