2015
Il-Familji Jistgħu Jkunu Flimkien Għal Dejjem
Ġunju 2015


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ġunju 2015

Il-Familji Jistgħu Jkunu Flimkien Għal Dejjem

Immaġni
Il-President Henry B. Eyring

Il-qawwa tas-saċerdozju li tgħaqqad lill-familji għall-eternità hija waħda mill-akbar rigali ta’ Alla. Kull persuna li tifhem il-pjan tas-salvazzjoni tkun tixtieq din il-barka li tibqa’ għal dejjem. Huwa biss fiċ-ċerimonji tas-siġill li jitwettqu fit-tempji ddedikati tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li Alla joffri l-wegħda li l-familji jistgħu jingħaqdu flimkien għal dejjem.

L-imfietaħ tas-saċerdozju li permezz tagħhom dan huwa possibbli ġew irrestawrati fid-dinja permezz tal-profeta Elija lil Joseph Smith ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland. Dawk l-imfietaħ tas-saċerdozju għaddew minn profeta ħaj għall-ieħor fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem mingħajr ebda interruzzjoni sal-ġurnata tal-lum.

Is-Salvatur fil-ministeru mortali Tiegħu tkellem dwar il-qawwa li tissiġilla lill-familji, fil-kliem li Huwa tenna lil Pietru, l-Appostlu ewlieni Tiegħu, meta Huwa qal, “Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema” (Mattew 18:18).

Hija biss fis-saltna ċelestjali li aħna nistgħu ngħixu bħala familji għal dejjem. Hemmhekk nistgħu ngħixu bħala familji fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet u tas-Salvatur tagħna. Fid-Duttrina u Patti, il-Profeta Joseph Smith iddeskriva dik l-esperjenza mill-isbaħ b’ dan il-mod:

“Meta jidher is-Salvatur se narawh kif inhu. Se naraw li Huwa raġel bħalna.

“U l-istess soċjalità li teżisti fostna hawn se teżisti fostna hemmhekk, bid-differenza li magħha se jkollna l-glorja eterna, liema glorja bħalissa m’aħniex ingawdu” (D&C 130:1–2).

Din l-iskrittura tissuġġerixxi li b’ kunfidenza aħna nistgħu naraw li jkollna standard divin fir-relazzjonijiet tagħna mal-familji tagħna. Jista’ jimpurtana biżżejjed mill-membri tal-familja tagħna, ħajjin u mejtin, li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex noffrulhom l-ordinanzi tas-saċerdozju li jgħaqqduna flimkien fis-smewwiet.

Ħafna minnkom, żgħar u kbar, diġà qed tagħmlu dan. Intom fittixtu l-ismijiet tal-antenati tagħkom li għadhom ma rċevewx l-ordinanzi li jistgħu jissiġillawkom flimkien.

Kważi lkoll kemm intom għandkom qraba ħajjin li għadhom ma ġewx issiġillati bħala familji permezz tal-qawwa tas-saċerdozju. Ħafna minnkom għandkom qraba li rċevew l-ordinanzi tas-saċerdozju iżda mhux qed iżommu l-patti li huma għamlu ma’ Alla. Alla jberikkom talli intom b’ fidi tippruvaw tgħinu lil dawn il-qraba. Il-Mulej jagħtikom l-istess wegħda li Huwa jagħmel lid-dixxipli Tiegħu li jmorru u jressqu nies oħra lejh:

“U kull min jilqagħkom, hemm inkun jiena wkoll, għax jiena se nkun quddiemkom. Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.” (D&C 84:88).

Mit-tieqa tal-uffiċċju tiegħi jiena nara kuljum l-għarajjes jieħdu r-ritratti fost fjuri sbieħ u funtani jtajru l-ilma. L-għarus ħafna drabi jġorr l-għarusa f’ dirgħajh, għallinqas għal ftit passi diffiċli, sakemm il-fotografu jiġbed ir-ritratti tat-tieġ. Kull darba li nara dan, jiġu f’ moħħi koppji li sirt naf li maż-żmien—kultant żmien qasir biss wara l-jum tat-tieġ—kellhom iġorru lil xulxin b’ modi oħra meta l-ħajja saret iebsa. L-impjiegi jistgħu jintilfu. It-tfal jistgħu jitwieldu bi sfidi kbar. Jista’ jfeġġ il-mard. U mbagħad, id-drawwiet li nagħmlu lil ħaddieħor dak li rridu li ħaddieħor jagħmel magħna—meta kollox kien aktar faċli—jagħmilna eroj f’ dawk iż-żminijiet diffiċli meta jkollna bżonn nuru kuraġġ ferm aktar milli ħsibna li kellna ġewwa fina.

Aħna obbligati li mal-familji tagħna jkollna t-tip ta’ relazzjoni li nistgħu nieħdu magħna fil-preżenza ta’ Alla. Għandna nippruvaw ma noffenduhomx u ma noffendux ruħna malajr. Għandna niddeċiedu li naħfru malajr u għal kollox. Nistgħu nippruvaw infittxu l-hena tal-oħrajn qabel l-istess ferħ tagħna. Nistgħu nkunu ġentili f’ diskorsna. Hekk kif nippruvaw nagħmlu dan kollu, aħna nistiednu l-Ispirtu s-Santu fil-familji tagħna u f’ ħajjitna.

L-assigurazzjoni tiegħi lilkom hi li, bl-għajnuna tal-Mulej u b’ qalb niedma, aħna jista’ jkollna idea f’ din il-ħajja tat-tip ta’ ħajja li rridu li jkollna għal dejjem. Missierna tas-Smewwiet iħobbna. Huwa jridna lura ħdejh. Is-Salvatur, permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, jagħmel possibbli li f’ qalbna jkollna l-bidla li għandna bżonn nagħmlu sabiex inkunu nistgħu nidħlu fit-tempji mqaddsa, nagħmlu patti li wara nkunu nistgħu nżommu, u meta jasal il-jum aħna ngħixu bħala familji għal dejjem fil-glorja ċelestjali—lura d-dar.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Hekk kif taqsmu d-duttrina tal-familji eterni, ikkunsidraw dak li qal il-Presbiteru Richard G. Scott tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu: “Dejjem ippruvaw saħħu l-familji. Għallmu b’ viżjoni dwar l-importanza li l-familji jiġu ssiġillati fit-tempju. … Meta intom ikollkom viżjoni tal-ordinanzi tat-tempju, intom tkunu qed tgħinu li tinbena s-saltna ta’ Alla fid-dinja” (“I Have Given You an Example,” Liahona, Mejju 2014, 34). Kif tistgħu tgħinu lil dawk li intom qed tgħallmu sabiex huma jiżviluppaw viżjoni ta’ kemm hu importanti li huma jiġu ssiġillati fit-tempju? Stieden lil dawk li għadhom ma ġewx issiġillati sabiex jiddiskutu x’ passi għandhom jieħdu biex jitħejjew għal dik l-ordinanza. Stieden lil dawk li ġew issiġillati sabiex jiddiskutu kif huma jistgħu jżommu quddiem għajnejhom il-viżjoni tal-familja eterna u jaħdmu sabiex itejbu r-relazzjoni ta’ bejniethom.

Ipprintja