2013
Ma Nħallikx, Ma Nitilqekx
Novembru 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Novembru 2013

“Ma Nħallikx, Ma Nitilqekx”

Missierna tas-Smewwiet … jaf li aħna nitgħallmu u nikbru u nissaħħu hekk kif inħabbtu wiċċna mal-isfidi tal-ħajja, u negħlbuhom, liema sfidi għandna ngħaddu minnhom.

Fid-djarju tiegħi llejla, jiena missni nikteb, “Din kienet waħda mill-aktar sezzjonijiet li ħassejtha tispirani minn fost il-konferenzi ġenerali kollha li jiena attendejt. Kollox kien ta’ natura mill-aktar qawwija u spiritwali.”

Ħuti, sitt xhur ilu, hekk kif iltqajna flimkien fil-konferenza ġenerali tagħna, l-għażiża mara tiegħi, Frances, kienet tinsab l-isptar, peress li kienet soffriet waqgħa mill-aktar kerha ftit tal-jiem qabel. F’ Mejju, wara ġimgħat sħaħ tiġġieled b’ kuraġġ l-uġigħ minħabba l-ġrieħi li ġarrbet, hija għaddiet għall-eternità. It-telfa tagħha kienet mill-aktar profonda. Jiena u hi żżewwiġna fit-Tempju ta’ Salt Lake fis-7 ta’ Ottubru, 1948. Kieku għada konna nagħlqu 65 sena miżżewġin. Hija kienet l-imħabba ta’ ħajti, il-persuna li kont nafda fiha, u l-akbar ħabiba tiegħi. Li ngħid li nimmissjaha ma jiġġustifikax biżżejjed il-profondità tas-sentimenti tiegħi.

Din il-konferenza timmarka l-50 sena minn meta jiena ġejt imsejjaħ fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu mill-President David O. McKay. Tul dawn is-snin kollha jiena dejjem ħassejt l-appoġġ sħiħ u assolut tas-sieħba ħelwa tiegħi. Kemm għamlet sagrifiċċji sabiex jiena nkun nista’ nwettaq is-sejħa tiegħi. Qatt ma smajtha tgerger meta kien ikun meħtieġ li jiena nqatta’ jiem sħaħ u xi kultant anke ġimgħat ‘il bogħod minnha u minn uliedna. Hija kienet anġlu, fil-veru sens tal-kelma.

Nixtieq nesprimi r-ringrazzjament tiegħi, kif ukoll tal-familja tiegħi, għat-turija tremenda ta’ mħabba li aħna rajna mingħandkom minn meta Francis għaddiet għal ħajja oħra. Irċevejna mijiet ta’ kartolini u ittri minn madwar id-dinja, kollha jesprimu l-ammirazzjoni lejha u kondoljanzi lill-familja tagħna. Irċevejna għexieren ta’ arranġamenti bil-fjuri kollha mill-isbaħ. Aħna grati tal-kontribuzzjonijiet tagħkom li ġew offruti f’ isimha lill-Fondi Missjunarju Ġenerali tal-Knisja. F’ isem dawk fostna li hi ħalliet warajha, jiena nesprimi l-gratitudni profonda għall-espressjoni ta’ mħabba ħierġa minn qalbkom.

Ta’ faraġ kbir għalija matul dan iż-żmien diffiċli ta’ firda kienet it-testimonjanza tiegħi tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-għarfien li għandi li l-għażiża tiegħi Frances għadha tgħix. Jiena naf li s-separazzjoni tagħna hija waħda temporanja. Aħna ġejna ssiġillati fid-dar ta’ Alla minn wieħed li għandu l-awtorità li jgħaqqad fl-art kif ukoll fis-sema. Jiena naf li xi darba aħna nerġgħu ningħaqdu flimkien u qatt aktar ma niġu separati. Dan huwa l-għarfien li lili jsostnini.

Ħuti, ma nkunux qed niżbaljaw meta nassumu li kull bniedem li xi darba għex għadda wkoll minn xi tip ta’ esperjenza ta’ sofferenza u niket, jew meta nassumu li ma kien hawn ebda żmien fl-istorja umana li ma kienx fih perjodi ta’ inkwiet u miżerja.

Meta t-triq tal-ħajja tieħu xi liwja kiefra, tiġina t-tentazzjoni li nistaqsu “Għaliex jien?” Xi kultant jidher li ma jkun hemm l-ebda dawl fi tmiem il-mina, l-ebda żerniq wara d-dalma tal-lejl. Inħossuna ninħakmu mid-diżappunt ta’ ħolm li għeb u disprament ta’ tamiet li kellna u issa spiċċaw fl-arja. Aħna ningħaqdu fil-karba bibblika, “M’hemmx aktar balzmu f’ Gilgħad?”1 Aħna nħossuna abbandunati, qalbna mqasuma, weħidna. Aħna inklinati li nħarsu lejn l-isfortuni personali tagħna minn perspettiva ta’ pessimiżmu. Ma jibqgħalniex aktar paċenzja sabiex insibu soluzzjoni għall-problemi tagħna; ninsew li bosta drabi jkun jeħtieġ li jkollna l-virtù divin tal-paċenzja.

Id-diffikultajiet li nħabbtu wiċċna magħhom jippreżentawlna l-veru test biex jaraw jekk għandniex il-kapaċità li nibqgħu sodi waqt il-provi tal-ħajja. Ilkoll kemm aħna jkun jonqosna nwieġbu mistoqsija mill-aktar fundamentali: Sa naqta’ qalbi jew sa nibqa’ sejjer sat-tmiem? Xi wħud jaqtgħu qalbhom hekk kif isibu lilhom infushom f’ diffikultà biex jegħlbu l-isfidi tagħhom. Biex tibqa’ sejjer sat-tmiem ifisser li tibqa’ għaddej sat-tmiem ta’ ħajtek.

Hekk kif nixtarru dak kollu li nistgħu ngħaddu minnu, nistgħu ngħidu flimkien ma’ Ġob tal-qedem, “Il-bniedem li jiled l-għawġ.”2 Ġob kien bniedem “perfett u tajjeb” li kien” jibża’ minn Alla u mbiegħed mill-ħażen.”3 Ġust f’ għemilu, u bniedem mill-aktar sinjur, Ġob kellu jħabbat wiċċu ma’ prova, li, kieku kellu jgħaddi minnha bniedem ieħor, żgur kieku kien jitkisser. Tilef dak kollu li kien jippossedi , iżżebblaħ minn sħabu, ħabbat wiċċu ma’ tant sofferenza, ħassu jitfarrak għax spiċċa tilef anke familtu, spiċċaw biex qalulu “isħet ‘l Alla u mut.”4 Huwa rreżista din it-tentazzjoni u ddikjara mill-fond tar-ruħ nobbli tiegħu:

“Issa, għandi xhud fis-sema, hemm fil-għoli, min jaqbeż għalija.”5

“Jien naf li l-feddej tiegħi ħaj.”6

Ġob żamm il-fidi. Aħna lesti nagħmlu l-istess hekk kif inħabbtu wiċċna mal-isfidi personali tagħna?

Kull darba li nħossuna qed naqtgħu qalbna minħabba d-daqqiet kiefra tal-ħajja, ejjew niftakru li oħrajn għaddew mill-istess triq qabilna, baqgħu sodi u għelbu l-għawġ.

L-istorja tal-Knisja f’ din id-despensazzjoni tal-milja taż-żminijiet hi mimlija b’ esperjenzi ta’ dawk li soffrew iżda li baqgħu sodi u pożittivi. Għaliex? Għaliex poġġew l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjithom. Dak li jżommna għaddejjin jiġri x’ jiġri minna. Xorta waħda nibqgħu nesperjenzaw ċerti sfidi diffiċli, iżda nkunu kapaċi niffaċċjawhom, ma naqtgħux qalbna minnhom u noħorġu rebbiħin.

Minn qiegħ sodda kollna wġigħ, minn fuq imħadda kollha dmugħ, aħna nħossuna tilgħin lejn is-smewwiet permezz tal-assigurazzjoni divina u l-wegħda prezzjuża: “Ma nħallikx, ma nitilqekx.”7 Faraġ bħal dan huwa ħaġa imprezzabbli.

Peress li vvjaġġajt sew madwar id-dinja kollha biex inwettaq ir-responsabbiltajiet tas-sejħa tiegħi, jiena tgħallimt bosta ħwejjeġ—żgur mhux lanqas li n-niket u sofferenza huma xi ħaġa universali. Lanqas biss nista’ nibda nkejjel l-uġigħ ta’ qalb u n-niket li rajt b’ għajnejja hekk kif żort ħafna nies li qed iħabbtu wiċċhom mat-tbatija, jesperjenzaw il-mard, għaddejjin minn xi divorzju, jinsabu jbatu minħabba li xi ħadd minn uliedhom qabad triq ħażina jew qed isofru konsegwenza tad-dnub. Il-lista ma tispiċċa qatt, għaliex hawn wisq problemi li nistgħu nħabbtu wiċċna magħhom. Huwa diffiċli li nsemmi eżempju wieħed partikolari, u madankollu meta naħseb dwar l-isfidi li toffri l-ħajja, ħsibijieti jduru fuq Brother Brems, wieħed mill-għalliema tal-Iskola tal-Ħadd ta’ tfuliti. Kien membru fidil tal-Knisja, bniedem b’ qalb tad-deheb. Hu u martu, Sadie, kellhom tmient itfal, ħafna minnhom tal-istess età tiegħi u ta’ ħuti.

Wara li jiena u Frances iżżewwiġna u morna noqogħdu f’ qasam ieħor, spiċċajna bqajna niltaqgħu ma’ Brother u Sister Brems u l-membri tal-familja tagħhom f’ bosta tiġijiet u funerali kif ukoll kull meta kien ikun hemm xi riunjoni tal-qasam tagħna.

Fl-1968, Brother Brems tilef lill-mara tiegħu. Tnejn mit-tmien uliedhom għaddew ukoll għal ħajja oħra ftit tas-snin wara.

Xi 13 il-sena ilu, irċevejt telefonata mingħand in-neputija l-kbira ta’ Brother Brems. Qaltli li nannuha kien għalaq sninu, 105 snin. Hija qalti, “Huwa joqgħod ġo ċentru żgħir għall-anzjani iżda jiltaqa’ mal-familja kollha tiegħu kull nhar ta’ Ħadd, fejn jippreżenta lezzjoni tal-evanġelju.” Hija kompliet, “Nhar il-Ħadd li għadda, in-Nannu ħabbrilna bid-dmugħ f’ għajnejh, ‘Għeżież tiegħi, jiena sa mmut din il-ġimgħa. Tistgħu, jekk joġogħbkom, tgħidu lil Tommy Monson jiġi jarani. Huwa jaf x’ għandu jagħmel.”

Dik il-lejla stess jiena mort inżur lil Brother Brems. Kont ili mhux ħażin ma narah. Ma stajtx inkellmu għaliex kien tilef is-smigħ. Ma stajtx niktiblu xi messaġġ biex jaqrah, għaliex kien tilef id-dawl. Ġejt mgħarraf li l-familja kienet tikkomunika miegħu billi jaqbdulu subgħajh ta’ idu l-leminija u mbagħad fuq il-pala t’ idu x-xellugija jimmarkawlu b’ subgħajh isem il-persuna li tkun qed iżuru. Kull messaġġ ieħor kien jiġi mgħoddi lilu bl-istess mod. Jiena imxejt ma’ din il-proċedura billi qbadt subgħajh u spellejt T-O-M-M-Y M-O-N-S-O-N, l-isem li minn dejjem kien jafni bih. Brother Brems deher li beda jħossu eċitat u, qabadli jdejja, u poġġiehom fuq rasu. Jiena ndunajt li kellu x-xewqa li jirċievi barka saċerdotali. Is-sewwieq li kien wassalni saċ-ċentru ngħaqad miegħi hekk kif it-tnejn li aħna poġġejna jdejna fuq ras Brother Brems u tajnieh il-barka li xtaq. Wara, l-għajnejn bla dawl tiegħu mtlew bid-dmugħ. Huwa ggranfali jdejja biex jirringrazzjani. Għalkemm huwa ma setax jisma’ l-barka li tajnieh, l-Ispirtu kien verament qawwi, u jiena nemmen li huwa kien ispirat li sar jaf li aħna pprovdejnielu l-barka li tant xtaq. Dan ir-raġel twajjeb ma setax jara iżjed. Ma setax jisma’ iżjed. Huwa spiċċa lejl u nhar ġewwa kamra żgħira f’ ċentru tal-anzjani. Madankollu fuq wiċċu kellu tbissima u l-kliem li tenna missli qalbi. “Grazzi,” huwa qalli. “Missieri tas-Smewwiet kien veru twajjeb miegħi.”

F’ temp ta’ ġimgħa, kif kien bassar Brother Brems stess, huwa għadda għal ħajja oħra. Qatt ma kien joqgħod igerger fuq dak li m’ għandux; minflok, huwa dejjem kien verament grat għall-bosta barkiet li kellu.

Missierna tas-Smewwiet, li jagħtina tant ħwejjeġ sbieħ li jferrħuna, jaf ukoll li aħna nitgħallmu u nikbru u nissaħħu hekk kif inħabbtu wiċċna mal-isfidi tal-ħajja, u negħlbuhom, liema sfidi għandna ngħaddu minnhom. Nafu li jiġu żminijiet meta aħna nesperjenzaw tant niket li jweġġgħalna qalbna, meta nesperjenzaw tant dulur, u meta niġu ttestjati li bilkemm inkunu nifilħu nkomplu. Madankollu, diffikultajiet bħal dawn jagħtuna ċ-ċans li ninbidlu għall-aħjar, li nerġgħu nibnu ħajjitna bil-mod li jgħallimna Missierna tas-Smewwiet, u li nsiru xi ftit differenti milli konna qabel—aħjar milli konna qabel, lesti nifhmu aktar milli konna qabel, aktar empatiċi milli konna qabel, b’ testimonjanza aktar b’ saħħitha milli kellna qabel.

Dan għandu jkun l-għan tagħna—li ma naqtgħux qalbna u nibqgħu għaddejjin, iva, iżda għandu jkun ukoll li nsiru aktar irraffinati spiritwalment hekk kif nesperjenzaw kemm il-ferħ kif ukoll in-niket. Kieku ma kienx għax ikollna negħlbu l-isfidi u nsolvu l-problemi, konna nibqgħu bażikament kif aħna, bi ftit jew xejn progress lejn l-għan tagħna tal-ħajja eterna. Il-poeta esprima bażikament l-istess ħsieb f’ dan il-kliem:

Injam tajjeb ma jikbirx b’ mod faċli,

Aktar m’hu b’ saħħtu r-riħ, aktar b’ saħħithom is-siġar.

Aktar m’hi ‘l bogħod is-sema, aktar ‘il fuq jitilgħu.

Aktar qawwija t-tempesta, aktar s-saħħa jkollhom.

Bix-xemx u l-kesħa, bix-xita u s-silġ,

Fis-siġar u l-bniedem injam tajjeb jikber.8

L-Imgħallem biss jaf il-fond tal-isfidi, tal-uġigħ u tas-sofferenza tagħna. Huwa biss joffrilna paċi eterna fi żmien ta’ avversità. Huwa biss imiss ir-ruħ ittorturata tagħna bil-kliem kollu faraġ Tiegħu:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif.”9

Kemm jekk għaddejjin mill-isbaħ mument jew mill-agħar mument, Huwa jinsab magħna. Huwa wiegħed li sa jibqa’ hekk għal dejjem.

Ħuti, j’ Alla l-impenn tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet ikun wieħed li ma jgħibx u jmajna mas-snin jew mal-kriżijiet ta’ ħajjitna. M’ għandniex għalfejn nesperjenzaw diffikultajiet sabiex aħna niftakru fih, u m’ għandniex għalfejn niġu mġegħlin numiljaw ruħna biex aħna nuru l-fidi u l-fedeltà tagħna fih.

J’ Alla dejjem nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkunu viċin Missierna tas-Smewwiet. Biex nagħmlu dan, għandna nitolbuh u nisimgħu kuljum x’ għandu jgħidilna. Verament aħna bżonnu f’ kull mument, kemm fis-siegħa tax-xemx kif ukoll fis-siegħa tax-xita. J’ Alla dejjem nibqgħu niftakru l-wegħda Tiegħu: “Ma Nħallikx, Ma Nitilqekx”10

Bil-qawwa kollha ta’ ruħi, jiena nixhed li Alla jgħix u jħobbna, li l-Uniku Iben Waħdieni Tiegħu għex u miet għalina u li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa d-dawl penetranti li jiddi qalb id-dalma ta’ ħajjitna. J’ Alla dejjem ikun hekk, jiena nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.