2015
Testimonjanza u Konverżjoni
Frar 2015


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Februari 2015

Testimonjanza u Konverżjoni

Immaġni
President Henry B. Eyring

Hemm differenza bejn li nirċievu testimonjanza tal-verità u nikkonvertu verament. Per eżempju, il-kbir Appostlu Pietru ta x-xhieda tiegħu lis-Salvatur li huwa kien jaf li Ġesù kien Iben Alla.

“Ġesù staqsiehom, Imma intom min tgħidu li jien?

“U qabeż Xmun Pietru u qallu, Inti il-Messija, Bin Alla l-ħaj.

“U Ġesù wieġbu u qallu, Hieni int, Xmun bin Ġona: għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mattew 16:15–17).

Madankollu aktar tard, fit-twissija Tiegħu lil Pietru, il-Mulej ta kemm lilu kif ukoll lilna gwida kif nikkonvertu verament u kif din il-konverżjoni tibqa’ għal ħajjitna kollha. Ġesù qalha b’dan il-mod: “Meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Luqa 22:32).

Ġesù għallem lil Pietru li jkun għad trid titwettaq bidla kbira wara li wieħed ikun kiseb testimonjanza biex hu jkun kapaċi jaħseb, iħoss u jaġixxi bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu li kkonverta verament. Din hija l-bidla kbira li lkoll kemm aħna għandna naraw li sseħħ. Ladarba niksbuha, irridu li dik il-bidla tkompli sat-tmiem tal-prova mortali tagħna (ara Alma 5:13–14).

Aħna nafu mill-esperjenza tagħna u minn meta nosservaw lil ħaddieħor illi mhux biżżejjed li aħna jkollna ftit mumenti kbar ta’ qawwa spiritwali. Pietru ċaħad li huwa kien jaf lis-Salvatur anke wara li huwa kien irċieva xhieda mill-Ispirtu li Ġesù kien il-Kristu. It-Tliet Xhieda tal-Ktieb ta’ Mormon ngħatatilhom testimonjanza diretta li l-Ktieb ta’ Mormon kien il-kelma ta’ Alla, u madankollu aktar tard huma ma kinux kapaċi jsostnu lil Joseph Smith bħala l-Profeta tal-Knisja tal-Mulej.

Hemm bżonn bidla f’qalbna, kif deskritta fil-ktieb ta’ Alma: “U kollha kemm huma ddikjaraw lin-nies l-istess ħaġa—li kienet seħħet bidla f’qalbhom; li huma ma kellhomx aktar xewqa li jagħmlu l-ħażen” (Alma 19:33; ara wkoll Mosiah 5:2).

Il-Mulej għallimna li meta aħna nikkonvertu verament għall-evanġelju Tiegħu, f’qalbna sseħħ bidla li ma nibqgħux aktar naħsbu fina nfusna iżda niddedikaw ruħna għas-servizz lejn oħrajn biex ngħinuhom fil-mixja tagħhom lejn il-ħajja eterna. Biex nikkonvertu b’ dak il-mod, nistgħu nitolbu u naħdmu bil-fidi sabiex aħna nsiru kreaturi ġodda, possibbli biss permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Nistgħu nibdew billi nitolbu li jkollna l-fidi nindmu mill-egoiżmu tagħna u li niksbu d-don li naħsbu aktar f’ ħaddieħor milli fina nfusna. Nistgħu nitolbu għall-qawwa li nkunu kapaċi nwarrbu l-kburija u l-għira.

It-talb huwa ferm importanti wkoll biex aħna nirċievu d-don ta’ mħabba għall-kelma ta’ Alla u għall-imħabba ta’ Kristu (ara Moroni 7:47–48). It-tnejn li huma jmorru flimkien. Hekk kif aħna naqraw, nixtarru u nitolbu dwar il-kelma ta’ Alla, insiru nħobbuha. Il-Mulej ipoġġiha ġewwa qalbna. U hekk kif aħna nħossu dik l-imħabba, aħna nibdew inħobbu aktar u aktar lill-Mulej. Ma’ dan imbagħad niksbu aktar imħabba lejn ħaddieħor li jkollna bżonn sabiex insaħħu lil dawk li Alla jlaqqagħna magħhom.

Per eżempju, nistgħu nitolbu sabiex inkunu kapaċi nagħrfu lil dawk li l-Mulej ikun ħejja biex jgħallmuhom il-missjunarji Tiegħu. Il-missjunarji full-time jistgħu jitolbu bil-fidi biex ikunu jafu permezz tal-Ispirtu x’ għandhom jgħallmu u jixhdu. Huma jistgħu jitolbu bil-fidi li l-Mulej jgħinhom iħossu l-imħabba Tiegħu għal kull min jiltaqgħu miegħu. Il-missjunarji mhux se jressqu lil kull min jiltaqgħu miegħu għall-ilmijiet tal-magħmudija u għad-don tal-Ispirtu s-Santu. Iżda huma jista’ jkollhom l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb tagħhom. Permezz tas-servizz tagħhom u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, il-missjunarji mbagħad, wara ċertu żmien, jinbidlu f’ qalbhom.

Dik il-bidla terġa’ tiġġedded għal bosta drabi hekk kif huma u aħna b’ mod altruwista nkomplu tul ħajjitna naġixxu bil-fidi sabiex insaħħu lil ħaddieħor permezz tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-konverżjoni mhijiex avveniment ta’ darba jew xi ħaġa li ddum biss għal ftit żmien ta’ ħajjitna iżda hija proċess kontinwu. Id-dawl tal-ħajja jista’ aktar ma jmur jibqa’ jikber fil-qawwa tiegħu sa dak il-jum perfett, meta aħna naraw lis-Salvatur u nsibu li sirna bħalu. Is-Salvatur iddeskriva dan il-vjaġġ b’ dan il-mod: “Dak li ġej minn Alla huwa dawl; u dak li jirċievi d-dawl, u jibqa’ viċin Alla, jirċievi aktar dawl; u dak id-dawl jikber u jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.” (D&C 50:24).

Inwegħedkom li dan huwa possibbli għal kull wieħed u waħda minna.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Il-Presbiteru David A. Bednar tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu uża l-“parabbola tal-pikles” biex jgħallem li l-konverżjoni hija proċess kontinwu aktar milli avveniment ta’ darba: “Linja wara linja u preċett wara preċett, gradwalment u kważi bilkemm tinduna bih, fejn il-mottivi tagħna, il-ħsibijiet tagħna, kliemna u l-għemejjel tagħna jkunu jaqblu mar-rieda ta’ Alla” Liahona, Mejju 2007, 19). Ikkunsidraw li taqraw il-parabbola tal-pikles ma’ dawk li tgħallmu. X’ nistgħu nagħmlu kull wieħed u waħda minna biex nimxu ’l quddiem b’ mod sod fil-proċess kontinwu tal-konverżjoni li ddiskutew dwarha kemm il-President Eyring kif ukoll il-Presbiteru Bednar?

Ipprintja