2014
L-Aqwa Żmien Biex Tiżra Siġra
Jannar 2014


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2014

L-Aqwa Żmien Biex Tiżra Siġra

Il-President Dieter F. Uchtdorf

F’ Ruma tal-qedem, Ġanu kien l-alla ta’ kull bidu. Ħafna drabi kien jintwera b’ żewġt uċuħ—wieħed iħares lura fil-passat, u l-ieħor iħares ‘il quddiem fil-futur. Ix-xahar ta’ Jannar f’ ċerti lingwi huwa msemmi għalih peress li l-bidu tas-sena kien żmien ta’ riflessjoni kif ukoll ta’ ppjanar.

Eluf tas-snin wara, bosta kulturi madwar id-dinja żammew ħajja t-tradizzjoni li jagħmlu ċerti riżoluzzjonijiet għas-sena l-ġdida. M’hemmx dubju, li tagħmel ir-riżoluzzjonijiet hija ħaġa faċli—però li żżommhom hija ħaġa differenti għal kollox.

Wieħed raġel li għamel lista sħiħa ta’ riżoluzzjonijiet għas-Sena l-Ġdida ħassu pożittiv ħafna li kien sa jirnexxilu jżommhom. Huwa qal bejnu u bejn ruħu, “S’issa irnexxili nżomm id-dieta, ma tliftx il-paċenzja, qatt lura milli nonfoq aktar milli jmissni u lanqas darba ma gergirt dwar il-kelb tal-ġar tiegħi. Iżda llum huwa t-2 ta’ Jannar u għadu kif daqq l-iżveljarin u wasal il-ħin biex inqum mis-sodda. Miraklu biss jista’ jgħinni nibqa’ għaddej b’ dan il-mod.”

Nibdew mill-Ġdid

Hemm xi ħaġa li timlina b’ tant tama meta niġu biex nibdew bidu ġdid. Naħseb f’ xi ħin jew ieħor ilkoll kemm aħna ridna nerġgħu nibdew mill-ġdid fuq paġna nadifa.

Verament nieħu pjaċir meta jkolli xi kompjuter ġdid b’ hard drive ghadha vojta. Għal ftit żmien jibqa’ jaħdem b’ mod perfett. Iżda meta jgħaddu l-jiem u l-ġimgħat u jiġu nstallati fuqu aktar u aktar programmi (xi wħud b’ mod intenzjonat, oħrajn le), eventwalment il-kompjuter jibda’ jeħel, u dawk l-affarijiet li fil-bidu kienu jaħdmu mill-ewwel, issa jibdew jieħdu aktar ħin. Xi kultant lanqas biss jibqa’ jaħdem. Anke biex sempliċement jistartja tista’ ssir biċċa xogħol diffiċli peress li l-hard drive tibda’ tegħja b’ ħafna data u programmi oħra mhux neċessarji. Ikun hemm mumenti meta l-unika soluzzjoni li jkun baqa’ tkun li tifformattja l-kompjuter u tibda’ mill-ġdid.

Bl-istess mod il-bniedem jista’ jibda jegħja b’ ħafna biża’, b’ dubji, u bil-ħtija li tant ittaqqlu. L-iżbalji li aħna nagħmlu (kemm b’ mod intenzjonat, u kemm le) jistgħu tant jitfgħu piż fuqna li jibda jsir diffiċli nagħmlu dak li nafu li għandna nagħmlu.

Fil-każ tad-dnub, hemm proċess meraviljuż li jgħin sabiex nifformattjaw ruħna u li jissejjaħ l-indiema, li jagħtina ċ-ċans li nnaddfu l-hard drives tagħna mill-imbarazz kollu li jtaqqlilna qalbna. L-evanġelju, permezz tal-Att tal-Fidwa mirakoluż u mimli kompassjoni ta’ Ġesù Kristu, jurina l-mod kif nistgħu nnaddfu ruħna mit-tbajja’ tad-dnub u għal darb’oħra nerġgħu nsiru ġodda, puri u innoċenti bħat-tfal.

Iżda xi kultant ħwejjeġ oħra ma jħalluniex nibqgħu għaddejjin u jżommuna lura, filwaqt li jwasslu biex ċerti ħsibijiet u għemejjel xejn produttivi jagħmluhielna diffiċli li aħna nistartjaw.

Nuru l-Potenzjal Tagħna

Li nfasslu ċerta għanijiet f’ ħajjitna hija ħaġa mill-aktar denja. Aħna nafu li Missierna tas-Smewwiet għandu wkoll l-għanijiet Tiegħu għaliex qalilna li l-ħidma u l-glorja Tiegħu hi “li [jġib] fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem” (Moses 1:39).

L-għanijiet personali jistgħu joħorġu minna l-potenzjal tagħna. Madankollu, waħda mill-ħwejjeġ li ttellef l-isforzi tagħna sabiex infasslu u nżommu ċerti riżoluzzjonijiet hi meta aħna noqogħdu nitnikkru. Xi kultant nitnikkru għaliex noqgħodu nistennew il-mument ġust biex nibdew—l-ewwel jum tas-sena, il-bidu tas-sajf, meta niġu msejħin bħala isqof jew president tas-Soċjetà tal-Għajnuna, wara li t-tfal jibdew l-iskola, wara li nirtiraw.

M’ għandek bżonn l-ebda stedina qabel tibda’ miexi fid-direzzjoni tal-għanijiet ġusti tiegħek. M’ għandek bżonn tistenna ebda permess sabiex issir il-bniedem li inti maħluq li ssir. M’ għandekx bżonn toqgħod tistenna sabiex tiġi mistieden ħalli sservi fil-Knisja.

Ħafna drabi aħna naħlu ħafna snin minn ħajjitna nistennew li niġu magħżula (ara D&C 121:34–36). Iżda din hi premessa żbaljata. Inti diġà magħżul!

F’ ċerti mumenti f’ ħajti jiena qattajt numru ta’ ljieli bla rqad naħseb fuq ċerti problemi, ninkwieta jew għaliex inkun personalment imnikket. Iżda ikun kemm ikun mudlam il-lejl, jiena dejjem inħossni nimtela b’ kuraġġ minħabba dan il-ħsieb: filgħodu titla’ x-xemx.

Ma’ kull jum ġdid, tfeġġ għodwa ġdida—mhux biss għad-dinja iżda wkoll għalina lkoll. U ma’ kull jum ġdid ifeġġ bidu ġdid—ċans li tibda mill-ġdid.

Iżda Jekk Ma Jirnexxilniex?

Xi kultant il-ħaġa li żżommna lura tkun il-biża’. Nistgħu nibdew nibżgħu li mhux sa nirnexxu, li aħna mhux kapaċi nirnexxu, li nistgħu nimbarazzaw ruħna, li s-suċċess jista’ jibdilna jew li jista’ jibdel lin-nies li aħna nħobbu.

Għalhekk noqogħdu nistennew. Jew naqtgħu qalbna.

Ħaġa oħra li rridu niftakru meta niġu biex infasslu ċerti għanijiet hija din: Aħna ċertament ikollna mumenti meta ma nirnexxux—tal-anqas għal żmien qasir. Iżda minflok ma naqtgħu qalbna, nistgħu nħossuna nitqawwew għaliex dan l-għarfien ineħħi minn fuqna l-pressjoni li rridu nkunu perfetti issa f’ dan il-mument. Nagħrfu mill-bidu nett li f’ xi żmien jew ieħor aħna sa niżolqu xi ftit. Li nkunu nafu dan minn qabel jgħinna sabiex ma jkollniex sorpriżi u nispiċċaw naqtgħu qalbna minħabba l-falliment.

Meta nħarsu lejn l-għanijiet tagħna b’ dan il-mod, m’ għandniex nillimitaw ruħna minħabba l-falliment. Ftakar, anke jekk ma jirnexxilniex nilħqu mill-ewwel id-destinazzjoni finali mixtieqa, aħna nkunu għamilna progress fit-triq tagħna li twassal għal fejn nixtiequ.

U din il-ħaġa—tfisser ħafna.

Anke jekk ma jirnexxilniex intemmu l-maratona, li nkomplu għaddejjin bil-vjaġġ żgur jagħmilna akbar milli konna qabel.

L-Aqwa Żmien Biex Tibda Huwa Issa

Il-proverbju l-antik jgħid, “L-aħjar żmien biex tiżra’ siġra hu 20 sena ilu. It-tieni l-aħjar żmien huwa issa.”

Hemm xi ħaġa meraviljuża li timlik bit-tama dwar il-kelma issa. Hemm xi ħaġa li timlina bil-qawwa dwar il-fatt li jekk nagħżlu li niddeċiedu issa, aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem f’ dan il-mument.

Issa huwa l-aħjar żmien biex insiru l-bnedmin li eventwalment irridu nsiru—mhux biss fi żmien 20 sena iżda għall-eternità kollha.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Il-President Uchtdorf spjega li meta aħna ma jirnexxilniex nilħqu l-għanijiet tagħna, “nistgħu niksbu ċerta qawwa. . Anke jekk ma jirnexxilniex naslu sa tmiem il-maratona, li nkomplu għaddejjin bil-vjaġġ żgur jagħmilna bnedmin akbar milli konna qabel.” Itlob lill-membri tal-familja sabiex jaqsmu esperjenzi li fihom huma tgħallmu aktar mill-proċess milli tgħallmu mir-riżultat, bħal meta ggradwaw mill-iskola jew irċevew xi premju.