Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2014
Nimlew id-Dinja bl-Imħabba ta’ Kristu
Meta naħsbu dwar il-Milied, ħafna drabi niftakru dwar ir-rigali li nagħtu u li naqilgħu. Ir-rigali jistgħu jkunu parti minn xi tradizzjoni għażiża għalina, iżda dawn jistgħu wkoll inaqqsu mill-valur tad-dinjità sempliċi ta’ dan iż-żmien tas-sena u jżommuna xi ftit milli niċċelebraw it-twelid tas-Salvatur b’ mod sinifikanti.
Jiena naf minn esperjenza personali li l-aktar żminijiet tal-Milied memorabbli li jiena qatt kelli kienu dawk li ċċelebrajthom bl-aktar mod umli. Ir-rigali tat-tfulija tiegħi kienu mill-aktar modesti mqabblin mar-rigali li jingħataw illum. Kultant kont nirċievi xi qmis imraqqgħa jew inkella xi par ingwanti jew kalzetti. Niftakar Milied partikolari mill-aktar speċjali meta ħija tani sikkina tal-injam li kien skolpa huwa stess.
M’hemmx għalfejn ikollna rigali jqumu l-flus biex il-Milied ikun wieħed sinifikattiv. Ġiet f’ moħħi storja li rrakkonta l-Presbiteru Glen L. Rudd, li serva bħala membru tas-Sebgħin mill-1987 sal-1992. Jum qabel il-Milied bosta snin ilu, waqt li kien qed imexxi l-maħżen tal-isqof, huwa sar jaf mingħand mexxej ekkleżjastiku dwar familja fil-bżonn li kienet għadha kemm ġiet toqgħod fil-belt. Meta huwa mar iżur l-appartament żgħir tagħhom, huwa sab quddiemu omm żagħżugħa li weħidha kienet qed trabbi erbat itfal taħt l-10 snin.
Il-bżonnijiet tal-familja tant kienu kbar li dak il-Milied l-omm ma setgħetx tixtri rigali għal uliedha—lanqas biss kienet taffordja siġra tal-Milied. Brother Rudd tkellem mal-familja u sar jaf li t-tlett ibniet ċkejknin kienu jixtiequ pupa jew xi soft toy. Meta staqsa lit-tifel ta’ sitt snin x’ ried, ic-ckejken tifel imġewwaħ wieġeb, “Nixtieq skutella ċereali.”
Brother Rudd wiegħed lit-tifel żgħir xi ftit ċereali u forsi xi ħaġa oħra wkoll. Imbagħad huwa mar fil-maħżen tal-isqof u ġabar xi ikel u xi affarijiet oħra biex ikun jista’ jilħaq il-bżonnijiet immedjati tal-familja.
Din l-istess għodwa, wieħed Qaddis tal-Aħħar Jiem ġeneruż tah 50 dollaru “għal xi ħadd fil-bżonn.” B’ dik id-donazzjoni, Brother Rudd ħa miegħu tlieta minn uliedu u mar jagħmel ix-xirja tal-Milied—fejn uliedu bdew jagħżlu l-ġugarelli għal dawn it-tfal fil-bżonn.
Wara li għabbew il-karozza bl-ikel, bil-ħwejjeġ, bir-rigali, b’ siġra tal-Milied u b’ xi ornamenti, il-membri tal-familja Rudd saqu sal-appartament ta’ din il-familja. Hemmhekk huma għenu lill-omm u lil uliedha jarmaw is-siġra. Imbagħad huma poġġew ir-rigali taħtha u ppreżentaw lit-tifel pakkett kbir ċereali.
L-omm bkiet, it-tfal ferħu u lkoll kantaw għanja tal-Milied. Dik il-lejla, hekk kif il-membri tal-familja Rudd inġabru flimkien għall-ikla ta’ filgħaxija, huma offrew ir-ringrazzjament tagħhom li setgħu iwasslu daqsxejn ta’ ferħ tal-Milied lil familja oħra u jgħinu sabiex tfajjel ckejken jirċievi skutella ċereali.1
Kristu u l-Ispirtu li Tagħti milli Għandek
Aħsbu ftit dwar il-mod sempliċi madankollu dinjituż li bih Missierna tas-Smewwiet għażel li jonora t-twelid ta’ Ibnu. F’ dak il-lejl qaddis, l-anġli dehru mhux lill-għonja iżda lir-rgħajja. Kristu ma twelidx f’ palazz iżda f’ maxtura. Huma ma kienx imkebbeb f’ ilbies tal-ħarir iżda fi ħwejjeġ tal-fisqija.
Is-sempliċità ta’ dak l-ewwel Milied kienet tirrifletti l-ħajja tas-Salvatur. Għalkemm Huwa ħoloq id-dinja, mexa f’ renji ta’ maestà u glorja, u waqaf fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier, Huwa twieled fid-dinja bħala tifel li għandu bżonn min jieħu ħsiebu. Ħajtu kienet mudell ta’ nobbiltà modesta, u Huwa mexa qalb il-foqra, il-morda, dawk ta’ qalbhom sewda u dawk li jħossuhom imtaqqlin.
Għalkemm Huwa kien sultan, Huwa ma kien jimpurtah la mill-unuri u lanqas mir-rikkezzi tal-bnedmin. Ħajtu, kliemu u l-għemejjel Tiegħu ta’ kuljum kienu monumenti ta’ dinjità sempliċi iżda profonda.
Ġesù l-Kristu, li kien jaf perfettament kif għandu jagħti, tana eżempju tajjeb kif għandna nagħtu. Lil dawk li qalbhom tinsab imtaqqla bis-solitudni u n-niket, Huwa jwasslilhom il-kompassjoni u l-faraġ. Lil dawk li ġisimhom u moħħhom jinsabu milqutin minn xi mard u sofferenza, Huwa jwasslilhom l-imħabba u l-fejqan. Lil dawk li ruħhom hija maħkuma mid-dnub, Huwa joffrilhom it-tama, il-maħfra u l-fidwa.
Jekk is-Salvatur kellu jkun fostna llum, aħna nsibuh fejn dejjem kien—jipprovdi l-għajnuna lil dawk ta’ qalb umli, ta’ qalbhom sewda, lil dawk foqra fl-ispirtu u l-imnikktin. Matul dan iż-żmien tal-Milied u matul kull żmien ieħor, jalla nagħtu rigal Lilu billi nħobbu kif iħobb Hu. Jalla niftakru d-dinjità umli tat-twelid Tiegħu u tar-rigali Tiegħu u tal-ħajja Tiegħu. U jalla aħna, permezz ta’ atti sempliċi ta’ tjubija, karità u kompassjoni, nimlew id-dinja bid-dawl ta’ mħabbtu u l-qawwa tal-fejqan Tiegħu.
© 2014 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/14. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/14. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, December 2014. Maltese. 10872 159