2015
Iddedikaw Ħin għas-Salvatur
Diċembru 2015


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Diċembru 2015

Iddedikaw Ħin għas- Salvatur

Reġa’ wasal staġun ieħor tal-Milied u miegħu waslet ukoll sena ġdida. Bħallikieku qisu lbieraħ li ċċelebrajna t-twelid tas-Salvatur u għamilna r-reżoluzzjonijiet tagħna.

Fost ir-reżoluzzjonijiet għal din is-sena, irnexxielna nirriżolvu li se niddedikaw aktar ħin f’ ħajjitna u nagħmlu spazju akbar f’ qalbna għas-Salvatur? Irnexxielna kemm irnexxielna f’ din ir-reżoluzzjoni, jiena ninsab ċert li lkoll nixtiequ nagħmlu aħjar. Dan l-istaġun tal-Milied huwa ż-żmien perfett biex neżaminaw u nġeddu l-isforzi tagħna.

Fil-ħajja mgħaġġla tagħna, b’ tant ħsibijiet f’ moħħna li lkoll jixtiequ li nagħtuhom prijorità, hu essenzjali li b’ impenn u minn qalbna nagħmlu sforz li nressqu lil Kristu f’ ħajjitna u fi djarna. Huwa importanti ferm li aħna, bħall-Għorrief mil-Lvant, nibqgħu niffokaw fuq l-istilla Tiegħu u mmorru “nqimuh.”1

Tul il-ġenerazzjonijiet taż-żmien, il-messaġġ ta’ Ġesù kien dejjem l-istess. Meta kienu ħdejn ix-xatt tal-Galilija Huwa qal lil Pietru u lil Indri, “Imxu warajja.”2 Lil Filippu sejjaħlu, “Imxi warajja.”3 Lil-Levita li kien jiġbor it-taxxi qallu, “Imxi warajja.”4 U lilek u lili, jekk nippruvaw nisimgħu, qed nirċievu dik l-istess stedina: “Imxu warajja.”5

Hekk kif illum aħna nimxu wara l-passi Tiegħu u hekk kif insegwu l-eżempju Tiegħu, aħna jkollna opportunitajiet li nbierku l-ħajja ta’ ħaddieħor. Ġesù jistedinna biex noffru lilna nfusna: “Araw, il-Mulej jeħtieġ il-qalb u moħħ lest għalih.”6

Hemm xi ħadd li tista’ tipprovdilu s-servizz tiegħek dan il-Milied? Hemm xi ħadd li qed jistenna li inti żżuru?

Snin ilu fil-Milied jiena mort inżur id-dar ta’ waħda armla anzjana. Waqt li kont hemm, daqqet il-qanpiena tal-bieb ta’ barra. Fil-bieb deher tabib mill-aktar imfittex u prominenti. Ħadd makien ċempillu; pjuttost, huwa kien ħass li kellu jmur iżur pazjenta li kienet tgħix weħidha.

Matul dan l-istaġun, il-qlub ta’ dawk li jinsabu weħdihom ikollhom xewqa kbira li għall-Milied xi ħadd iżurhom. Darba waħda fil-Milied waqt li kont qed inżur ċentru tal-anzjani, jiena poġġejt bilqiegħda nitkellem ma’ ħames xebbiet anzjani, u l-ixjeh fosthom kellha 101. Kienet għamja, iżda leħni għarfitu.

Qaltli, “Isqof, din is-sena ġejt iżżurni ftit tard!” “Ħsibt li lanqas biss kont ġej.”

Qattajna ħin verament sabiħ flimkien. Pazjenta minnhom, madankollu, bdiet tittawwal, mimlija tama, mit-tieqa u tirrepeti kontinwament, “Naf li llum ibni se jiġi jarani.” Ma kontx ċert kienx se jmur, għaliex kien hemm staġuni oħra tal-Milied meta ma kien mar xejn.

Għad baqa’ ħin din is-sena li nestendu l-id tal-għajnuna, il-qalb kollha mħabba u l-ispirtu disponibbli—fi kliem ieħor, li nimxu wara l-eżempju li tana s-Salvatur tagħna u nservu kif iridna nservu Hu. Hekk kif aħna naqduh, aħna ma nkunux qed nitilfu l-opportunità li għandna, kif għamel sid il-lukanda fi żmien antik,7 li niddedikaw ħin għalih f’ ħajjitna u nagħmlu spazju għalih f’ qalbna.

Nistgħu verament nifhmu l-wegħda meraviljuża li hemm fil-messaġġ li l-anġlu ta lir-rgħajja li kienu qed jirgħu fl-għalqa: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir. … Illum … twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej”?8

Hekk kif fil-Milied aħna nagħtu r-rigali lil xulxin, jalla niftakru, napprezzaw u nirċievu dak l-akbar rigal fost ir-rigali kollha—ir-rigal tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, li permezz Tiegħu nistgħu niksbu l-ħajja eterna.

“Għaliex’ jiswieh il-bniedem jekk huwa jingħata rigal u ma jaċċettahx? Araw, huwa ma jifraħx b’ dak li ngħatalu, lanqas jifraħ b’ dak li tah ir-rigal.”9

Jalla aħna nimxu warajh, naqduh, nonorawh u nirċievu f’ ħajjitna r-rigali li jagħtina, sabiex inkunu, fi kliem il-Missier Leħi, “imdawrin għal dejjem f’ dirgħajn l-imħabba tiegħu.”10

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Il-President Monson isejħilna sabiex “b’ impenn u minn qalbna nagħmlu sforz li nressqu lil Kristu f’ ħajjitna u fi djarna.” Ikkunsidraw li tiddiskutu ma’ dawk li intom tgħallmu kif minn qalbhom jistgħu jagħmlu dan l-isforz kemm b’ mod individwali kif ukoll bħala familja. Tafu tikkunsidraw li tistaqsuhom sabiex jaħsbu dwar xi persuna jew familja speċifika li jistgħu jżuru jew jaqdu f’ dan il-Milied. Għad baqa’ ħin din is-sena li nestendu l-id tal-għajnuna, il-qalb kollha mħabba u l-ispirtu disponibbli.”

Ipprintja