Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Marzu 2014
Servizz u Ħajja Eterna
Is-Salvatur huwa l-eżempju tagħna ta’servizz altruwista. Il-Ħajja perfetta Tiegħu ddedikaha biex jaqdi lil Missierna tas-Smewwiet u lil ulied Missierna kollha. L-għan komuni tal-Missier u tal-Iben hu li jagħtina lkoll ir-rigal tal-immortalità u l-barka tal-ħajja eterna (ara Moses 1:39).
Biex inkunu nistgħu nikkwalifikaw għall-ħajja eterna, għandna bżonn ninbidlu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu—nitwieldu mill-ġdid u nitnaddfu mid-dnub. Madankollu, it-tfal żgħar taħt it-tmien snin huma mingħajr dnub u jiġu mifdijin permezz tal-Att tal-Fidwa (ara Mosiah 3:16, 21; Moroni 8:10–12).
Għalina lkoll li nilħqu l-età li tagħmilna responsabbli minn għemilna, hemm pjan meraviljuż li jagħtina ċ-ċans li nitnaddfu mid-dnub u nħejju ruħna għall-ħajja eterna. Din it-tħejjija tibda permezz tal-magħmudija minn min għandu l-awtorità tas-saċerdozju u bl-għoti tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad għandna dejjem niftakru fis-Salvatur u nżommu l-kmandamenti li Huwa tana.
Is-Sultan Benjamin kellem lin-nies tiegħu fil-Ktieb ta’ Mormon dwar il-ferħ li nirċievu meta nħossu li aħna ġejna maħfurin mid-dnub permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad huwa għallimhom li, sabiex jibqgħu jiksbu maħfra minn dnubiethom, huma għandhom jgħallmu lil uliedhom biex jaqdu lil xulxin u għandhom ikunu ġenerużi kemm jistgħu meta jiġu biex jgħinu lil dawk ta’ madwarhom fil-bżonnijiet temporali u spiritwali tagħhom. (Ara Mosiah 4:11–16.)
Huwa għallimhom ukoll, “U araw, jiena ngħidilkom dan kollu sabiex tiksbu l-għerf; sabiex tkunu tafu li meta intom tkunu qed taqdu lil għajrkom intom fil-fatt tkunu qed taqdu lil Alla tagħkom” (Mosiah 2:17).
Ġesù għadda ħajtu jgħallem l-evanġelju u jagħmel il-ġid (ara Atti 10:38). Huwa fejjaq lill-morda. Huwa qajjem lill-mejtin. Bil-qawwa Tiegħu Huwa tama’ eluf ta’ nies meta huma kienu bil-ġuħ u mingħajr ikel (ara Mattew 14:14–21; Ġwanni 6:2–13). Wara l-qawmien Tiegħu mill-imwiet Huwa ta jieklu lil bosta Appostli minn Tiegħu meta dawn reġgħu lura lejn ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija (ara Ġwanni 21:12–13). Fil-kontinent Amerikan, Huwa fejjaq lill-morda u bierek lit-tfal, wieħed wieħed (ara 3 Nephi 17:7–9, 21).
Ġakbu l-Appostlu għallimna kif ix-xewqa li naqdu lil ħaddieħor tiġi mill-gratitudni tagħna għal dak li għamel għalina l-Mulej:
“Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, u ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda wieħed li jagħmilha, huwa hieni dan fl-għemil tiegħu. …
“Quddiem Alla u l-Missier, ir-reliġjon pura u bla tebgħa hija din, Iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ‘il bogħod mid-dinja” (Ġakbu 1:25, 27).
Xi ħaġa li tkebbes fik ċertezza li qed tippurifika ruħek hi meta inti tħoss xewqa dejjem tikber li taqdi lil ħaddieħor f’isem is-Salvatur. It-tagħlim tad-dar u t-tagħlim taż-żjajjar inti tibda tħares lejh bħala xi ħaġa ta’ ferħ u mhux xi biċċa xogħol li ġejt mitlub twettaqha. Tispiċċa tibda toffri aktar spiss l-għajnuna volontarja tiegħek fl-iskola lokali jew tibda tgħin aktar lil dawk li huma foqra fil-komunità fejn inti tgħix. Avolja ma tantx għandek flus x’tagħti lil dawk li għandhom anqas minnek, tkun tixtieq li għandek iżjed biex tkun tista’ tagħti iżjed (ara Mosiah 4:24). Tinbet ġewwa fik xewqa akbar li taqdi lil uliedek u turihom kif jaqdu lil ħaddieħor.
Hekk kif in-natura tiegħek tinbidel, inti tħoss ix-xewqa li toffri servizz akbar mingħajr ma tistenna lura ebda rikonoxximent. Jiena naf dixxipli tas-Salvatur li taw somom kbar ta’ flus u offrew is-servizz tagħhom b’ determinazzjoni li ħadd ħlief Alla u ħlief uliedhom ma jkunu jafu x’għamlu. Alla għaraf is-servizz tagħhom billi berikhom f’ din il-ħajja, u Huwa jberikhom fil-ħajja eterna li għad trid tiġi (ara Mattew 6:1–4; 3 Nephi 13:1–4).
Hekk kif inti obdejt il-kmandament li taqdi lil ħaddieħor (ara Mattew 22:39), inti ħassejt bidla fis-sentimenti ta’ kburija tiegħek. Is-Salvatur ikkoreġa lill-Appostli Tiegħu meta huma bdew jargumentaw bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. Huwa qal:
“Tħallux min isejħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.
“Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mattew 23:10–11).
Is-Salvatur jgħallimna kif nistgħu nitgħallmu naqdu lil xulxin. Huwa qeda lill-oħrajn b’ mod perfett, u aħna għandna nitgħallmu naqdu lil ħaddieħor kif tgħallem Hu—pass,pass (ara D&C 93:12–13). Permezz tas-servizz li nagħtu, aħna nistgħu nsiru bħalu. Nitolbu bil-qawwa kollha f’qalbna li nħobbu l-għedewwa tagħna kif ħabbhom Hu (ara Mattew 5:43–44; Moroni 7:48). Finalment aħna mbagħad inkunu nistgħu nikkwalifikaw għall-ħajja eterna Miegħu u ma’ Missierna tas-Smewwiet.
Jiena nwiegħed li aħna nkunu kapaċi naqdu b’ perfezzjoni akbar hekk kif aħna nimxu wara t-tagħlim u l-eżempju tas-Salvatur.
© 2014 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/13. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/13. Traduzzjoni ta’First Presidency Message, March 2014. Maltese. 10863 159