2013
Familja u Ħbieb Għal Dejjem
Diċembru 2013


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2013

Familja u Ħbieb Għal Dejjem

Immaġni
President Henry B. Eyring

Ġejjin minn fejn ġejjin, żgur li lkoll kemm intkom għandkom xi ħbieb li qed ifittxu l-ferħ akbar li intom sibtu hekk kif bdejtu tgħixu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Jista’ jkun li huma ma jsibux kliem kif jistgħu jiddeskrivu dan il-ferħ, iżda żgur li jkunu jistgħu jagħrfuh meta jarawh f’ ħajjitkom. Huma jkunu ħerqanin li jitgħallmu dwar is-sors ta’ dak il-ferħ, speċjalment meta jaraw li intom ukoll, bħalhom, tħabbtu wiċċkom mal-isfidi tal-ħajja.

Intom ħassejtu dan il-ferħ hekk kif bdejtu żżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Dan huwa l-frott imwiegħed lilna meta aħna ngħixu l-evanġelju (ara Mosiah 2:41). Intom ma tobdux il-kmandamenti tal-Mulej b’ fedeltà ħalli jkunu jistgħu jarawkom in-nies, iżda dawk li josservaw il-ferħ tagħkom ikunu qegħdin jitħejjew mill-Mulej sabiex jisimgħu l-kelma t-tajba tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju.

Il-barkiet li ngħatajtu poġġew fuqkom ċerti obbligi kif ukoll ċerti opportunitajiet mill-isbaħ. Bħala dixxipli tal-patt ta’ Ġesù Kristu, intom obbligati li testendu din l-opportunità li ngħatajtu lil ħaddieħor, sabiex huma wkoll isibu ferħ akbar, speċjalment lil ħbiebkom u l-membri tal-familja tagħkom.

Il-Mulej ra l-opportunità tagħkom u ddeskriva l-obbligu li huwa tagħkom permezz ta’ dan il-kmandament: “Jeħtieġ li kull bniedem li ġie mwissi jwissi lil għajru” (D&C 88:81).

Il-Mulej jagħmilha aktar faċli li aħna nobdu dan il-kmandament permezz tal-bidla li sseħħ ġewwa qalbna hekk kif aħna naċċettaw u ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. B’ riżultat ta’ dan, l-imħabba tagħkom lejn ħaddieħor tikber, kif tikber ukoll ix-xewqa tagħhom li huma jgawdu mill-istess ferħ li tgawdu minnu intom.

Eżempju ta’ din il-bidla hu kif intom lesti tilqgħu l-opportunità li tgħinu fil-ħidma missjunarja tal-Mulej. Il-missjunarji full-time malajr jagħrfu li dak l-ikkonvertit vera sa jkun lest biex jilqa’ b’ imħabba t-talba tagħhom li jirreferihom għal xi ħadd biex huma jgħallmu lilu. Dan l-ikkonvertit għandu fih ħerqa kbira sabiex sħabu u l-membri tal-familja tiegħu jaqsmu l-ferħ tiegħu miegħu.

Meta l-mexxej tal-missjoni tal-qasam tagħkom jew il-missjunarji jistaqsukom għal isem xi ħadd ħalli jkunu jistgħu jgħallmuh, dan għandkom teħduh bħala kumpliment. Huma jafu li l-ħbieb tagħkom raw fikom dan il-ferħ u, għalhekk, dawn il-ħbieb diġà jinsabu mħejjija sabiex jisimgħu u jagħżlu li jaċċettaw l-evanġelju. U huma jinsabu ċerti li intom sa tkunu l-ħbieb li huma sa jkollhom bżonn hekk kif jidħlu fis-saltna.

M’ għandkomx toqogħdu tibżgħu li forsi tistgħu titilfu l-ħbieb jekk tistiednu l-missjunarji sabiex jiltaqgħu magħhom. Jien għandi ħbieb li ma laqgħux it-talba tal-missjunarji iżda xorta waħda rringrazzjawni tul is-snin talli jiena offrejtilhom xi ħaġa li kienu jafu kemm hi prezzjuża għalija. Intom tistgħu tagħmlu ħbieb eterni billi toffrulhom l-evanġelju, li huma jagħrfu bħala dak li ġablek il-ferħ f’ ħajtek. Qatt titilfu opportunità li tistiednu lil xi ħabib, u speċjalment lil xi membru tal-familja, biex jagħżel jekk iridx jimxi wara l-pjan tal-ferħ.

Imkien ma jagħtikom opportunità akbar li tagħmlu din l-istedina mit-tempji tal-Knisja. Hemmhekk il-Mulej jista’ joffri l-ordinanzi tas-salvazzjoni lil dawk l-antenati tagħna li ma setgħux jirċevuhom f’ din il-ħajja. Huma jħarsu lejkom mis-smewwiet b’ imħabba u tama. Il-Mulej wiegħed li huma sa jingħataw l-opportunità li jidħlu fis-saltna Tiegħu (ara D&C 137:7–8), u f’ qalbkom Huwa żera’ l-imħabba tagħkom lejhom.

Ħafna minnkom żgur li ħassejtu l-ferħ f’ qalbkom meta intom offrejtu l-ordinanzi tat-tempju għal ħaddieħor, l-istess ferħ li tesperjenzaw meta lill-missjunarji tagħtuhom ismijiet ta’ nies ħalli jiltaqgħu magħhom. U m’hemmx dubju li intom ħassejtu saħansitra ferħ akbar meta wettaqtu l-ordinanzi għall-antenati tagħkom. Ġie żvelat lill-Profeta Joseph Smith li l-ferħ etern tagħna huwa possibbli biss jekk min-naħa tagħna aħna nagħmluha possibbli għall-antenati tagħna li huma wkoll jiksbu l-istess barkiet li ksibna aħna permezz tal-ordinanzi tat-tempju li jitwettqu f’ isimhom (ara D&C 128:18).

Żmien il-Milied iressaq qlubna viċin is-Salvatur u lejn il-ferħ li jġibilna l-evanġelju Tiegħu. L-aħjar mod kif aħna nistgħu nuru l-gratitudni tagħna lejh hu meta aħna noffru dan il-ferħ lil ħaddieħor. Il-gratitudni tagħna tinbidel f’ ferħ hekk kif aħna noffru xi ismijiet lill-missjunarji u hekk kif nippreżentaw l-ismijiet tal-antenati tagħna fit-tempju. L-evidenza tal-gratitudni tagħna tista’ twassalna sabiex ikollna ħbieb u familji eterni.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Il-President Eyring spjega li aħna nistgħu nuru l-gratitudni tagħna lejn is-Salvatur billi naqsmu l-evanġelju mal-oħrajn. Intom tistgħu tiddiskutu ma’ dawk li intom tgħallmu kif ħajjithom tbierket permezz tar-rigal tal-evanġelju. Ikkunsidraw li tistednuhom sabiex bl-għajnuna tat-talb huma jidentifikaw lil dawk il-persuni li magħhom jixtiequ jaqsmu r-rigal tal-evanġelju u kif huma jistgħu jagħmlu dan.

Ipprintja